Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 71

Alla Jwiegħed Ġenna tal-Art

Alla Jwiegħed Ġenna tal-Art

DIN hija stampa taʼ ġenna tal-​art li Alla setaʼ wera lill-​profeta tiegħu, Isaija. Isaija għex ftit wara Ġona.

Ġenna tfisser “ġnien” jew “park.” Ifakkrek dan f’xi ħaġa li diġà rajna f’dan il-​ktieb? L-​istampa tidher ħafna bħall-​ġnien sabiħ li Alla Ġeħova kien għamel għal Adam u Eva, hux veru? Imma l-​art kollha qatt se tkun ġenna?

Ġeħova qal lill-​profeta tiegħu Isaija biex jikteb dwar il-​ġenna tal-​art ġdida li se tiġi għan-​nies t’Alla. Hu qal: ‘Ilpup u nagħaġ se jgħixu flimkien fil-​paċi. L-​għoġiela u l-​iljuni żgħar se jieklu flimkien, u tfal żgħar ħa jieħdu ħsiebhom. Anki tarbija mhu se jiġrilha xejn jekk tilgħab ħdejn serp velenuż.’

Ħafna se jgħidu: ‘Dan qatt ma jistaʼ jiġri. Dejjem kien hawn l-​inkwiet fuq l-​art, u dejjem se jkun hawn.’ Iżda aħseb dwar dan: Alla x’tip taʼ dar ta lil Adam u Eva?

Alla poġġa lil Adam u Eva f’ġenna tal-​art. Huwa biss għax m’obdewx lil Alla li huma tilfu d-​dar mill-​isbaħ tagħhom, xjaħu, u mietu. Alla jwiegħed li jagħti lin-​nies li jħobbuh l-​istess affarijiet li tilfu Adam u Eva.

Fil-​ġenna l-​ġdida li ġejja xejn mhu se jweġġaʼ jew jeqred. Hemmhekk ikun hemm paċi perfetta. In-​nies kollha jkunu f’saħħithom u ferħanin. Se jkun eżatt kif Alla ried li jkun fil-​bidu. Imma iktar tard se nitgħallmu dwar kif Alla se jġib dan kollu.