Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 64

Salamun Jibni t-Tempju

Salamun Jibni t-Tempju

QABEL miet, David ta lil Salamun il-​pjanijiet minn Alla biex jibni t-​tempju taʼ Ġeħova. Fir-​rabaʼ sena tal-​ħakma tiegħu, Salamun jibda jibni t-​tempju, u jieħu sebaʼ snin u nofs biex jitlesta. Għaxriet t’eluf taʼ rġiel jaħdmu fuq it-​tempju, u l-​bini jiswa ħafna u ħafna flus. Dan għax jintuża ħafna deheb u fidda fil-​bini.

It-​tempju għandu żewġ kmamar prinċipali, l-​istess kif kellu t-​tabernaklu. Imma dawn il-​kmamar huma d-​doppju taʼ dawk tat-​tabernaklu. Salamun ipoġġi l-​arka tal-​patt fil-​kamra taʼ ġewwa tat-​tempju, u l-​affarijiet l-​oħrajn li kienu jinżammu fit-​tabernaklu tpoġġew fil-​kamra l-​oħra.

Meta t-​tempju jitlesta, issir festa kbira. Salamun jinżel għarkopptejh quddiem it-​tempju u jitlob, bħalma tistaʼ tara fl-​istampa. ‘Lanqas is-​sema kollu mhu kbir biżżejjed biex jesgħek,’ jgħid Salamun lil Ġeħova, ‘mela kemm inqas ma jistaʼ jesgħek dan it-​tempju. Imma, O Alla tiegħi, jekk jogħġbok, ismaʼ lill-​poplu tiegħek meta jitolbu lejn dan il-​post.’

Meta Salamun ilesti t-​talba tiegħu, jinżel nar mis-​sema. Jaħraq is-​sagrifiċċji li saru tal-​annimali. U dawl jiddi mingħand Ġeħova jimla t-​tempju. Dan juri li Ġeħova qed jismaʼ, u li hu ferħan bit-​tempju u t-​talba taʼ Salamun. It-​tempju, minflok it-​tabernaklu, issa jsir il-​post fejn in-​nies jiġu biex jagħtu qima.

Għal żmien twil Salamun jaħkem b’mod għaqli, u n-​nies huma ferħanin. Imma Salamun jiżżewweġ ħafna nisa minn pajjiżi oħrajn li ma jqimux lil Ġeħova. Tistaʼ taraha lil waħda minnhom tagħti qima quddiem l-​istatwa? Fl-​aħħar in-​nisa taʼ Salamun iġegħluh iqim allat oħrajn ukoll. Taf x’jiġri meta Salamun jagħmel dan? Ma jibqax jittratta man-​nies b’qalb tajba. Isir kattiv, u n-​nies ma jibqgħux ferħanin.

Minħabba dan, Ġeħova jkun irrabjat maʼ Salamun, u jgħidlu: ‘Se niħodlok is-​saltna u nagħtiha lil raġel ieħor. M’iniex se nagħmilha matul ħajtek, imma matul il-​ħakma t’ibnek. Imma lil ibnek mhux se niħodlu n-​nies kollha tas-​saltna.’ Ejja naraw kif dan jiġri.