Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 52

Gidegħon u t-300 Raġel Tiegħu

Gidegħon u t-300 Raġel Tiegħu

QED tara x’inhu jiġri hawn? Dawn huma kollha gwerriera t’Iżrael. L-​irġiel li huma baxxuti qed jixorbu. L-​Imħallef Gidegħon hu r-​raġel wieqaf viċin tagħhom. Qed jara kif qed jixorbu l-​ilma.

Ħares sewwa lejn il-​modi differenti kif l-​irġiel qed jixorbu. Xi wħud qed iniżżlu wiċċhom eżatt mal-​ilma. Imma wieħed qiegħed itellaʼ l-​ilma b’idu ħalli jkun jistaʼ jara x’qed jiġri madwaru. Dan hu importanti, għax Ġeħova qal lil Gidegħon biex jagħżel biss lill-​irġiel li jibqgħu għassa waqt li jixorbu. Alla qal li l-​bqija għandhom jintbagħtu d-​dar. Ejja naraw għala.

L-​Iżraelin reġgħu qegħdin f’ħafna inkwiet. Dan għax m’obdewx lil Ġeħova. In-​nies taʼ Midjan għandhom is-​setgħa fuqhom u qed jaħqruhom. Għalhekk, l-​Iżraelin isejħu lil Ġeħova għall-​għajnuna, u Ġeħova jismaʼ l-​għajjat tagħhom.

Ġeħova jgħid lil Gidegħon biex jiġbor armata, u għalhekk Gidegħon jiġbor flimkien 32,000 gwerrier. Imma hemm armata taʼ 135,000 raġel kontra Iżrael. U madankollu, Ġeħova jgħid lil Gidegħon: ‘Għandek wisq irġiel.’ Għala jgħid hekk Ġeħova?

Huwa għaliex kieku Iżrael jirbħu l-​gwerra, jistgħu jaħsbu li jkunu rebħu bil-​ħila tagħhom stess. Jistgħu jaħsbu li m’għandhomx bżonn l-​għajnuna taʼ Ġeħova biex jirbħu. Allura Ġeħova jgħid lil Gidegħon: ‘Għid lill-​irġiel kollha li qed jibżgħu biex imorru lura d-​dar.’ Meta Gidegħon jagħmel hekk, 22,000 mill-​gwerriera tiegħu jmorru d-​dar. Dan iħallih b’10,000 raġel biss biex jiġġieldu kontra dawk il-​135,000 suldat kollha kemm huma.

Imma, ismaʼ! Ġeħova jgħid: ‘Xorta għad għandek wisq irġiel.’ Għalhekk jgħid lil Gidegħon biex iqabbad lill-​irġiel jixorbu minn din ix-​xmara u mbagħad jibgħat id-​dar lil dawk in-​nies kollha li jniżżlu wiċċhom mal-​ilma biex jixorbu. Ġeħova jwiegħed: ‘Jien nagħtik ir-​rebħa b’dawk it-​300 raġel li baqgħu jgħassu waqt li xorbu.’

Jasal il-​waqt tal-​ġlieda. Gidegħon iqassam lit-​300 raġel fi tliet gruppi. Hu jagħti lil kull raġel qarn, u ġarra b’torċa ġo fiha. Meta joqrob nofsillejl, jinġabru kollha madwar il-​kamp tas-​suldati għedewwa. Imbagħad, fl-​istess ħin, kollha jdoqqu l-​qarn u jkissru l-​ġarar tagħhom, u jgħajtu: ‘Is-​sejf taʼ Ġeħova u taʼ Gidegħon!’ Meta s-​suldati għedewwa jqumu, jitħawdu u jibżgħu. Kollha jibdew jaħarbu, u l-​Iżraelin jirbħu l-​battalja.