Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 94

Hu Jħobb lit-Tfal Żgħar

Hu Jħobb lit-Tfal Żgħar

ĦARES lejn Ġesù hawn b’idejh madwar it-​tifel żgħir. Jidher ċar li Ġesù verament jimpurtah miż-​żgħar. L-​irġiel li qed jarawh huma l-​appostli tiegħu. Ġesù x’qed jgħidilhom? Ejja naraw.

Ġesù u l-​appostli għadhom kif ġew lura minn vjaġġ twil. Fit-​triq l-​appostli argumentaw bejniethom. Għalhekk, wara l-​vjaġġ, Ġesù staqsiehom: ‘Dwar xiex kontu qed targumentaw fit-​triq?’ Fil-​verità, Ġesù jaf dwar xiex kienu qed jargumentaw. Imma jistaqsi l-​mistoqsija biex jara jekk l-​appostli jgħidulux.

L-​appostli ma jwiġbux, għax fit-​triq kienu qed jargumentaw dwar min minnhom hu l-​akbar. Xi appostli jridu jkunu iktar importanti mill-​oħrajn. Ġesù kif se jgħidilhom li mhuwiex sewwa li jridu jkunu l-​akbar?

Hu jsejjaħ lit-​tifel ċkejken u jqiegħdu quddiemhom kollha. Imbagħad jgħid lid-​dixxipli tiegħu: ‘Verament ngħidilkom, jekk ma tinbidlux u ssiru bħal tfal żgħar, qatt ma se tidħlu fis-​Saltna t’Alla. L-​akbar wieħed fis-​Saltna hu dak li jsir bħal dan it-​tifel.’ Taf għala Ġesù qal dan?

It-​tfal iż-​żgħar ma joqogħdux jinkwetaw dwar li jkunu akbar jew iktar importanti minn nies oħrajn. Għalhekk, l-​appostli għandhom jitgħallmu jkunu bħat-​tfal b’dan il-​mod u ma joqogħdux jiġġieldu dwar min hu l-​akbar u l-​iktar importanti.

Hemm drabi oħrajn ukoll meta Ġesù juri kemm jimpurtah mit-​tfal żgħar. Ftit xhur wara xi nies iġibu t-​tfal tagħhom biex jaraw lil Ġesù. L-​appostli jipprovaw iwaqqfuhom. Imma Ġesù jgħid lill-​appostli tiegħu: ‘Ħallu t-​tfal jiġu ħdejja u twaqqfuhomx, għax is-​Saltna t’Alla hi taʼ min hu bħalhom.’ Imbagħad, Ġesù jieħu lit-​tfal f’idejh u jberikhom. Mhijiex xi ħaġa sabiħa li tkun taf li Ġesù jħobb lit-​tfal żgħar?