Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 32

L-10 Kastigi

L-10 Kastigi

ĦARES lejn l-​istampi. Kull waħda turi kastig li Ġeħova ġab fuq l-​Eġittu. Fl-​ewwel stampa tistaʼ tara lil Aron imiss ix-​Xmara Nil bil-​bastun tiegħu. Meta għamel hekk, l-​ilma fix-​xmara nbidel f’demm. Il-​ħut miet, u x-​xmara bdiet tinten.

Imbagħad, Ġeħova ġiegħel li jiġu żrinġijiet mix-​Xmara Nil. Daħlu kullimkien—fl-​ifran, fid-​dixxijiet, fis-​sodod tan-​nies—kullimkien. Meta ż-​żrinġijiet mietu, l-​Eġizzjani ġabruhom fi gzuz kbar, u l-​art kienet tinten ħafna minħabba fihom.

Wara dan, Aron mess l-​art bil-​bastun tiegħu, u t-​trab inbidel f’nemus. Dawn huma insetti żgħar li jtiru u jigdmu. In-​nemus kien it-​tielet kastig fuq l-​art tal-​Eġittu.

Il-​kumplament tal-​kastigi laqtu lill-​Eġizzjani biss, u mhux lill-​Iżraelin. Ir-​rabaʼ kien kastig taʼ dubbien kbir u dawn daħlu fid-​djar tal-​Eġizzjani kollha. Il-​ħames kastig laqat lill-​annimali. Ħafna mill-​baqar u n-​nagħaġ u l-​mogħoż tal-​Eġizzjani mietu.

Imbagħad, Mosè u Aron ħadu xi rmied u waddbuh fl-​arja. Dan wassal biex in-​nies u l-​annimali jkollhom l-​infafet. Dan kien is-​sitt kastig.

Wara dan, Mosè għolla idu lejn is-​sema, u Ġeħova bagħat ir-​ragħad u s-​silġ. Kienet l-​agħar xita bis-​silġ li l-​Eġittu qatt kellu.

It-​tmien kastig kien qatgħa kbira taʼ ġurati. Qatt qabel dak iż-​żmien jew s’issa ma kien hemm daqstant ġurati. Kielu dak kollu li ma qeridx is-​silġ.

Id-​disaʼ kastig kien tad-​dlam. Għal tlett ijiem kien hemm dlam ċappa fuq l-​art, imma l-​Iżraelin kellhom id-​dawl fejn kienu qed jgħixu huma.

Fl-​aħħar, Alla qal lill-​poplu tiegħu biex jitfgħu ftit mid-​demm taʼ mogħża jew nagħġa żgħira mal-​koxox tal-​bibien tagħhom. Imbagħad, l-​anġlu t’Alla għadda minn fuq l-​Eġittu. Meta l-​anġlu kien jara d-​demm, ma kien joqtol lil ħadd f’dik id-​dar. Imma, fid-​djar kollha fejn ma kienx hemm demm mal-​koxox tal-​bieb, l-​anġlu t’Alla kien joqtol lill-​ewwel imwieled tal-​bnedmin u tal-​annimali. Dan kien l-​10 kastig.

Wara dan l-​aħħar kastig, il-​Fargħun qal lill-​Iżraelin biex jitilqu. Il-​poplu t’Alla kien lest biex imur, u dak il-​lejl stess bdew ħerġin mill-​Eġittu.