Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 24

Joseph Tests His Brothers

Joseph Tests His Brothers

ĠUŻEPPI jrid ikun jaf jekk l-​10 ħutu l-​kbar għadhomx kattivi u bla qalb. Għalhekk, hu jgħid: ‘Intom spiji. Ġejtu biex taraw fejn pajjiżna hu dgħajjef.’

Huma jgħidu: ‘Le, m’aħniex. Aħna rġiel onesti. Aħna lkoll aħwa. Konna 12. Imma wieħed minn ħutna m’għadux magħna, u ż-​żgħir qiegħed id-​dar maʼ missierna.’

Ġużeppi taparsi ma jemminhomx. Hu jitfaʼ lil ħuh Simegħon il-​ħabs, u jħalli lill-​oħrajn jieħdu xi ikel u jmorru d-​dar. Imma jgħidilhom: ‘Meta tiġu lura tridu ġġibu lil ħukom iż-​żgħir magħkom.’

Meta jmorru lura d-​dar f’Kangħan, l-​aħwa jgħidu lil missierhom Ġakobb b’dak kollu li ġara. Ġakobb hu mnikket ħafna. ‘L-​ewwel tlift lil Ġużeppi,’ jibki hu, ‘u issa tlift lil Simegħon. Mhux se nħallikom tiħduli lil ibni ż-​żgħir Benjamin.’ Imma meta jibda jispiċċalhom l-​ikel, Ġakobb ikollu jħallihom jieħdu lil Benjamin l-​Eġittu ħalli jkunu jistgħu jġibu iktar ikel.

Issa Ġużeppi jara lil ħutu ġejjin. Hu ferħan ħafna li qed jara lil ħuh iż-​żgħir Benjamin. Dażgur, ħadd minnhom ma jaf li dan ir-​raġel importanti hu Ġużeppi. Ġużeppi issa jagħmel xi ħaġa biex jgħaddi minn prova lill-​10 ħutu mill-​missier.

Hu jqabbad lill-​qaddejja tiegħu jimlew il-​basktijiet kollha tagħhom bl-​ikel. Imma, bla ma jħallihom jindunaw, ipoġġi t-​tazza speċjali tal-​fidda tiegħu fil-​basket taʼ Benjamin. Wara li kollha jitilqu u jkunu tbiegħdu ftit, Ġużeppi jibgħat lill-​qaddejja tiegħu warajhom. Meta jilħquhom, il-​qaddejja jgħidu: ‘Għax sraqtu t-​tazza tal-​fidda taʼ sidna?’

L-​aħwa kollha jgħidu: ‘Aħna ma sraqniex it-​tazza tiegħu. Jekk issibu t-​tazza għand xi ħadd minna, ħa jiġi maqtul.’

Għalhekk, il-​qaddejja jfittxu fil-​basktijiet kollha, u jsibu t-​tazza fil-​basket taʼ Benjamin, bħalma tistaʼ tara fl-​istampa. Il-​qaddejja jgħidu: ‘Il-​bqija tistgħu tmorru, imma Benjamin ikollu jiġi magħna.’ Issa, x’se jagħmlu l-​10 aħwa?

Kollha jmorru lura maʼ Benjamin sad-​dar taʼ Ġużeppi. Ġużeppi jgħid lil ħutu: ‘Kollha tistgħu tmorru d-​dar, imma Benjamin ikollu jibqaʼ hawn bħala l-​ilsir tiegħi.’

Issa jitkellem Ġuda u jgħid: ‘Jekk immur lura mingħajr it-​tifel, missieri jmut għax iħobbu ħafna. Allura, jekk jogħġbok, żomm lili hawn bħala l-​ilsir tiegħek imma ħalli t-​tifel imur id-​dar.’

Ġużeppi jistaʼ jara li ħutu kienu nbidlu. M’għadhomx kattivi u bla qalb. Ejja naraw x’jagħmel issa Ġużeppi.