Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 44

Raħab Taħbi lill-Ispiji

Raħab Taħbi lill-Ispiji

DAWN l-​irġiel qegħdin fl-​inkwiet. Hemm bżonn li jaħarbu, inkella se jinqatlu. Huma spiji Iżraelin, u l-​mara li qed tgħinhom hi Raħab. Raħab tgħix hawn f’dar fuq is-​sur tal-​belt taʼ Ġeriko. Ejja naraw għala dawn l-​irġiel sabu ruħhom fl-​inkwiet.

L-​Iżraelin huma lesti biex jaqsmu x-​Xmara Ġordan għal ġol-​art taʼ Kangħan. Imma qabel ma jagħmlu dan, Ġożwè jibgħat żewġ spiji. Hu jgħidilhom: ‘Morru agħtu daqqa t’għajn lill-​art u l-​belt taʼ Ġeriko.’

Meta l-​ispiji jidħlu f’Ġeriko, imorru fid-​dar taʼ Raħab.Imma xi ħadd jgħid lis-​sultan taʼ Ġeriko: ‘Żewġ Iżraelin ġew hawn illejla biex jitkixxfu l-​art.’ Meta jismaʼ dan, is-​sultan jibgħat lil xi rġiel għand Raħab, u jordnawlha: ‘Oħroġ l-​irġiel li għandek f’darek!’ Imma Raħab ħbiet lill-​ispiji fuq il-​bejt tagħha. Għalhekk tgħid: ‘Veru li xi rġiel ġew f’dari, imma ma nafx minn fejn kienu. Huma telqu malli beda jidlam, qabel ma ngħalaq il-​bieb tal-​belt. Jekk tgħaġġlu, tilħquhom!’ U għalhekk l-​irġiel jitilqu jiġru warajhom.

Wara li jitilqu, Raħab titlaʼ malajr fuq il-​bejt. Hi tgħid lill-​ispiji: ‘Jien naf li Ġeħova se jagħtikom din l-​art. Aħna smajna kif nixxef il-​Baħar l-​Aħmar meta kontu ħerġin mill-​Eġittu, u kif qtiltu lis-​slaten Siħon u Għog. Jien kont qalbi tajba magħkom, għalhekk wegħduni, jekk jogħġobkom, li tkunu qalbkom tajba miegħi. Eħilsu lil missieri, lil ommi, u lil ħuti.’

L-​ispiji jwiegħdu li hekk ħa jagħmlu, imma hemm bżonn li Raħab tagħmel xi ħaġa. L-​ispiji jgħidulha: ‘Ħu dan il-​ħabel aħmar u orbtu fit-​tieqa tiegħek, u iġbor lil qrabatek f’darek miegħek. U meta aħna kollha nerġgħu lura biex nieħdu ’l Ġeriko, se naraw dan il-​ħabel fit-​tieqa tiegħek u ma noqtlu ’l ħadd f’darek.’ Meta l-​ispiji jmorru lura għand Ġożwè, jgħidulu b’dak kollu li ġara.