Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 106

Jinħelsu mill-Ħabs

Jinħelsu mill-Ħabs

ARA l-​anġlu hawn! Qed iżomm il-​bieb tal-​ħabs miftuħ. L-​irġiel li qed jeħles huma l-​appostli taʼ Ġesù. Ejja naraw x’wassal biex spiċċaw mitfugħin il-​ħabs.

Għadda biss ftit żmien mindu tferraʼ l-​ispirtu qaddis fuq id-​dixxipli taʼ Ġesù. U dan hu li jiġri: Darba waranofsinhar Pietru u Ġwanni jinsabu deħlin it-​tempju f’Ġerusalemm. Hemmhekk, ħdejn il-​bieb, hemm raġel li ilu zopp ħajtu kollha. In-​nies iġorruh hawn kuljum biex ikun jistaʼ jittallab il-​flus minn dawk li jkunu deħlin it-​tempju. Meta jara lil Pietru u Ġwanni, hu jitlobhom jagħtuh xi ħaġa. X’se jagħmlu l-​appostli?

Huma jieqfu u jħarsu lejn l-​imsejken raġel. ‘M’għandix flus,’ jgħid Pietru, ‘Imma dak li għandi nagħtihulek. F’isem Ġesù, qum, u imxi!’ Pietru mbagħad jaqbad lir-​raġel minn idu l-​leminija, u f’kemm ili ngħidlek iqum u jibda jimxi. Meta n-​nies jaraw dan jistagħġbu u huma ferħanin ħafna b’dan il-​miraklu meraviljuż.

Pietru jgħid: ‘Hu bil-​qawwa t’Alla, li qajjem lil Ġesù mill-​mewt, li għamilna dan il-​miraklu.’ Waqt li hu u Ġwanni qed jitkellmu jgħaddu xi mexxejja reliġjużi. Huma rrabjati għax Pietru u Ġwanni qed jgħidu lin-​nies dwar kif Ġesù ġie mqajjem mill-​mewt. Għalhekk jaqbduhom u jitfgħuhom il-​ħabs.

L-​għada l-​mexxejja reliġjużi jkollhom laqgħa kbira. Pietru u Ġwanni, flimkien mar-​raġel li fejqu, jinġiebu quddiemhom. ‘Permezz taʼ liema qawwa għamiltu dan il-​miraklu?’ jistaqsu l-​mexxejja reliġjużi.

Pietru jgħidilhom li hu permezz tal-​qawwa t’Alla, li qajjem lil Ġesù mill-​mewt. Il-​qassisin ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu għax ma jistgħux jiċħdu l-​fatt li tassew seħħ dan il-​miraklu meraviljuż. Allura jwissu lill-​appostli biex ma jibqgħux jitkellmu dwar Ġesù u jħalluhom jitilqu.

Hekk kif jgħaddu l-​ġranet, l-​appostli jibqgħu jitkellmu dwar Ġesù u jfejqu lill-​morda. L-​aħbar dwar dawn il-​mirakli tinxtered. U għalhekk, anki folol mill-​bliet taʼ madwar Ġerusalemm iġibu lill-​morda tagħhom ħalli l-​appostli jfejquhom. Dan iġiegħel lill-​mexxejja reliġjużi jgħiru, u għalhekk jaqbdu lill-​appostli u jitfgħuhom il-​ħabs. Imma ma tantx idumu hemm.

Matul il-​lejl, l-​anġlu t’Alla jiftħilhom il-​bieb tal-​ħabs, kif tistaʼ tara hawn. L-​anġlu jgħid: ‘Morru, oqogħdu fit-​tempju, u ibqgħu kellmu lin-​nies.’ L-​għada filgħodu, meta l-​mexxejja reliġjużi jibagħtu xi rġiel biex iġibu l-​appostli mill-​ħabs, ma jkunux hemm. Iktar tard, l-​irġiel isibuhom jgħallmu fit-​tempju u jġibuhom fis-​sala tas-​Sinedriju.

Il-​mexxejja reliġjużi jgħidu: ‘Aħna ordnajnielkom bis-​sħiħ biex ma tibqgħux tgħallmu dwar Ġesù. Imma mlejtu lil Ġerusalemm bit-​tagħlim tagħkom.’ Imbagħad l-​appostli jwieġbu: ‘Irridu nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bniedem.’ Għalhekk jibqgħu jxandru “l-​aħbar tajba.” Mhuwiex dan eżempju tajjeb biex nimitaw?