Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 65

Is-Saltna Tinqasam

Is-Saltna Tinqasam

TAF għala dan ir-​raġel qed iċarrat il-​libsa tiegħu f’biċċiet? Ġeħova qallu biex jagħmel dan. Dan ir-​raġel hu l-​profeta t’Alla, Aħija. Taf x’inhu profeta? Hu xi ħadd li Alla jgħidlu minn qabel dak li se jiġri.

Hawnhekk Aħija qed jitkellem maʼ Ġerobogħam. Ġerobogħam huwa raġel li Salamun qallu biex jieħu ħsieb ix-​xogħol taʼ xi bini tiegħu. Meta Aħija jiltaqaʼ maʼ Ġerobogħam hawn fit-​triq, Aħija jagħmel xi ħaġa stramba. Hu jinżaʼ l-​libsa ġdida li liebes u jċarratha fi 12-​il biċċa. Hu jgħid lil Ġerobogħam: ‘Ħu 10 biċċiet għalik.’ Taf għala Aħija jagħti lil Ġerobogħam 10 biċċiet?

Aħija jispjega li Ġeħova se jieħu s-​saltna mingħand Salamun. Jgħid li Ġeħova se jagħti 10 tribujiet lil Ġerobogħam. Dan ifisser li żewġ tribujiet biss se jitħallew għat-​tifel taʼ Salamun, Reħobogħam, biex jaħkem fuqhom.

Meta Salamun jismaʼ b’dak li Aħija qal lil Ġerobogħam, hu tgħidx kemm jirrabja. Hu jipprova joqtol lil Ġerobogħam. Iżda Ġerobogħam jaħrab l-​Eġittu. Wara ftit, Salamun imut. Hu kien sultan għal 40 sena, imma issa ibnu Reħobogħam isir sultan. Lura fl-​Eġittu, Ġerobogħam isir jaf li Salamun miet, għalhekk jirritorna l-​Iżrael.

Reħobogħam mhuwiex sultan tajjeb. Hu saħansitra iktar kattiv man-​nies milli kien missieru Salamun. Ġerobogħam u xi rġiel importanti oħrajn imorru għand is-​Sultan Reħobogħam u jistaqsuh biex ikun iktar qalbu tajba man-​nies. Imma Reħobogħam ma jagħtix kas. Fil-​fatt, hu jsir jerġaʼ iktar kattiv milli kien qabel. Għalhekk, in-​nies jagħmlu lil Ġerobogħam sultan fuq l-​10 tribujiet, iżda ż-​żewġ tribujiet taʼ Benjamin u taʼ Ġuda jżommu lil Reħobogħam bħala s-​sultan tagħhom.

Ġerobogħam ma jridx li n-​nies tiegħu jmorru Ġerusalemm ħalli jqimu fit-​tempju taʼ Ġeħova. Allura, jagħmel żewġ għoġiela tad-​deheb u jġiegħel lin-​nies tas-​saltna tal-​10 tribujiet iqimuhom. Malajr l-​art timtela bil-​kriminalità u l-​vjolenza.

Hemm inkwiet ukoll fis-​saltna taż-​żewġ tribujiet. Inqas minn ħames snin wara li Reħobogħam isir sultan, is-​sultan tal-​Eġittu jiġi biex jiġġieled kontra Ġerusalemm. Hu jieħu ħafna teżori mit-​tempju taʼ Ġeħova. Għalhekk, huwa biss għal żmien qasir li t-​tempju jibqaʼ l-​istess bħalma kien meta nbena.