STORJA 83
Is-Swar taʼ Ġerusalemm
ARA kemm qed isir xogħol hawnhekk. L-Iżraelin qed iħabirku biex jibnu s-swar taʼ Ġerusalemm. Meta s-Sultan Nebukadnessar qered lil Ġerusalemm 152 sena qabel, hu ġarraf is-swar u ħaraq il-bibien tal-belt. L-Iżraelin ma reġgħux bnew is-swar mill-ewwel meta ġew lura minn Babilonja.
Kif taħseb li ħassewhom in-nies minħabba li għexu hawnhekk dawn is-snin kollha mingħajr swar madwar belthom? Ma ħassewhomx fis-sigurtà. L-għedewwa tagħhom setgħu jidħlu faċilment u jattakkawhom. Imma issa dan ir-raġel Neħemija fl-aħħar qed jgħin lin-nies jerġgħu jibnu s-swar. Taf min hu Neħemija?
Neħemija hu Iżraeli mill-belt taʼ Susan, fejn jgħixu Mordekaj u Ester. Neħemija kien jaħdem fil-palazz tas-sultan, allura jistaʼ jkun li kien ħabib tajjeb taʼ Mordekaj u r-Reġina Ester. Imma l-Bibbja ma tgħidilniex li Neħemija kien jaħdem għar-raġel t’Ester, is-Sultan Aħasweru. Hu kien jaħdem għas-sultan taʼ warajh, is-Sultan Artaserse.
Ftakar li Artaserse hu s-sultan tajjeb li ta lil Esdra dawk il-flus kollha biex jiħodhom Ġerusalemm ħalli jsewwi t-tempju taʼ Ġeħova. Imma Esdra ma beniex is-swar imġarrfin tal-belt. Ejja naraw kif ġara li Neħemija għamel dan ix-xogħol.
Għaddew 13-il sena minn meta Artaserse ta l-flus lil Esdra biex isewwi t-tempju. Neħemija issa hu l-kuppier ewlieni tas-Sultan Artaserse. Dan ifisser li hu jservi l-inbid lis-sultan, u jaċċerta ruħu li ħadd ma jipprova jivvelena lis-sultan. Dan hu xogħol importanti ħafna.
Imbagħad, darba minnhom, ħu Neħemija, Ħanani, u rġiel oħrajn mill-art t’Iżrael jiġu jżuru lil Neħemija. Huma jgħidulu dwar l-inkwiet li qed ikollhom l-Iżraelin, u kif is-swar taʼ Ġerusalemm għadhom imġarrfin. Dan inikket ħafna lil Neħemija u hu jitlob lil Ġeħova dwaru.
Darba minnhom is-sultan jinnota li Neħemija għandu qalbu sewda, u jistaqsi: ‘Għala tidher daqshekk imnikket?’ Neħemija jgħidlu li dan hu minħabba li Ġerusalemm tinsab f’kundizzjoni tant ħażina u minħabba li s-swar huma mġarrfin. ‘X’tixtieq?’ jgħidlu s-sultan.
‘Ħallini mmur Ġerusalemm,’ jgħid Neħemija, ‘biex nerġaʼ nibni s-swar.’ Is-Sultan Artaserse hu qalbu tajba ħafna. Hu jgħid lil Neħemija li jistaʼ jmur, u jgħinu jikseb l-injam ħalli jagħmel ftit mix-xogħol tal-bini. Ftit wara li Neħemija jasal Ġerusalemm, hu jgħid lin-nies dwar il-pjanijiet tiegħu. Huma jieħdu gost bl-idea, u jgħidulu: ‘Ejja nibdew nibnu.’
Meta l-għedewwa tal-Iżraelin jaraw is-sur tielaʼ, huma jgħidu: ‘Ħa nitilgħu u noqtluhom, u nwaqqfu x-xogħol tal-bini.’ Imma Neħemija jismaʼ dwar dan, u jagħti lill-ħaddiema sjuf u lanez. U hu jgħid: ‘Tibżgħux mill-għedewwa tagħna. Iġġieldu għal ħutkom, għal uliedkom, għan-nisa tagħkom, u għal djarkom.’
In-nies huma kuraġġużi ħafna. Huma jżommu l-armi tagħhom lesti lejl u nhar, u jibqgħu jibnu. Allura fi 52 jum biss is-swar ikunu lesti. Issa n-nies jistgħu jħossuhom ħelsin mill-periklu fil-belt. Neħemija u Esdra jgħallmu lin-nies il-liġi t’Alla, u n-nies jifirħu.
Imma l-affarijiet xorta għadhom mhumiex l-istess bħalma kienu qabel ma l-Iżraelin ittieħdu bħala priġunieri lejn Babilonja. In-nies huma maħkumin mis-sultan tal-Persja u jkollhom jaqduh. Imma Ġeħova wiegħed li se jibgħat sultan ġdid, u li dan is-sultan kien se jġib il-paċi lin-nies. Min hu dan is-sultan? Kif se jġib il-paċi fuq l-art? Jgħaddu xi 450 sena qabel ma jkollhom iktar informazzjoni dwar dan. Imbagħad ikun hemm twelid importanti ħafna taʼ tarbija. Imma din hi storja oħra.