Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 49

Ix-Xemx Ma Tiċċaqlaqx

Ix-Xemx Ma Tiċċaqlaqx

ARA Ġożwè. Qed jgħid: ‘Xemx, tiċċaqlaqx!’ U veru, ix-​xemx tieqaf. Tibqaʼ hemm eżatt f’nofs is-​sema għal ġurnata sħiħa. Ġeħova jagħmel dan! Imma ejja naraw għala Ġożwè jrid li x-​xemx tibqaʼ tiddi.

Meta l-​ħames slaten ħżiena fl-​art taʼ Kangħan jibdew jiġġieldu kontra l-​Gibegħonin, il-​Gibegħonin jibagħtu raġel biex jitlob l-​għajnuna taʼ Ġożwè. ‘Ejja għandna malajr!’ jgħidlu. ‘Salvana! Is-​slaten kollha fil-​pajjiż tal-​għoljiet ġew biex jiġġieldu kontra l-​qaddejja tiegħek.’

Mill-​ewwel, Ġożwè u s-​suldati kollha tiegħu jmorru. Jimmarċjaw il-​lejl kollu. Meta jaslu Gibegħon, is-​suldati tal-​ħames slaten jibżgħu u jibdew jaħarbu. Imbagħad Ġeħova jġiegħel li jaqaʼ silġ kbir mis-​sema, u iżjed imutu suldati għax jintlaqtu minn dan is-​silġ milli jinqatlu mis-​suldati taʼ Ġożwè.

Ġożwè jistaʼ jara li x-​xemx dalwaqt tinżel. Se jidlam, u ħafna mis-​suldati tal-​ħames slaten se jaħarbu. Mela hu għalhekk li Ġożwè jitlob lil Ġeħova u mbagħad jgħid: ‘Xemx, tiċċaqlaqx!’ U meta x-​xemx tibqaʼ tiddi, l-​Iżraelin jistgħu jkomplu jirbħu l-​ġlieda.

Hemm ħafna iżjed slaten ħżiena ġo Kangħan li jobogħdu lin-​nies t’Alla. Ġożwè u l-​armata tiegħu jdumu madwar sitt snin biex jegħlbu l-​31 sultan f’dik l-​art. Meta jiġri dan, Ġożwè jara li l-​art taʼ Kangħan titqassam fost dawk it-​tribujiet li għad għandhom bżonn it-​territorju.

Jgħaddu bosta snin, u Ġożwè fl-​aħħar imut taʼ 110 snin. Sakemm idumu ħajjin hu u l-​ħbieb tiegħu, in-​nies jobdu lil Ġeħova. Imma meta dawn l-​irġiel tajbin imutu, in-​nies jibdew jagħmlu affarijiet ħżiena u jidħlu fl-​inkwiet. Huwa f’dan iż-​żmien li tassew jeħtieġu l-​għajnuna t’Alla.