Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 104

Ġesù Jmur Lura s-Sema

Ġesù Jmur Lura s-Sema

HEKK kif jgħaddu l-​jiem, Ġesù jidher lis-​segwaċi tiegħu bosta drabi. Darba minnhom madwar 500 mid-​dixxipli jarawh. Meta jidhrilhom, taf dwar xiex ikellimhom Ġesù? Dwar is-​Saltna t’Alla. Ġeħova bagħat lil Ġesù fuq l-​art biex jgħallem dwar is-​Saltna. U jibqaʼ jagħmel dan anki wara li jiġi mqajjem mill-​imwiet.

Tiftakar x’inhi s-​Saltna t’Alla? Iva, is-​Saltna hija gvern reali t’Alla fis-​sema, u Ġesù hu Dak li Alla għażel biex ikun sultan. Bħalma tgħallimna, Ġesù wera kemm se jkun sultan meraviljuż billi temaʼ lil dawk bil-​ġuħ, fejjaq lill-​morda, u saħansitra qajjem lill-​mejtin għall-​ħajja!

Allura meta Ġesù jaħkem bħala Sultan fis-​sema għal elf sena, kif se jkunu l-​affarijiet fuq l-​art? Iva, l-​art kollha se ssir ġenna tal-​art mill-​isbaħ. Mhux se jkun hemm iktar gwerer, jew kriminalità, jew mard, jew saħansitra mewt. Nafu li dan hu veru għax Alla ħalaq l-​art biex tkun ġenna li jistgħu jgawdu n-​nies. Din hi r-​raġuni għala għamel il-​ġnien tal-​Għeden fil-​bidu. U Ġesù se jieħu ħsieb biex dak li Alla jrid li jsir sa fl-​aħħar jitwettaq.

Issa jasal il-​waqt biex Ġesù jmur lura fis-​sema. Għal 40 jum Ġesù kien qed juri lilu nnifsu lid-​dixxipli tiegħu. Għalhekk huma ċerti li hu jerġaʼ jinsab ħaj. Imma qabel ma jitlaq lid-​dixxipli tiegħu jgħidilhom: ‘Ibqgħu f’Ġerusalemm sakemm tirċievu l-​ispirtu qaddis.’ L-​ispirtu qaddis hu l-​forza attiva t’Alla, bħal riħ jonfoħ, li se jgħin lis-​segwaċi tiegħu jagħmlu r-​rieda t’Alla. Fl-​aħħar, Ġesù jgħid: ‘Għandkom tippritkaw dwari sal-​iktar parti mbiegħda tal-​art.’

Wara li Ġesù jgħid dan, isseħħ xi ħaġa tal-​għaġeb. Hu jibda tielaʼ lejn is-​sema, bħalma tistaʼ tara f’din l-​istampa. Imbagħad sħaba tgħattih u d-​dixxipli ma jerġgħux jaraw lil Ġesù. Ġesù jmur is-​sema u jibda jaħkem fuq is-​segwaċi tiegħu fuq l-​art minn hemmhekk.