Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 101

Ġesù Jiġi Maqtul

Ġesù Jiġi Maqtul

ARA din il-​ħaġa terribbli li qed tiġri! Ġesù qed jiġi maqtul. Dendluh maʼ zokk. Daħħlulu msiemer f’idejh u f’saqajh. Għala setaʼ xi ħadd jagħmel xi ħaġa bħal din lil Ġesù?

Dan għax xi nies jobogħdu lil Ġesù. Taf min huma? Wieħed minnhom hu l-​anġlu mill-​agħar, Satana x-​Xitan. Hu dak il-​wieħed li rnexxielu jwassal lil Adam u Eva biex ma jobdux lil Ġeħova. U Satana hu dak li wassal lill-​għedewwa taʼ Ġesù biex jagħmlu din il-​ħaġa terribbli.

Anki qabel ma Ġesù ġie msammar hawn maz-​zokk, l-​għedewwa tiegħu għamlulu affarijiet kattivi. Tiftakar kif ġew fil-​ġnien tal-​Ġetsemani u ħaduh minn hemm? Min kienu dawk l-​għedewwa? Iva, kienu l-​mexxejja reliġjużi. Mela, ejja naraw x’ġara wara.

Meta Ġesù ttieħed mill-​mexxejja reliġjużi, l-​appostli tiegħu ħarbu. Ħallew lil Ġesù waħdu mal-​għedewwa tiegħu għax beżgħu. Imma l-​appostli Pietru u Ġwanni ma marrux ’il bogħod ħafna. Imxew warajhom biex jaraw x’se jiġri minn Ġesù.

Il-​qassisin ħadu lil Ġesù għand ir-​raġel xiħ, Ananija, li qabel kien il-​qassis il-​kbir. Il-​folla ma tantx damet hemm. Huma mbagħad ħadu lil Ġesù fid-​dar taʼ Kajfa li issa hu l-​qassis il-​kbir. Ħafna mexxejja reliġjużi nġabru f’daru.

Hawnhekk fid-​dar taʼ Kajfa għamlu ġuri. Inġiebu xi nies biex jigdbu dwar Ġesù. Il-​mexxejja reliġjużi kollha qalu: ‘Ġesù għandu jiġi maqtul.’ Imbagħad, beżqulu f’wiċċu u tawh daqqiet taʼ ponn.

Waqt li kien qed jiġri dan kollu, Pietru kien barra fil-​bitħa. Kien lejl kiesaħ, u għalhekk in-​nies qabbdu n-​nar. Waqt li kienu qed jisħnu madwar in-​nar, qaddejja ħarset lejn Pietru u qalet: ‘Dan ir-​raġel ukoll kien maʼ Ġesù.’

Pietru wieġeb: ‘Le, ma kontx!’

Tliet darbiet in-​nies qalu lil Pietru li hu kien maʼ Ġesù. Imma kull darba Pietru qal li mhux veru. It-​tielet darba li Pietru qal hekk, Ġesù dar u ħares lejh. Pietru verament iddispjaċieh talli qal dan il-​gideb, u telaq minn hemm u beka.

Hekk kif ix-​xemx bdiet tielgħa l-​Ġimgħa filgħodu, il-​qassisin ħadu lil Ġesù sal-​post il-​kbir fejn jiltaqgħu, is-​sala tas-​Sinedriju. Hemmhekk iddiskutew x’kienu se jagħmlu bih. Imbagħad, ħaduh għand Ponzju Pilatu, il-​ħakkiem tad-​distrett tal-​Lhudija.

Il-​qassisin qalu lil Pilatu: ‘Dan hu raġel ħażin. Għandu jiġi maqtul.’ Wara li staqsa lil Ġesù xi mistoqsijiet, Pilatu qal: ‘Ma nistaʼ nara li għamel xejn ħażin.’ Imbagħad, Pilatu bagħat lil Ġesù għand Erodi Antipa. Erodi hu l-​ħakkiem tal-​Galilija, imma qed joqgħod f’Ġerusalemm. Lanqas Erodi ma setaʼ jara li Ġesù għamel xi ħaġa ħażina, għalhekk bagħtu lura għand Pilatu.

Pilatu ried jeħles lil Ġesù. Imma minflok, l-​għedewwa taʼ Ġesù riedu li jinħeles priġunier ieħor. Ir-​raġel hu l-​ħalliel Barabba. Kien madwar nofsinhar meta Pilatu ħareġ lil Ġesù barra. Hu qal lin-​nies: ‘Ara! Is-​sultan tagħkom!’ Imma l-​qassisin ewlenin għajtu: ‘Ħuduh ’l hemm! Oqtluh! Oqtluh!’ Allura Pilatu ħeles lil Barabba, u huma ħadu lil Ġesù biex jiġi maqtul.

Kmieni l-​Ġimgħa waranofsinhar, Ġesù ġie msammar maʼ zokk. Ma tistax tarahom fl-​istampa imma fuq kull naħa taʼ Ġesù hemm raġel kriminali li wkoll qed jiġu maqtulin fuq zokk. Ftit qabel ma jmut Ġesù, wieħed mill-​irġiel kriminali jgħidlu: ‘Ftakar fija meta tidħol fis-​saltna tiegħek.’ U Ġesù jwieġeb: ‘Jien inwiegħdek li int se tkun fil-​Ġenna miegħi.’

Mhijiex din wegħda mill-​isbaħ? Taf liema ġenna qed jitkellem dwarha Ġesù? Fejn kienet il-​ġenna li għamel Alla fil-​bidu? Iva, fuq l-​art. U meta Ġesù jaħkem bħala s-​Sultan fis-​sema, hu se jerġaʼ jagħti lil dan ir-​raġel il-​ħajja sabiex igawdi l-​Ġenna tal-​art ġdida. Kemm għandna għal xiex nifirħu dwar dan, hux vera?