Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 73

L-Aħħar Sultan Tajjeb t’Iżrael

L-Aħħar Sultan Tajjeb t’Iżrael

ĠOSIJA għandu tmien snin biss meta jsir sultan taż-​żewġ tribujiet tan-​Nofsinhar t’Iżrael. Hu żgħir ħafna biex ikun sultan. Għalhekk għall-​ewwel xi rġiel akbar fl-​età jgħinuh jaħkem il-​ġens.

Meta Ġosija jkun ilu sultan għal seba’ snin hu jibda jfittex lil Ġeħova. Hu jimxi wara l-​eżempji taʼ slaten tajbin bħal David, Ġeħosafat, u Ħeżekija. Imbagħad, meta jkun għadu żagħżugħ, Ġosija jagħmel xi ħaġa kuraġġuża.

Għal ħafna żmien il-​biċċa l-​kbira mill-​Iżraelin kienu verament ħżiena. Huma jqimu allat foloz. Jinżlu għarkopptejhom quddiem l-​idoli. Allura Ġosija, flimkien mal-​irġiel tiegħu, beda jneħħi l-​qima falza mill-​art. Din hi biċċa xogħol kbira għax hemm tant nies iqimu allat foloz. Tistaʼ tara lil Ġosija u l-​irġiel tiegħu hawn ikissru l-​idoli.

Wara, Ġosija jpoġġi tlett irġiel biex jieħdu ħsieb li jsewwu t-​tempju taʼ Ġeħova. Il-​flus jinġabru min-​nies u jingħataw lill-​irġiel biex iħallsu għax-​xogħol li għandu jsir. Waqt li qed jaħdmu fuq it-​tempju, il-​qassis il-​kbir Ħilkija jsib xi ħaġa importanti ħafna hemm. Hu l-​istess ktieb tal-​liġi li Ġeħova kien qal lil Mosè biex jikteb żmien twil ilu. Dan kien mitluf għal ħafna żmien.

Il-​ktieb jiħduh għand Ġosija, u hu jitlob li xi ħadd jaqrahulu. Waqt li jismaʼ, Ġosija jistaʼ jara li n-​nies ma kinux qed iżommu mal-​liġi taʼ Ġeħova. Hu jħossu mnikket ħafna minħabba dan, u għalhekk iċarrat ħwejġu, kif tistaʼ tara hawn. Hu jgħid: ‘Ġeħova huwa rrabjat għalina, għax missirijietna ma żammewx mal-​liġijiet miktubin f’dan il-​ktieb.’

Ġosija jordna lill-​qassis il-​kbir Ħilkija biex isir jaf x’kien se jagħmlilhom Ġeħova. Ħilkija jmur għand il-​mara Ħulda, li hi profetessa, u jistaqsiha. Hi tagħtih dan il-​messaġġ mingħand Ġeħova għal Ġosija: ‘Ġerusalemm u n-​nies kollha se jiġu kastigati talli qiemu allat foloz u l-​art imtliet bil-​ħażen. Imma peress li int, Ġosija, għamilt dak li hu tajjeb, dan il-​kastig mhux se jiġi qabel tmut.’