Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 89

Ġesù Jnaddaf it-Tempju

Ġesù Jnaddaf it-Tempju

ĠESÙ jidher irrabjat ħafna hawn, hux veru? Taf għala hu daqshekk irrabjat? Hu minħabba li dawn l-​irġiel fit-​tempju t’Alla f’Ġerusalemm huma tassew rgħiba. Qed jipprovaw jaqilgħu ħafna flus minn fuq dahar in-​nies li ġew hawn biex jagħtu qima lil Alla.

Qed tara dawk il-​barrin żgħar u n-​nagħaġ u l-​ħamiem kollha? Fil-​fatt, l-​irġiel qed ibigħu dawn l-​annimali hawnhekk fit-​tempju. Taf għala? Hu minħabba li l-​Iżraelin għandhom bżonn l-​annimali u l-​għasafar ħalli joffruhom bħala sagrifiċċji lil Alla.

Il-​liġi t’Alla kienet tgħid li meta Iżraeli jagħmel xi ħaġa ħażina, kellu jagħmel offerta lil Alla. U kien hemm drabi oħrajn ukoll meta l-​Iżraelin kellhom jagħmlu l-​offerti. Imma wieħed Iżraeli minn fejn setaʼ jixtri l-​għasafar u l-​annimali biex joffrihom lil Alla?

Xi Iżraelin kienu jrabbu l-​għasafar u l-​annimali. Allura setgħu joffru mill-​annimali tagħhom. Imma ħafna Iżraelin ma kellhom ebda annimal jew għasfur. U oħrajn tant kienu jgħixu ’l bogħod minn Ġerusalemm li ma setgħux iġibu wieħed mill-​annimali tagħhom sat-​tempju. Allura n-​nies kienu jiġu hawn u jixtru l-​annimali jew l-​għasafar li kienu jeħtieġu. Imma dawn l-​irġiel kienu qed jitolbu lin-​nies prezz għoli ħafna. Kienu qed iqarrqu bin-​nies. Ukoll, ma messhomx kienu qed ibigħu hawnhekk fit-​tempju t’Alla.

Għalhekk jirrabja Ġesù. Allura hu jaqleb l-​imwejjed tal-​irġiel bil-​flus u jxerred il-​muniti tagħhom maʼ kullimkien. Ukoll, hu jagħmel frosta mill-​ħbula u jkeċċi l-​annimali kollha ’l barra mit-​tempju. Hu jordna lill-​irġiel li qed ibigħu l-​ħamiem: ‘Oħorġuhom ’il barra minn hawn! Tibqgħux tagħmlu dar Missieri post fejn taqilgħu ħafna flus.’

Xi wħud mis-​segwaċi taʼ Ġesù jinsabu hawn miegħu fit-​tempju f’Ġerusalemm. Huma jibqgħu skantati b’dak li jaraw lil Ġesù jagħmel. Imbagħad jiftakru li l-​Bibbja tgħid dwar l-​Iben t’Alla: ‘L-​imħabba għal dar Alla se tkun taqbad fih bħan-​nar.’

Waqt li Ġesù jkun hawn f’Ġerusalemm jattendi l-​Qbiż, hu jagħmel ħafna mirakli. Wara dan, Ġesù jitlaq mil-​Lhudija u jibda l-​vjaġġ tiegħu lura lejn il-​Galilija. Imma fi triqtu, hu jgħaddi mid-​distrett tas-​Samarija. Ejja naraw x’jiġri hemmhekk.