STORJA 45
Jaqsmu x-Xmara Ġordan
ARA naqra! L-Iżraelin qed jaqsmu x-Xmara Ġordan! Imma fejn hu l-ilma? Minħabba li tinżel ħafna xita f’dak iż-żmien tas-sena, ix-xmara kienet mimlija sew ftit minuti qabel. Imma issa m’hemmx ilma! U l-Iżraelin qed jaqsmu fuq art niexfa l-istess bħalma għamlu fil-Baħar l-Aħmar! Fejn mar l-ilma kollu? Ejja naraw.
Meta wasal iż-żmien biex l-Iżraelin jaqsmu x-Xmara Ġordan, Ġeħova qabbad lil Ġożwè biex jgħid hekk lill-poplu: ‘Il-qassisin għandhom jieħdu l-arka tal-patt u jmorru qabilna. Meta saqajhom imissu l-ilmijiet tax-Xmara Ġordan, imbagħad l-ilmijiet jieqfu.’
Għalhekk il-qassisin jerfgħu l-arka tal-patt, u jġorruha quddiem il-poplu. Meta jaslu ħdejn il-Ġordan, il-qassisin jinżlu fl-ilma. L-ilma għaddej b’saħħtu kollha u hu fond. Imma malli saqajhom imissu mal-ilma, l-ilma jibda jnaqqas! Huwa miraklu! Iktar ’il fuq fix-xmara Ġeħova waqqaf l-ilmijiet. B’hekk, malajr ma jkunx hemm iktar ilma fix-xmara!
Il-qassisin li qed iġorru l-arka tal-patt joħorġu sa nofs ix-xmara niexfa. Qed tarahom fl-istampa? Waqt li joqogħdu weqfin hemm, l-Iżraelin kollha jaqsmu fuq art niexfa min-naħa għall-oħra tax-Xmara Ġordan!
Meta kulħadd ikun qasam, Ġeħova jqabbad lil Ġożwè biex jgħid lil 12-il raġel b’saħħtu: ‘Morru fix-xmara fejn hemm il-qassisin bl-arka tal-patt. Iġbru 12-il ġebla, u agħmluhom f’gozz fil-post fejn se tkunu kollha l-lejla. Imbagħad, fil-futur, meta wliedkom jistaqsu xi jfissru dawn il-ġebliet, għandkom tgħidulhom li l-ilmijiet waqfu meta l-arka tal-patt taʼ Ġeħova qasmet il-Ġordan. Il-ġebel se jfakkarkom f’dan il-miraklu!’ Ukoll, Ġożwè jwaqqaf 12-il ġebla oħra fil-post fejn il-qassisin kienu qagħdu weqfin f’qiegħ ix-xmara.
Fl-aħħar Ġożwè jgħid lill-qassisin li kienu qed iġorru l-arka tal-patt: ‘Oħorġu mill-Ġordan.’ U malli jagħmlu hekk, ix-xmara terġaʼ tibda għaddejja.