Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 110

Timotju—Għajnuna Ġdida Għal Pawlu

Timotju—Għajnuna Ġdida Għal Pawlu

IR-​RAĠEL żagħżugħ li qed tara hawn mal-​appostlu Pawlu hu Timotju. Timotju jgħix mal-​familja tiegħu f’Listra. Ommu jisimha Ewniċe u nanntu Lojs.

Din hi t-​tielet darba li Pawlu żar Listra. Xi sena qabel, Pawlu u Barnaba ġew hawn għall-​ewwel darba fuq vjaġġ taʼ ppritkar. U issa Pawlu reġaʼ ġie mal-​ħabib tiegħu Sila.

Taf x’qed jgħid Pawlu lil Timotju? Qed jistaqsih: ‘Tixtieq tingħaqad miegħi u maʼ Sila? Għandna bżonn l-​għajnuna tiegħek biex nippritkaw lin-​nies li jgħixu f’postijiet ’il bogħod.’

Iva,’ iwieġeb Timotju, ‘nixtieq niġi.’ Allura ftit taż-​żmien wara, Timotju jitlaq lill-​familja tiegħu u jmur maʼ Pawlu u Sila. Imma qabel ma nitgħallmu dwar il-​vjaġġ tagħhom, ejja naraw minn xiex għadda Pawlu. Għaddew 17-​il sena minn meta deherlu Ġesù fit-​triq lejn Damasku.

Jekk tiftakar, Pawlu mar Damasku biex iweġġaʼ lid-​dixxipli taʼ Ġesù, imma issa hu stess sar dixxiplu! Wara, xi għedewwa jippjanaw li joqtlu lil Pawlu għax ma jiħdux pjaċir li qed jgħallem dwar Ġesù. Imma d-​dixxipli jgħinu lil Pawlu jaħrab. Ipoġġuh f’qoffa u jniżżluh barra s-​sur tal-​belt.

Wara, Pawlu jmur Antjokja biex jipprietka. Huwa hawn li għall-​ewwel darba s-​segwaċi taʼ Ġesù jissejħu Kristjani. Imbagħad, Pawlu u Barnaba jintbagħtu minn Antjokja fuq vjaġġ taʼ ppritkar f’pajjiżi li huma ’l bogħod ħafna. Waħda mill-​bliet li jżuru hi Listra, fejn joqgħod Timotju.

Issa, xi sena wara, Pawlu jerġaʼ jinsab Listra fuq it-​tieni vjaġġ tiegħu. Meta Timotju jitlaq maʼ Pawlu u Sila, taf fejn imorru? Ħares lejn il-​mappa, u ejja nitgħallmu xi ftit mill-​postijiet.

L-​ewwel imorru Ikonju, li hi fil-​viċin, u mbagħad imorru f’belt oħra li wkoll jisimha Antjokja. Wara jivvjaġġaw ’il fuq lejn Troas, imbagħad lejn Filippi, Tessalonika, u Berea. Qed tara lil Ateni fuq il-​mappa? Pawlu jipprietka hemmhekk. Wara jqattgħu sena u nofs jippritkaw f’Korintu. Fl-​aħħar, jieqfu għal ftit f’Efesu. Imbagħad, jiġu lura Ċesarija permezz taʼ bastiment, u jivvjaġġaw ’il fuq lejn Antjokja, fejn joqgħod Pawlu.

Għalhekk, Timotju jivvjaġġa ħafna mijiet taʼ kilometri biex jgħin lil Pawlu jipprietka “l-​aħbar tajba” u jibda ħafna kongregazzjonijiet Kristjani. Tixtieq tkun qaddej leali t’Alla bħal Timotju la tikber?