Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 68

Żewġ Subien li Jgħixu mill-Ġdid

Żewġ Subien li Jgħixu mill-Ġdid

KIEKU kellek tmut, kif taħseb li tħossha ommok li kieku int terġaʼ tingħata l-​ħajja mill-​ġdid? Kieku tkun ferħana se ttir! Imma jistaʼ xi ħadd li miet jerġaʼ jgħix? Ġieli ġrat qabel?

Ara dan ir-​raġel hawnhekk, u l-​mara u t-​tifel żgħir. Ir-​raġel hu l-​profeta Elija. Il-​mara hi armla mill-​belt taʼ Sarefat, u t-​tifel huwa binha. Mela, ġurnata waħda t-​tifel jimrad. Hu jmur mill-​ħażin għall-​agħar sakemm fl-​aħħar imut. Imbagħad, Elija jgħid lill-​mara: ‘Agħtini t-​tifel.’

Elija jieħu t-​tifel mejjet fuq u jmiddu fuq is-​sodda. Imbagħad jitlob: ‘O Ġeħova, agħmel li t-​tifel jerġaʼ jgħix mill-​ġdid.’ U t-​tifel jibda jieħu n-​nifs! Hekk kif jiġri dan, Elija jerġaʼ jieħdu isfel u jgħid lill-​mara: ‘Ara, ibnek ħaj!’ Għalhekk l-​omm hi daqstant ferħana.

Profeta ieħor importanti taʼ Ġeħova jismu Eliżew. Hu jaqdi bħala dak li jgħin lil Elija. Imma maż-​żmien Ġeħova juża lil Eliżew ukoll biex jagħmel il-​mirakli. Darba, Eliżew imur fil-​belt taʼ Sunem fejn hemm mara li tkun qalbha tajba ħafna miegħu. Maż-​żmien, din il-​mara jkollha tifel.

Għodwa waħda, wara li t-​tifel ikun kiber, hu jmur biex jaħdem fl-​għalqa maʼ missieru. F’daqqa waħda t-​tifel jgħajjat: ‘Qed tuġagħni rasi!’ Wara li jiħduh id-​dar, it-​tifel imut. Kemm tkun imnikkta ommu! Mill-​ewwel hi tmur u ġġib lil Eliżew.

Meta jasal, Eliżew imur fil-​kamra fejn hemm it-​tifel mejjet. Hu jitlob lil Ġeħova, u jimtedd fuq il-​ġisem. Ma jdumx ma l-​ġisem tat-​tifel jisħon, u hu jagħtas seba’ darbiet. Kemm tkun ferħana ommu meta tidħol u ssib lit-​tifel tagħha ħaj!

Ħafna u ħafna nies mietu. Dan nikket ħafna lill-​familji u lill-​ħbieb tagħhom. Aħna m’għandniex il-​qawwa biex inqajmu l-​mejtin. Imma Ġeħova għandu. Iktar tard se nitgħallmu kif hu se jerġaʼ jagħti l-​ħajja lil ħafna miljuni taʼ nies.