Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 88

Ġwanni Jgħammed lil Ġesù

Ġwanni Jgħammed lil Ġesù

ĦARES lejn il-​ħamiema nieżla fuq ras ir-​raġel. Ir-​raġel hu Ġesù. Għandu xi 30 sena issa. U r-​raġel li hemm miegħu hu Ġwanni. Diġà sirna nafu xi ħaġa dwaru. Tiftakar meta Marija marret iżżur lill-​qariba tagħha Eliżabetta, u t-​tarbija ġo Eliżabetta qabżet bil-​ferħ? Dik it-​tarbija li kienet għadha ma twilditx kienet Ġwanni. Imma issa x’inhuma jagħmlu Ġwanni u Ġesù?

Ġwanni għadu kif għaddas lil Ġesù fl-​ilmijiet tax-​Xmara Ġordan. Dan hu kif titgħammed persuna. L-​ewwel, tiġi mgħaddsa taħt l-​ilma, u mbagħad terġaʼ tinħareġ. Minħabba li Ġwanni jagħmel dan lin-​nies, hu jissejjaħ Ġwanni l-​Għammied. Imma Ġwanni għala għammed lil Ġesù?

Fil-​fatt, Ġwanni għamel dan għax Ġesù ġie u talab lil Ġwanni biex jgħammdu. Ġwanni jgħammed lil nies li jridu juru li jiddispjaċihom għall-​affarijiet ħżiena li jkunu għamlu. Imma Ġesù qatt għamel xi ħaġa ħażina li setaʼ jiddispjaċih għaliha? Le, Ġesù qatt m’għamel ħaġa bħal din, għaliex hu l-​Iben t’Alla stess mis-​sema. Allura, hu talab lil Ġwanni biex jgħammdu għal raġuni differenti. Ejja naraw x’kienet din ir-​raġuni.

Qabel ma Ġesù ġie hawn għand Ġwanni, hu kien mastrudaxxa. Mastrudaxxa hu wieħed li jagħmel l-​affarijiet mill-​injam bħal imwejjed, siġġijiet, u bankijiet. Ir-​raġel taʼ Marija, Ġużeppi, kien mastrudaxxa u hu għallem din is-​sengħa lil Ġesù wkoll. Imma Ġeħova ma bagħatx lil Ibnu fuq l-​art biex ikun mastrudaxxa. Hu għandu xogħol speċjali għalih, u wasal iż-​żmien biex Ġesù jibda jagħmlu. Għalhekk, biex juri li issa ġie biex jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru, Ġesù jitlob lil Ġwanni biex jgħammdu. Alla jieħu gost b’dan?

Iva, jieħu gost, għax malli Ġesù jitlaʼ mill-​ilma, leħen mis-​sema jgħid: ‘Dan hu Ibni, li jien nieħu gost bih.’ Ukoll, milli jidher is-​smewwiet jinfetħu u din il-​ħamiema tinżel fuq Ġesù. Imma din mhijiex ħamiema taʼ veru. Sempliċement tidher qisha ħamiema. Fir-​realtà, hi l-​ispirtu qaddis t’Alla.

Issa Ġesù għandu ħafna fuq xiex jaħseb, allura jitlaq għal 40 jum f’post għall-​kwiet. Hemmhekk imur ħdejh Satana. Satana jipprova tliet darbiet iġiegħel lil Ġesù jagħmel xi ħaġa kontra l-​liġijiet t’Alla. Imma Ġesù ma riedx jagħmel dan.

Wara dan, Ġesù jmur lura u jiltaqaʼ maʼ xi rġiel li jsiru l-​ewwel segwaċi, jew dixxipli, tiegħu. Xi wħud jisimhom Indrì, Pietru (imsejjaħ ukoll Xmun), Filippu u Natanjel (imsejjaħ ukoll Bartilmew). Ġesù u dawn id-​dixxipli ġodda jerħulha lejn id-​distrett tal-​Galilija. Fil-​Galilija jieqfu Kana, il-​pajjiż fejn kien joqgħod Natanjel. Hemmhekk Ġesù jattendi festa kbira taʼ tieġ u jagħmel l-​ewwel miraklu tiegħu. Taf x’inhu? Hu jbiddel l-​ilma fi nbid.