Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 63

Is-Sultan Għaref Salamun

Is-Sultan Għaref Salamun

SALAMUN għandu inqas minn 20 sena meta jsir sultan. Hu jħobb lil Ġeħova u jimxi fuq il-​pariri għaqlin li tah missieru David. Ġeħova jieħu gost b’Salamun, u għalhekk lejl minnhom jgħidlu f’ħolma: ‘Salamun, xi tridni nagħtik?’

Meta jismaʼ dan, Salamun iwieġeb: ‘Ġeħova, Alla tiegħi, jien għadni żgħir ħafna u ma nafx kif naħkem. Għalhekk, agħtini l-​għerf biex naħkem lill-​poplu tiegħek b’mod tajjeb.’

Ġeħova jieħu pjaċir b’dak li jitlob Salamun. Allura, Hu jgħid: ‘Talli tlabt għall-​għerf, u mhux għal ħajja twila jew għal ħafna flus, se nagħtik iktar għerf minn kull min qatt għex. Imma wkoll se nagħtik dak li ma tlabtx għalih, kemm ġid u kemm glorja.’

Ftit wara dan, jiġu żewġ nisa għand Salamun bi problema diffiċli. Waħda minnhom tispjega: ‘Jien u din il-​mara ngħixu fl-​istess dar. Jien ulidt tifel, u jumejn wara hi wkoll kellha tifel. Imbagħad, lejl minnhom mititilha t-​tarbija. Imma waqt li kont rieqda, tefgħet it-​tarbija mejta tagħha ħdejja u ħadet it-​tarbija tiegħi. Meta qomt u ħarist lejn it-​tifel mejjet, rajt li ma kienx tiegħi.’

Meta tismaʼ dan, il-​mara l-​oħra tgħid: ‘Le! It-​tifel ħaj huwa tiegħi u l-​mejjet hu tagħha!’ L-​ewwel mara twieġeb: ‘Le! It-​tifel mejjet huwa tiegħek u l-​ħaj hu tiegħi!’ U hekk baqgħu sejrin in-​nisa. X’se jagħmel Salamun?

Hu jibgħat għal sejf, u meta jġibuhulu, jgħid: ‘Aqsmu t-​tifel il-​ħaj fi tnejn u agħtu nofs lil kull mara.’

L-​omm vera tgħajjat: ‘Le! Jekk jogħġbok, toqtolx lit-​tifel. Agħtih lilha!’ Imma l-​mara l-​oħra tgħid: ‘La tagħtih lili u lanqas lilha: aqsmu min-​nofs.’

Fl-​aħħar, jitkellem Salamun u jgħid: ‘Toqtlux lit-​tifel! Agħtuh lill-​ewwel mara. Hi l-​omm vera.’ Salamun jaf dan għax l-​omm vera tant tħobb lit-​tifel li hi lesta tagħtih lill-​mara l-​oħra biex ma jinqatilx. Meta n-​nies jisimgħu dwar kif Salamun solva l-​problema huma jifirħu li għandhom sultan daqshekk għaref.

Matul il-​ħakma taʼ Salamun, Alla jbierek lin-​nies billi jagħmel li l-​ħamrija tkabbar ħafna qamħ u xgħir, għeneb u tin, u ikel ieħor. In-​nies jilbsu lbies fin u jgħixu fi djar sbieħ. Hemm iktar minn biżżejjed affarijiet tajbin għal kulħadd.