Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 103

F’Kamra Msakkra

F’Kamra Msakkra

WARA li Pietru u Ġwanni jitilqu minn ħdejn il-​qabar fejn kien il-​ġisem taʼ Ġesù, Marija titħalla hemmhekk waħedha. Tibda tibki. Imbagħad titbaxxa u tittawwal ġol-​qabar, bħalma rajna fl-​istampa taʼ qabel. Hemmhekk tara żewġ anġli! Jistaqsuha: ‘Għala qed tibki?’

Marija twiġibhom: ‘Ħaduli lill-​Mulej tiegħi, u ma nafx fejn qegħduh.’ Imbagħad Marija ddur u tara raġel. Hu jistaqsiha: ‘Lil min qed tfittex?’

Marija taħseb li r-​raġel hu dak li jieħu ħsieb il-​ġnien, u li forsi ħa l-​ġisem taʼ Ġesù. Allura tgħid: ‘Jekk ħadtu xi mkien, għidli fejn qegħedtu.’ Imma, fir-​realtà, dan ir-​raġel hu Ġesù. Hu qed juża ġisem li Marija ma tagħrafx. Imma meta jsejħilha b’isimha, Marija taf li dan hu Ġesù. Hi tiġri u tgħid lid-​dixxipli: ‘Rajt lill-​Mulej!’

Iktar tard fil-​ġurnata, waqt li żewġ dixxipli jkunu mexjin lejn ir-​raħal t’Għemmaws, jingħaqad magħhom wieħed raġel. Id-​dixxipli huma mnikktin għall-​aħħar għax Ġesù ġie maqtul. Imma hekk kif jimxu, ir-​raġel jispjega ħafna affarijiet mill-​Bibbja li jġegħluhom iħossuhom aħjar. Fl-​aħħar, meta jieqfu biex jieklu, id-​dixxipli jagħrfu li dan ir-​raġel hu Ġesù. Imbagħad Ġesù jisparixxi u dawn iż-​żewġ dixxipli malajr malajr imorru t-​triq kollha lura Ġerusalemm biex jgħidu lill-​appostli dwaru.

Waqt li dan qed iseħħ, Ġesù jidher ukoll lil Pietru. L-​oħrajn iħossuhom eċċitati meta jisimgħu dan. Imbagħad dawn iż-​żewġ dixxipli jmorru Ġerusalemm u jsibu lill-​appostli. Jgħidulhom kif Ġesù deher lilhom ukoll fit-​triq. U hekk kif qed jgħidulhom dwar dan, tiġri xi ħaġa tal-​għaġeb! Taf x’inhi?

Ħares lejn l-​istampa. Ġesù jidher eżatt hemm fil-​kamra, avolja l-​bieb imsakkar. Id-​dixxipli huma ferħanin se jtiru! X’ġurnata eċċitanti din, hux veru? Tistaʼ tgħodd kemm⁠-​⁠il darba Ġesù deher s’issa lis-​segwaċi tiegħu? Għoddejt ħames darbiet?

L-​appostlu Tumas mhuwiex magħhom meta jidher Ġesù. Għalhekk, id-​dixxipli jgħidulu: ‘Rajna lill-​Mulej!’ Imma Tumas jgħid li jkollu jara lil Ġesù b’għajnejh stess qabel ma jemminhom. Tmint ijiem wara d-​dixxipli huma miġburin flimkien għal darb’oħra f’kamra msakkra, u din id-​darba Tumas ikun magħhom. F’daqqa waħda, Ġesù jidher f’nofshom fil-​kamra. Issa Tumas jemmen.