Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 114

It-Tmiem tal-Ħażen Kollu

It-Tmiem tal-Ħażen Kollu

X’QED tara hawn? Iva, armata fuq żwiemel bojod. Imma ara minn fejn ġejjin. Iż-​żwiemel neżlin bil-​ħeffa mis-​sema fuq is-​sħab! Veru hemm żwiemel fis-​sema?

Le, dawn mhumiex żwiemel taʼ veru. Aħna nafu dan għax iż-​żwiemel ma jistgħux jiġru fuq is-​sħab, hux? Imma l-​Bibbja veru titkellem dwar iż-​żwiemel fis-​sema. Taf għala?

Għax xi darba ż-​żwiemel tgħidx kemm kienu jintużaw biex jiġġieldu fil-​gwerer. Allura l-​Bibbja titkellem dwar nies rekbin iż-​żwiemel fis-​sema biex turi li Alla għandu gwerra x’jiġġieled kontra n-​nies fuq l-​art. Taf x’tissejjaħ din il-​gwerra? Armageddon. Din il-​gwerra se ssir biex tneħħi l-​ħażen kollu minn fuq l-​art.

Ġesù hu Dak li se jieħu t-​tmexxija f’li jiġġieled fil-​gwerra t’Armageddon. Tinsiex, Ġesù hu dak li Ġeħova għażel biex ikun is-​Sultan tal-​gvern Tiegħu. Hu għalhekk li Ġesù liebes kuruna taʼ sultan. U s-​sejf juri li se joqtol lill-​għedewwa t’Alla kollha. Għandna niskantaw li Alla se jeqred lin-​nies ħżiena kollha?

Erġaʼ ħares lejn Storja 10. X’qed tara hemmhekk? Iva, id-​Dilluvju kbir li qered lin-​nies ħżiena. Min ġiegħel li jkun hemm id-​Dilluvju? Alla Ġeħova. Issa ħares lejn Storja 15. X’qed jiġri hemm? Sodoma u Gomorra qed jinqerdu bin-​nar li bagħat Ġeħova.

Dur lura lejn Storja 33. Ara x’qed jiġri miż-​żwiemel u mill-​karrijiet tal-​gwerra tal-​Eġizzjani. Min ġiegħel li l-​ilma jinżel f’daqqa fuqhom? Ġeħova. Għamel dan biex jipproteġi lill-​poplu tiegħu. Ħares lejn Storja 76. Hemmhekk se tara li Ġeħova saħansitra ħalla n-​nies tiegħu, l-​Iżraelin, jinqerdu minħabba l-​ħażen tagħhom.

Għalhekk, m’għandniex niskantaw li Ġeħova se jibgħat lill-​armata tas-​sema tiegħu biex iġib fi tmiem il-​ħażen kollu fuq l-​art. Aħseb ftit x’se jfisser dan! Dawwar il-​paġna ħa naraw!