Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 100

Ġesù fil-Ġnien

Ġesù fil-Ġnien

WARA li jitilqu mill-​kamra taʼ fuq, Ġesù u l-​appostli tiegħu jmorru fil-​ġnien tal-​Ġetsemani. Kemm-​il darba ġew f’dan il-​post. Ġesù issa jgħidilhom biex jibqgħu mqajmin u jitolbu. Imbagħad, imur ftit ’il bogħod minnhom u jinżel wiċċu mal-​art biex jitlob.

Wara ftit, Ġesù jmur lura ħdejn l-​appostli tiegħu. X’taħseb li qed jagħmlu? Huma reqdin! Tliet darbiet Ġesù jgħidilhom li għandhom jibqgħu mqajmin, imma kull darba li jiġi lura jsibhom reqdin. ‘Kif tistgħu torqdu f’ħin bħal dan?ʼ jgħid Ġesù l-​aħħar darba li jerġaʼ jiġi ħdejhom. ‘Is-​siegħa waslet biex ningħata f’idejn l-​għedewwa tiegħi.’

Eżatt f’dak il-​ħin jinstemaʼ ħoss taʼ folla kbira. Ara! L-​irġiel ġejjin bis-​sjuf u bil-​bsaten! U qed iġorru torċa għad-​dawl. Meta jaslu iktar viċin, xi ħadd joħroġ mill-​folla u jiġi fuq Ġesù. Ibusu, kif tistaʼ tara hawn. Ir-​raġel hu Ġuda l-​Iskarjota! Għala jbus lil Ġesù?

Ġesù jistaqsi: ‘Ġuda, ħa tittradini b’bewsa?’ Iva, il-​bewsa hi sinjal. Turi lin-​nies taʼ maʼ Ġuda li dan hu Ġesù, ir-​raġel li jridu. Għalhekk l-​għedewwa taʼ Ġesù jersqu lejh biex jaqbduh. Imma Pietru mhux se jħallihom jieħdu lil Ġesù mingħajr ġlieda. Joħroġ is-​sejf li ġab miegħu u jolqot lir-​raġel taʼ ħdejh. Is-​sejf għadda bi żbrixx minn maʼ rasu u jaqtagħlu widintu l-​leminija barra. Imma Ġesù jmiss il-​widna tar-​raġel u jfejqu.

Ġesù jgħid lil Pietru: ‘Poġġi sejfek f’postu. Ma taħsibx li jekk irrid nistaʼ nitlob lil Missieri għal eluf t’anġli biex isalvawni?’ Iva, jistaʼ! Imma Ġesù ma jitlobx lil Alla biex jibgħat xi anġli għax hu jaf li wasal iż-​żmien biex jiħduh l-​għedewwa tiegħu. Għalhekk iħallihom jiħduh. Ejja naraw x’jiġrilu Ġesù issa.