Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 108

Fit-Triq Lejn Damasku

Fit-Triq Lejn Damasku

TAF min hu dak ir-​raġel mixħut fl-​art? Huwa Sawl. Ftakar, hu dak il-​wieħed li ħa ħsieb il-​ħwejjeġ tal-​irġiel li ħaġġru lil Stiefnu. Ara dak id-​dawl jiddi! X’qed jiġri?

Wara li Stiefnu jiġi maqtul, Sawl jieħu t-​tmexxija f’li jfittex lis-​segwaċi taʼ Ġesù biex iweġġagħhom. Hu jidħol f’dar wara l-​oħra u jkaxkarhom ’il barra u jixħithom il-​ħabs. Ħafna mid-​dixxipli jaħarbu għal bliet oħrajn u jibdew jiddikjaraw “l-​aħbar tajba” hemmhekk. Imma Sawl imur il-​bliet l-​oħrajn biex isib lis-​segwaċi taʼ Ġesù. Hu issa qiegħed fi triqtu lejn Damasku. Imma fit-​triq tiġri din il-​ħaġa tal-​għaġeb:

F’daqqa waħda dawl mis-​sema jiddi madwar Sawl. Hu jaqaʼ mal-​art, kif nistgħu naraw hawn. Imbagħad leħen jgħid: ‘Sawl, Sawl! Għala qed tweġġagħni?’ L-​irġiel li huma maʼ Sawl jaraw id-​dawl u jisimgħu ħoss taʼ leħen imma ma jistgħux jifhmu x’qed jingħad.

‘Min int Mulej?’ jistaqsi Sawl.

‘Jien Ġesù, il-​wieħed li qed tweġġaʼ,’ jgħid il-​leħen. Ġesù jgħid dan għax meta Sawl iweġġaʼ lis-​segwaċi taʼ Ġesù, Ġesù jħossu qisu ġie mweġġaʼ hu stess.

Sawl issa jistaqsi: ‘X’għandi nagħmel Mulej?’

‘Qum, u mur Damasku,’ jgħid Ġesù. ‘Hemmhekk jgħidulek x’għandek tagħmel.’ Meta Sawl iqum u jiftaħ għajnejh ma jistaʼ jara xejn. Hu agħma! Għalhekk, l-​irġiel iżommuh minn idu u jmexxuh sa Damasku.

Ġesù issa jkellem lil wieħed mid-​dixxipli tiegħu f’Damasku u jgħid: ‘Qum Ananija. Mur fit-​triq li jgħidulha d-​Dritta. Fid-​dar taʼ Ġuda staqsi għal raġel jismu Sawl. Jien għażiltu biex ikun qaddej speċjali tiegħi.’

Ananija jobdi. Meta jiltaqaʼ maʼ Sawl, hu jpoġġi jdejh fuqu u jgħid: ‘Il-​Mulej bagħatni biex tkun tistaʼ terġaʼ tara u biex timtela bl-​ispirtu qaddis.’ Mill-​ewwel jaqaʼ qisu qxur minn għajnejn Sawl u jkun jistaʼ jerġaʼ jara.

Sawl jintuża bil-​kbir biex jipprietka lin-​nies taʼ ħafna ġnus. Hu jsir magħruf bħala l-​appostlu Pawlu u ħa nitgħallmu ħafna iktar dwaru. Imma l-​ewwel ejja naraw Alla x’jibgħat lil Pietru biex jagħmel.