Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 37

Tinda għall-Qima

Tinda għall-Qima

TAF x’inhu dan il-​bini? Hu tinda speċjali għall-​qima taʼ Ġeħova. Jissejjaħ ukoll it-​tabernaklu. In-​nies lestew dan il-​bini sena wara li ħarġu mill-​Eġittu. Taf min ried lin-​nies jibnu t-​tabernaklu?

Ġeħova ried li jagħmlu dan. Meta Mosè kien fuq il-​Muntanja Sinaj, Ġeħova qallu kif jibnih. Hu qallu jagħmlu b’tali mod li jkun jistaʼ jiżżarma malajr. B’hekk, il-​partijiet setgħu jinġarru lejn postijiet oħrajn, u mbagħad jerġgħu jiġu armati. Allura meta l-​Iżraelin kienu jmorru minn post għall-​ieħor fid-​deżert, huma kienu jġorru t-​tinda magħhom.

Jekk tħares fil-​kamra ż-​żgħira ġewwanett fit-​tinda, tistaʼ tara kaxxa. Din tissejjaħ l-​arka tal-​patt. Kellha żewġ anġli jew kerubini magħmulin mid-​deheb, wieħed fuq kull naħa. Alla kiteb l-​Għaxar Kmandamenti għal darba oħra fuq żewġ ġebliet ċatti għaliex Mosè kisser l-​ewwel tnejn. U dan il-​ġebel kien jinżamm fl-​arka tal-​patt. Ukoll, fiha kienet tinżamm ġarra bil-​manna. Tiftakar x’inhi l-​manna?

Ħu Mosè, Aron, hu l-​wieħed magħżul minn Ġeħova biex ikun il-​qassis il-​kbir. Hu jmexxi lin-​nies fil-​qima taʼ Ġeħova. U wliedu wkoll huma qassisin.

Issa ħares lejn il-​kamra akbar tat-​tinda. Hi darbtejn akbar miż-​żgħira. Qed taraha l-​kaxxa bi ftit duħħan ħiereġ minnha? Dan hu l-​artal fejn il-​qassisin jaħarqu xi ħaġa li għandha riħa ħelwa u li tissejjaħ inċens. Imbagħad hemm il-​gandlier li fih sebaʼ lampi. U t-​tielet ħaġa li hemm fil-​kamra hi mejda. Fuqha jinżammu 12-​il ħobża.

Fil-​bitħa tat-​tabernaklu hemm vaska kbira mimlija ilma. Il-​qassisin kienu jaħslu jdejhom u saqajhom fiha. Hemm ukoll l-​artal il-​kbir. Hemmhekk l-​annimali mejtin jiġu maħruqin bħala offerta lil Ġeħova. It-​tinda tinsab eżatt f’nofs il-​kamp, u l-​Iżraelin jgħixu madwarha fit-​tined tagħhom.