Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 95

Kif Jgħallem Ġesù

Kif Jgħallem Ġesù

ĠURNATA waħda Ġesù jgħid lil wieħed raġel li għandu jħobb lill-​proxxmu tiegħu. Ir-​raġel isaqsi lil Ġesù: ‘Min hu l-​proxxmu tiegħi?’ Ġesù jaf x’inhu jaħseb dan ir-​raġel. Ir-​raġel jaħseb li n-​nies li huma tal-​istess razza u reliġjon bħalu biss huma l-​proxxmu tiegħu. Allura ejja naraw x’jgħidlu Ġesù.

Xi kultant Ġesù jgħallem billi jgħid storja. U hekk jagħmel issa. Jgħid storja dwar raġel Lhudi u raġel Samaritan. Aħna diġà tgħallimna li ħafna mil-​Lhud ma jħobbux lis-​Samaritani. Mela, din hi l-​istorja taʼ Ġesù:

Jum wieħed kien hemm Lhudi nieżel minn triq fil-​muntanji lejn Ġeriko. Imma qabżu fuqu xi ħallelin. Ħadulu l-​flus u sawtuh sakemm kien kważi mejjet.

Wara ftit, għadda mit-​triq qassis Lhudi. Hu ra lir-​raġel imsawwat. X’taħseb li għamel? Qasam għan-​naħa l-​oħra tat-​triq u baqaʼ għaddej. Imbagħad, għadda raġel ieħor reliġjuż ħafna. Kien Levita. Waqaf? Le, lanqas hu ma waqaf biex jgħin lir-​raġel imsawwat. Tistaʼ tara lill-​qassis u l-​Levita fil-​bogħod għaddejjin mit-​triq.

Imma ara min hawn mar-​raġel imsawwat! Hu Samaritan u qed jgħin lir-​raġel Lhudi. Qed jidlek ftit mediċina fuq il-​feriti tiegħu. Wara, jieħu lil-​Lhudi f’post fejn jistaʼ jistrieħ u jfiq.

Wara li jispiċċa l-​istorja tiegħu, Ġesù jgħid lir-​raġel li staqsieh il-​mistoqsija: ‘Liema minn dawn it-​tlieta taħseb li ġab ruħu taʼ proxxmu mar-​raġel imsawwat? Il-​qassis, il-​Levita, jew is-​Samaritan?’

Ir-​raġel iwieġeb: ‘Ir-​raġel Samaritan. Kien qalbu tajba mar-​raġel imsawwat.’

Ġesù jgħid: ‘Għandek raġun. Mela mur, u ttratta lil oħrajn bħalu.’

Ma jogħġbokx il-​mod kif jgħallem Ġesù? Nistgħu nitgħallmu ħafna u ħafna affarijiet importanti jekk nisimgħu dak li jgħid Ġesù fil-​Bibbja, hux veru?