Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 47

Ħalliel f’Iżrael

Ħalliel f’Iżrael

ARA x’qed jaħbi dan ir-​raġel fit-​tinda tiegħu! Libsa sabiħa, u ingott tad-​deheb, u xi biċċiet tal-​fidda. Dawn ħadhom mill-​belt taʼ Ġeriko. Iżda x’kellu jsir bl-​affarijiet f’Ġeriko? Tiftakar?

Suppost kellhom jinqerdu, u d-​deheb u l-​fidda kellhom jingħataw lit-​teżorerija tat-​tabernaklu taʼ Ġeħova. Allura dawn in-​nies m’obdewx ’l Alla. Huma serqu dak li hu t’Alla. Ir-​raġel jismu Għakan, u dawk li hemm miegħu huma membri tal-​familja tiegħu. Ejja naraw x’jiġri.

Wara li Għakan jisraq dawn l-​affarijiet, Ġożwè jibgħat xi rġiel biex jiġġieldu kontra l-​belt t’Għaj. Imma ma jirbħux il-​battalja. Xi wħud minnhom jinqatlu, u l-​bqija jaħarbu. Ġożwè jinsab imdejjaq ħafna. Jinxteħet wiċċu fl-​art u jitlob lil Ġeħova: ‘Għala ħallejt li jiġrilna dan?’

Ġeħova jwieġeb: ‘Qum! Iżrael dineb. Ħadu ftit mill-​affarijiet li kellhom jinqerdu jew jingħataw lit-​tabernaklu taʼ Ġeħova. Serqu libsa sabiħa u ma wrew lil ħadd biha. Jien m’iniex se nberikkom qabel ma teqirdu lilha, u lil dak li ħa dawn l-​affarijiet.’ Ġeħova jgħid li se juri lil Ġożwè min kien dak ir-​raġel ħażin.

Għalhekk, Ġożwè jiġbor lill-​poplu kollu flimkien, u minnhom Ġeħova jagħżel ir-​raġel ħażin Għakan. Għakan jgħid: ‘Dnibt. Rajt libsa sabiħa, u l-​ingott tad-​deheb u l-​biċċiet tal-​fidda. Tant ridthom li ħadthom. Issibuhom moħbijin fit-​tinda tiegħi.’

Meta jinstabu dawn l-​affarijiet u jinġiebu għand Ġożwè, hu jgħid lil Għakan: ‘Għala ġibt dan l-​inkwiet fuqna? Issa Ġeħova se jġib l-​inkwiet fuqek!’ Imbagħad il-​poplu kollu jħaġġar lil Għakan u lill-​familja tiegħu sakemm imutu. Ma juriniex dan li qatt m’għandna nieħdu affarijiet li ma jkunux tagħna?

Wara dan, Iżrael għal darb’oħra joħroġ jiġġieled kontra Għaj. Din id-​darba Ġeħova jgħin lill-​poplu tiegħu u huma jirbħu l-​battalja.