Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 46

Is-Swar taʼ Ġeriko

Is-Swar taʼ Ġeriko

X’QED iġiegħel li dawn is-​swar taʼ Ġeriko jaqgħu? Jidher qisu laqtithom xi bomba kbira. Imma f’dak iż-​żmien ma kellhomx bombi; lanqas pistoli ma kien għad kellhom. Huwa miraklu ieħor taʼ Ġeħova! Ejja nitgħallmu kif ġara dan.

Ismaʼ x’jgħid Ġeħova lil Ġożwè: ‘Int u s-​suldati tiegħek għandkom timmarċjaw madwar il-​belt. Immarċjaw madwarha darba biss, u agħmlu dan għal sitt ijiem. Ġorru l-​arka tal-​patt magħkom. Sebaʼ qassisin għandhom jimxu qabilha u jdoqqu l-​qarn tagħhom.

‘Fis-​sebaʼ jum għandkom timmarċjaw madwar il-​belt sebaʼ darbiet. Imbagħad doqqu nota twila fuq il-​qarn, u kulħadd għandu jgħajjat għajta kbira tal-​gwerra. U s-​swar se jaqgħu ċatti mal-​art!’

Ġożwè u l-​poplu jagħmlu dak li jgħidilhom Ġeħova. Waqt li jimmarċjaw kulħadd ikun kwiet. Ħadd ma jgħid xejn, lanqas kelma waħda. Kulma jinstemaʼ hu l-​ħoss tal-​qarn u tan-​nies jimmarċjaw. Bilfors li l-​għedewwa tan-​nies t’Alla f’Ġeriko ħassewhom beżgħanin. Qed tara dak il-​ħabel aħmar imdendel mit-​tieqa? Taʼ min hi t-​tieqa? Iva, Raħab għamlet dak li qalulha l-​ispiji biex tagħmel. Il-​familja kollha tagħha jinsabu ġewwa magħha jaraw dak li qed jiġri.

Fl-​aħħar, fis-​sebaʼ jum, wara li jimmarċjaw madwar il-​belt seba’ darbiet, huma jdoqqu l-​qarn, is-​suldati jgħajtu, u s-​swar jaqgħu. Imbagħad Ġożwè jgħid: ‘Oqtlu lil kulħadd fil-​belt u aħarquha. Aħarqu kollox. Ħallu biss il-​fidda, id-​deheb, ir-​ram aħmar, u l-​ħadid, u agħtuhom lit-​teżorerija tat-​tinda taʼ Ġeħova.’

Ġożwè jgħid liż-​żewġ spiji: ‘Morru fid-​dar taʼ Raħab, u oħorġu lilha u lill-​familja tagħha.’ Raħab u l-​familja tagħha jiġu salvati, eżatt kif kienu wiegħdu l-​ispiji.