Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 66

Ġeżabel—Reġina mill-Agħar

Ġeżabel—Reġina mill-Agħar

WARA li jmut is-​Sultan Ġerobogħam, kull sultan li jaħkem is-​saltna t’Iżrael fit-​Tramuntana b’10 tribujiet ikun ħażin. L-​agħar sultan minnhom kollha hu s-​Sultan Aħab. Taf għala? Raġuni kbira waħda hi l-​mara tiegħu, ir-​reġina mill-​agħar Ġeżabel.

Ġeżabel mhijiex mara Iżraelija. Hi t-​tifla tas-​sultan taʼ Sidon. Tqim lill-​alla falz Bagħal, u ġġiegħel lil Aħab u lil ħafna Iżraelin biex ukoll iqimu lil Bagħal. Ġeżabel tobgħod lil Ġeħova u toqtol ħafna mill-​profeti tiegħu. Oħrajn ikollhom jistaħbew fl-​għerien ħalli ma jinqatlux. Jekk Ġeżabel tkun trid xi ħaġa, hi lesta li anki toqtol lil xi ħadd biex tiħodha.

Ġurnata waħda, is-​Sultan Aħab ikun imdejjaq ħafna. Allura Ġeżabel tistaqsih: ‘Għala int imdejjaq illum?’

‘Minħabba dak li qalli Nabot,’ iwieġeb Aħab. ‘Ridt nixtri l-​għalqa tad-​dwieli tiegħu. Imma qalli li ma nistax niħodha.’

‘Tinkwieta xejn,’ tgħidlu Ġeżabel. ‘Dalwaqt tkun tiegħek.’

Mela, Ġeżabel tikteb xi ittri lil uħud mill-​irġiel ewlenin fil-​belt fejn jgħix dan ir-​raġel Nabot. Tgħidilhom: ‘Qabbdu xi rġiel li m’huma tajbin għal xejn biex jgħidu li Nabot seħet lil Alla u lis-​sultan. Imbagħad, ħudu lil Nabot ’il barra mill-​belt u ħaġġruh.’

Malli Ġeżabel issir taf li Nabot inqatel, tgħid lil Aħab: ‘Issa mur u ħudlu l-​għalqa tad-​dwieli.’ Ma taqbilx li Ġeżabel għandha tiġi kastigata talli għamlet din il-​ħaġa tant terribbli?

Għalhekk, maż-​żmien, Ġeħova jibgħat lil Ġeħu biex jikkastigaha. Meta Ġeżabel tismaʼ li ġej Ġeħu, tiżbogħ għajnejha u tipprova tirranġa lilha nfisha ħalli tidher sabiħa. Imma meta jiġi Ġeħu u jara lil Ġeżabel fit-​tieqa, hu jsejjaħ lill-​irġiel fil-​palazz u jgħidilhom: ‘Itfgħuha għal isfel!’ L-​irġiel jobdu, kif tistaʼ tara fl-​istampa. Huma jitfgħuha għal isfel u tmut. Dan hu t-​tmiem tar-​reġina mill-​agħar Ġeżabel.