Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 50

Żewġ Nisa Kuraġġużi

Żewġ Nisa Kuraġġużi

META l-​Iżraelin jidħlu fl-​inkwiet, isejħu lil Ġeħova. Ġeħova jwiġibhom billi jagħti mexxejja kuraġġużi biex jgħinuhom. Il-​Bibbja ssejjaħ lil dawn il-​mexxejja mħallfin. Ġożwè kien l-​ewwel imħallef, u ftit mill-​imħallfin li ġew warajh kien jisimhom Għotnijel, Eħud, u Samgar. Imma tnejn min-​nies li jgħinu lil Iżrael huma nisa li jisimhom Debora u Ġagħel.

Debora hija profetessa. Ġeħova jgħidilha x’se jiġri fil-​futur, u mbagħad hi tgħid lin-​nies x’jgħid Ġeħova. Debora wkoll hi mħallef. Hi toqgħod bilqiegħda taħt siġra tal-​palm fir-​reġjun muntanjuż, u n-​nies jiġu għandha ħalli tgħinhom bil-​problemi tagħhom.

F’dan iż-​żmien, Ġabin hu s-​sultan taʼ Kangħan. Għandu 900 karru tal-​gwerra. L-​armata tiegħu tant hi b’saħħitha li ħafna mill-​Iżraelin jiġu sforzati biex isiru l-​qaddejja taʼ Ġabin. Il-​kap tal-​armata tas-​Sultan Ġabin jismu Sisera.

Jum wieħed Debora tibgħat għall-​Imħallef Barak, u tgħidlu: ‘Ġeħova qal: “Ħu 10,000 raġel u mexxihom lejn il-​Muntanja Tabor. Hemmhekk inġiblek lil Sisera. U nagħtik ir-​rebħa fuqu u fuq l-​armata tiegħu.”’

Barak jgħid lil Debora: ‘Jien immur jekk int tiġi wkoll.’ Debora tmur, imma tgħid lil Barak: ‘M’intix se tieħu l-​krettu għar-​rebħa, għax Ġeħova se jagħti lil Sisera f’idejn mara.’ U hekk jiġri.

Barak jinżel mill-​Muntanja Tabor biex jiltaqaʼ mas-​suldati taʼ Sisera. F’daqqa waħda Ġeħova jġib dilluvju, u ħafna mis-​suldati tal-​għadu jegħrqu. Imma Sisera jinżel mill-​karru u jaħrab.

Wara xi ftit Sisera jiġi ħdejn it-​tinda taʼ Ġagħel. Tistiednu ġewwa, u tagħtih ftit ħalib. Dan iqabbdu n-​ngħas, u malajr jorqod fil-​fond. Imbagħad, Ġagħel tieħu musmar tat-​tined u ssammru ġo ras dan ir-​raġel ħażin. Iktar tard, meta jiġi Barak, hi turih lil Sisera mejjet! Għalhekk tistaʼ tara li dak li qalet Debora seħħ.

Fl-​aħħar, is-​Sultan Ġabin jinqatel ukoll, u l-​Iżraelin għal darb’oħra għandhom il-​paċi għal xi żmien.