Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 53

Il-Wegħda taʼ Ġefta

Il-Wegħda taʼ Ġefta

ĠIELI għamilt wegħda u mbagħad sibtha bi tqila biex iżżommha? Hekk ġralu r-​raġel fl-​istampa, u għalhekk hu daqshekk imnikket. Ir-​raġel hu mħallef kuraġġuż t’Iżrael li jismu Ġefta.

Ġefta jgħix fi żmien meta l-​Iżraelin m’għadhomx iqimu lil Ġeħova. Qed jerġgħu jagħmlu dak li hu ħażin. Għalhekk, Ġeħova jħalli lin-​nies tʼGħammon jittrattawhom ħażin. Dan iġiegħel lill-​Iżraelin isejħu lil Ġeħova u jgħidu: ‘Dnibna kontrik. Jekk jogħġbok, salvana!’

In-​nies jiddispjaċihom għall-​affarijiet ħżiena li kienu għamlu. Huma juru li ddispjaċiehom billi jerġgħu jibdew iqimu lil Ġeħova. U għalhekk, Ġeħova jerġaʼ jgħinhom.

Ġefta jintgħażel min-​nies biex jiġġieled kontra l-​Għammonin ħżiena. Ġefta verament jixtieq li Ġeħova jgħinu fil-​ġlieda. Għalhekk iwiegħed lil Ġeħova: ‘Jekk tagħtini r-​rebħa fuq l-​Għammonin, l-​ewwel persuna li toħroġ minn dari biex tilqagħni meta niġi lura mir-​rebħa nagħtiha lilek.’

Ġeħova jismaʼ l-​wegħda taʼ Ġefta, u jgħinu jirbaħ. Meta Ġefta jerġaʼ jmur lura d-​dar, taf min hi l-​ewwel persuna li toħroġ tilqgħu? Hija bintu, li hi l-​unika tifla tiegħu. Ġefta jgħajjat: ‘O, binti! Xi dwejjaq qed iġġibli. Imma jien għamilt wegħda lil Ġeħova, u ma nistax irreġġagħha lura.’

Meta bint Ġefta ssir taf bil-​wegħda li għamel, għall-​ewwel titnikket ukoll. Għax dan ifisser li se jkollha tħalli lil missierha u lill-​ħbieb tagħha. Imma hi se tqattaʼ l-​bqija taʼ ħajjitha taqdi lil Ġeħova fit-​tabernaklu tiegħu f’Silo. Għalhekk tgħid lil missierha: ‘Jekk għamilt wegħda lil Ġeħova, għandek iżżommha.’

Għalhekk bint Ġefta tmur Silo, u tqattaʼ l-​bqija taʼ ħajjitha taqdi lil Ġeħova fit-​tabernaklu tiegħu. Kull sena, għal erbat ijiem, in-​nisa t’Iżrael imorru jżuruha hemmhekk, u jieħdu gost flimkien. In-​nies iħobbu lil bint Ġefta għax tant hi qaddejja tajba taʼ Ġeħova.