Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 56

Sawl—l-Ewwel Sultan t’Iżrael

Sawl—l-Ewwel Sultan t’Iżrael

ARA lil Samwel iferraʼ ż-​żejt fuq ras dan ir-​raġel. Qabel hekk kienu jagħmlu biex juru li xi ħadd kien ġie magħżul bħala sultan. Ġeħova jgħid lil Samwel biex iferraʼ ż-​żejt fuq ras Sawl. Hu żejt speċjali li jfuħ.

Sawl ma ħasibx li kien tajjeb biżżejjed biex ikun sultan. Hu jgħid lil Samwel: ‘Jien mit-​tribù taʼ Benjamin, l-​iżgħar wieħed f’Iżrael. Għala qed tgħid li jien se nkun is-​sultan?’ Ġeħova jħobb lil Sawl għax hu ma joqgħodx jippretendi li hu kbir u importanti. Għalhekk jagħżlu biex ikun is-​sultan.

Iżda Sawl mhuwiex raġel fqir jew żgħir. Hu ġej minn familja sinjura, u hu raġel gustuż ħafna u twil. Hu xi 30 ċentimetru itwal minn kull persuna oħra f’Iżrael! Ukoll Sawl jiġri ħafna, u hu verament b’saħħtu. In-​nies huma ferħanin li Ġeħova għażel lil Sawl biex ikun is-​sultan. Kollha jibdew jgħajtu: ‘Ħa jgħix is-​sultan!’

L-​għedewwa t’Iżrael għadhom b’saħħithom bħal qabel. Huma għadhom qed joħolqu ħafna inkwiet għall-​Iżraelin. Ftit wara li Sawl isir is-​sultan, l-​Għammonin jiġu biex jiġġieldu kontrihom. Imma Sawl jiġbor armata kbira, u jirbħilhom lill-​Għammonin. In-​nies issa huma ferħanin li Sawl hu s-​sultan.

Hekk kif jgħaddu s-​snin, Sawl imexxi lill-​Iżraelin biex ikollhom ħafna rebħiet fuq l-​għedewwa tagħhom. Ukoll, Sawl għandu iben kuraġġuż li jismu Ġonatan. U Ġonatan jgħin biex Iżrael jirbaħ ħafna battalji. Il-​Filistin għadhom l-​akbar għadu tal-​Iżraelin. Jum wieħed, ħafna eluf taʼ Filistin jiġu biex jiġġieldu kontra l-​Iżraelin.

Samwel jgħid lil Sawl biex jistenna sakemm jiġi u jagħmel sagrifiċċju, jew għotja, lil Ġeħova. Iżda Samwel idum biex jiġi. Sawl jibżaʼ li l-​Filistin se jibdew il-​battalja, għalhekk jaqbad u jagħmel is-​sagrifiċċju hu. Meta fl-​aħħar jiġi Samwel, hu jgħid lil Sawl li hu ma kienx obda. Samwel jgħidlu: ‘Ġeħova se jagħżel lil xi ħadd ieħor biex ikun sultan fuq Iżrael.’

Iktar tard Sawl jerġaʼ ma jobdix. Allura, Samwel jgħidlu: ‘Hu aħjar li tobdi lil Ġeħova milli tagħmillu għotja mill-​aħjar nagħaġ. Talli m’obdejtx lil Ġeħova, Hu mhux se jħallik tibqaʼ s-​sultan t’Iżrael.’

Nistgħu nitgħallmu lezzjoni tajba minn dan. Jurina kemm hu importanti li dejjem nobdu lil Ġeħova. Ukoll, juri li xi ħadd tajjeb, kif kien Sawl, jistaʼ jinbidel u jsir ħażin. Aħna qatt ma rridu nsiru ħżiena, hux hekk?