Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 80

Il-Poplu t’Alla Jitlaq Minn Babilonja

Il-Poplu t’Alla Jitlaq Minn Babilonja

GĦADDEW kważi sentejn minn meta Babilonja nħatfet mill-​Medi u l-​Persjani. U ara x’inhu jiġri issa! Iva, l-​Iżraelin ħerġin minn Babilonja. Kif inħelsu? Min ħalliehom jitilqu?

Ċiru, is-​sultan tal-​Persja, ħalliehom jitilqu. Ħafna qabel ma twieled Ċiru, Ġeħova ra li l-​profeta tiegħu Isaija jikteb dwar Ċiru: ‘Se tagħmel eżatt dak li rridek tagħmel. Il-​bibien se jitħallew miftuħin għalik biex taħtaf il-​belt.’ U fil-​fatt Ċiru kien il-​wieħed li ħa t-​tmexxija biex tinħataf Babilonja. Il-​Medi u l-​Persjani daħlu fil-​belt bil-​lejl minn bibien li tħallew miftuħin.

Imma Isaija, il-​profeta taʼ Ġeħova, qal ukoll li Ċiru kien se jagħti l-​kmand biex Ġerusalemm u t-​tempju tagħha jerġgħu jinbnew. Ċiru ta dan il-​kmand? Iva, hekk għamel. Dan hu dak li jgħid Ċiru lill-​Iżraelin: ‘Morru issa lejn Ġerusalemm u ibnu t-​tempju taʼ Ġeħova Alla tagħkom.’ U dan hu eżatt dak li sejrin jagħmlu dawn l-​Iżraelin.

Imma mhux l-​Iżraelin kollha f’Babilonja jistgħu jagħmlu l-​vjaġġ twil lura lejn Ġerusalemm. Hu vjaġġ twil ħafna t’erbaʼ xhur u ħafna huma xjuħ wisq jew morda wisq biex jivvjaġġaw daqshekk ’il bogħod. U hemm raġunijiet oħrajn għala xi wħud ma jmorrux. Imma Ċiru jgħid lil dawk li ma jmorrux: ‘Agħtu fidda, deheb, u għotjiet oħrajn lin-​nies li se jmorru lura biex jibnu lil Ġerusalemm u t-​tempju tagħha.’

Għalhekk, dawn l-​Iżraelin li sejrin Ġerusalemm jingħataw ħafna għotjiet. Ukoll, Ċiru jagħtihom ir-​reċipjenti u t-​tazzi li s-​Sultan Nebukadnessar kien ħa mit-​tempju taʼ Ġeħova meta qered lil Ġerusalemm. In-​nies għandhom ħafna x’jieħdu lura magħhom.

Wara xi erbaʼ xhur taʼ vvjaġġar, l-​Iżraelin jaslu lura Ġerusalemm eżatt fil-​ħin. Għaddew eżatt 70 sena minn meta nqerdet il-​belt, u l-​art tħalliet vojta għalkollox min-​nies. Imma għalkemm issa l-​Iżraelin marru lura f’pajjiżhom se jkollhom xi żminijiet diffiċli, bħalma se nitgħallmu dalwaqt.