Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 77

Ma Ridux Imilu

Ma Ridux Imilu

TIFTAKARHOM lil dawn it-​tlett irġiel żgħażagħ? Iva, dawn huma l-​ħbieb taʼ Danjel. Huma ma ridux jieklu dak li ma kienx tajjeb għalihom. Il-​Babiloniżi semmewhom Sidrak, Mesak, u Għabednego. Imma ħares lejhom issa. Għala mhux qegħdin imilu lejn din ix-​xbieha kbira bħal kulħadd? Ejja naraw.

Tiftakarhom il-​liġijiet li Ġeħova stess kiteb u li jissejħu l-​Għaxar Kmandamenti? L-​ewwel wieħed minnhom hu: ‘M’għandekx tqim allat oħra ħlief lili.’ L-​irġiel żgħażagħ li jidhru hawn qed jobdu din il-​liġi, avolja mhix xi ħaġa ħafifa li tagħmilha.

Nebukadnessar, is-​sultan taʼ Babilonja, ġabar ħafna nies importanti biex jonoraw lil din ix-​xbieha li għamel. Għadu kif qal lin-​nies kollha: ‘Meta tisimgħu l-​ħoss tal-​qarn, tal-​arpa, u tal-​istrumenti mużikali l-​oħra għandkom tmilu u tqimu din ix-​xbieha tad-​deheb. Kull min ma jmilx quddiemha u ma jqimhiex jintefaʼ mill-​ewwel fil-​forn tan-​nar iħeġġeġ.’

Meta Nebukadnessar jismaʼ li Sidrak, Mesak, u Għabednego ma milux, hu jirrabja ħafna. Jordna li jinġiebu quddiemu. Hu jagħtihom ċans ieħor biex imilu. Imma l-​irġiel żgħażagħ jafdaw f’Ġeħova. Huma jgħidu: ‘L-​Alla tagħna li aħna naqdu jistaʼ jsalvana. Imma anki jekk ma jsalvaniex, m’aħniex se mmilu quddiem ix-​xbieha tad-​deheb tiegħek.’

Malli semaʼ dan, Nebukadnessar jirrabja saħansitra iktar. Fil-​viċin hemm forn u jikkmanda: ‘Saħħnu l-​forn sebaʼ darbiet iktar jaħraq milli kien qabel!ʼ Imbagħad iġiegħel lill-​iktar irġiel b’saħħithom fl-​armata tiegħu biex jorbtu lil Sidrak, Mesak, u Għabednego u jixħtuhom fil-​forn. Tant jaħraq il-​forn li l-​irġiel b’saħħithom jinqatlu bil-​fjammi. Imma x’jiġri mill-​irġiel żgħażagħ li ġew mixħutin ġewwa?

Is-​sultan iħares ġol-​forn u jibda jibżaʼ ħafna. ‘Mhux tlieta kienu l-​irġiel li rbatna u xħetna fil-​forn tan-​nar iħeġġeġ?ʼ jistaqsi hu.

‘Hekk hu!ʼ wieġbu l-​qaddejja.

‘Imma jien qed nara erbat irġiel jimxu ġon-​nar,’ jgħid hu. ‘Mhumiex marbutin u n-​nar mhux jaħraqhom. U r-​rabaʼ wieħed qisu xi alla.’ Is-​sultan jersaq iżjed viċin tal-​bieb tal-​forn u jgħajjat: ‘Sidrak! Mesak! Għabednego! Oħorġu ’l barra, ja qaddejja tal-​Alla l-​Iktar Għoli!ʼ

Meta joħorġu, kulħadd jistaʼ jara li ma ġralhom xejn. Imbagħad, is-​sultan jgħid: ‘Ħa jkun imfaħħar l-​Alla taʼ Sidrak, Mesak, u Għabednego! Hu bagħat lill-​anġlu tiegħu u salvahom għaliex huma la mielu u lanqas qiemu lil xi alla ħlief lil tagħhom.’

Mhuwiex dan eżempju mill-​aqwa taʼ lealtà lejn Ġeħova għalina biex insegwuh?