Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Alternattivi taʼ Kwalità Għal Trasfużjoni

Alternattivi taʼ Kwalità Għal Trasfużjoni

Alternattivi taʼ Kwalità Għal Trasfużjoni

Int forsi tħoss, ‘It-​trasfużjonijiet huma perikolużi, imma hemm xi alternattivi taʼ kwalità għolja?’ Mistoqsija tajba, u innota l-​kelma “kwalità.”

Kulħadd, inklużi x-​Xhieda taʼ Jehovah, irid kura medika effettiva taʼ kwalità għolja. Dr. Grant E. Steffen innota żewġ elementi prinċipali: “Il-​kura medika taʼ kwalità hija l-​kapaċità tal-​elementi taʼ dik il-​kura li jilħqu għanijiet leġittimi mediċi u mhux mediċi.” (The Journal of the American Medical Association, 1 taʼ Lulju, 1988) “Għanijiet . . . mhux mediċi” jinkludu li wieħed ma jiddisprezzax l-​etika jew il-​kuxjenza bbażata fuq il-​Bibbja tal-​pazjent.​—Atti 15:​28, 29.

Hemm modi leġittimi u effettivi biex wieħed jittratta problemi mediċi serji mingħajr ma juża d-​demm? B’ferħ, it-​tweġiba hija iva.

Għalkemm il-​biċċa l-​kbira tal-​kirurgi sostnew li huma taw id-​demm biss meta kien hemm bżonnu assolutament, wara li qamet l-​epidemija tal-​AIDS l-​użu tad-​demm minnhom naqas b’ħeffa kbira. Editorjal fil-​Mayo Clinic Proceedings (Settembru 1988) qal li “wieħed mill-​ftit benefiċċji tal-​epidemija” kien li din “irriżultat f’diversi strateġiji min-​naħa tal-​pazjenti u tat-​tobba biex jevitaw it-​trasfużjoni tad-​demm.” Uffiċjal taʼ bank tad-​demm jispjega: “Dak li fil-​fatt inbidel huwa l-​intensità tal-​messaġġ, il-​fatt li l-​pazjenti laqgħu l-​messaġġ (minħabba li wieħed jistaʼ jifhem iktar ir-​riskji), u t-​talba biex jiġu kkunsidrati l-​alternattivi.”​—Transfusion Medicine Reviews, Ottubru 1989.

Innota, hemm alternattivi! Dan nistgħu nifhmuh meta nagħtu ħarsa lura lejn għala d-​demm jiġi trasfuż.

Il-hemoglobin fiċ-​ċelloli ħomor iġorr l-​ossiġenu meħtieġ għal saħħa u ħajja. Mela jekk wieħed tilef ħafna demm, tistaʼ tidher li hi ħaġa loġika sempliċement li dak li jkun jieħu d-​demm biex ipatti għal dak li tilef. Normalment int ikollok madwar 14 jew 15-il gramma taʼ hemoglobin f’kull 100 ċentimetru kubu taʼ demm. (Miżura oħra tal-​konċentrament hija hematocrit, li ġeneralment ikun madwar 45 fil-​mija.) Ir-​“regola” aċċettata kienet li ssir trasfużjoni fuq pazjent qabel l-​operazzjoni jekk il-​hemoglobin tiegħu kien taħt 10 (jew 30 fil-​mija hematocrit). Il-​ġurnal Svizzeru Vox Sanguinis (Marzu 1987) irrapporta li “65% tal-​[anestetisti] talbu li l-​pazjenti jkollhom qabel l-​operazzjoni hemoglobin taʼ 10 gm/dl għall-​kirurġija elettiva.”

Imma f’konferenza tal-​1988 fuq it-​trasfużjoni tad-​demm, il-​Professur Howard L. Zauder staqsa, “Kif Ksibna ‘Numru Maġiku’?” Hu stqarr b’mod ċar: “L-​etjoloġija tal-​ħtieġa li pazjent ikollu 10 grammi taʼ hemoglobin (Hgb) qabel ma jieħu l-​oppju hija moħbija fit-​tradizzjoni, imkeffna fl-​oskurità, u mhix sostanzjata b’evidenza klinika jew esperimentali.” Immaġina l-​ħafna eluf taʼ pazjenti li t-​trasfużjonijiet tagħhom kienu msejsin fuq ħtieġa ‘oskura, mhix sostanzjata’!

Xi wħud jistgħu jistaqsu, ‘Livell taʼ 14 fil-​hemoglobin għala huwa normali jekk tistaʼ tgħaddi b’ħafna inqas?’ Sewwa, inti b’hekk ikollok kapaċità konsiderevoli u riżervata li ġġorr l-​ossiġenu sabiex b’hekk tkun lest għal eżerċizzju jew xogħol iebes. Studji li saru fuq pazjenti anemiċi saħansitra jirrivelaw li “huwa diffiċli li tiskopri defiċit f’dik li hi kapaċità taʼ xogħol b’konċentrament taʼ hemoglobin baxx daqs 7 g/dl. Oħrajn sabu evidenza taʼ funzjoni mnaqqsa moderatament biss.”​—Contemporary Transfusion Practice, 1987.

Waqt li l-​adulti jakkomodaw livell baxx taʼ hemoglobin, xi ngħidu dwar it-​tfal? Dr. James A. Stockman III igħid: “Bi ftit eċċezzjonijiet, trabi mwielda qabel iż-​żmien se jġarrbu nżul fil-​livell taʼ hemoglobin mill-​ewwel wieħed sat-​tielet xahar . . . L-​indikazzjonijiet għal trasfużjoni għat-​trabi m’humiex imfissrin sewwa. Tabilħaqq, ħafna trabi donnhom jittolleraw b’mod tal-​għaġeb livelli baxxi taʼ konċentrament taʼ hemoglobin b’ebda diffikultà klinika apparenti.”​—Pediatric Clinics of North America, Frar 1986.

Tagħrif bħal dan ma jfissirx li m’hemm bżonn li jsir xejn meta wieħed jitlef ħafna demm f’inċident jew waqt xi operazzjoni. Jekk it-​telf isir bil-​ħeffa u huwa kbir, il-​pressjoni tad-​demm taʼ dak li jkun tinżel, u jistaʼ jidħol f’xokk. Dak li huwa meħtieġ primarjament huwa li d-​dmija tiġi mwaqqfa u l-​volum fis-​sistema tiegħu jiġi rrestawrat. Dak se jservi biex jiġi evitat ix-​xokk u biex il-​bqija taċ-​ċelloli ħomor u komponenti oħra jibqgħu jiċċirkolaw.

Il-volum jistaʼ jiġi rrestawrat mingħajr ma jintuża demm sħiħ jew plasma tad-​demm. * Diversi fluwidi mingħajr demm jespandu l-​volum b’mod effettiv. L-​iktar faċli hija s-​saline solution (taħlita bil-​melħ), li hija kemm irħisa u kemm kompatibbli mad-​demm tagħna. Hemm ukoll fluwidi bi proprjetajiet speċjali, bħalma huma d-​dextran, il-​Haemaccel, u l-​lactated Ringer’s solution. Il-​Hetastarch (HES) huwa fluwidu iktar ġdid li jespandi l-​volum, u “jistaʼ jiġi rrikkmandat bla periklu lil dawk il-​pazjenti [li jinħarqu] li joġġezzjonaw għal prodotti tad-​demm.” (Journal of Burn Care & Rehabilitation, Jannar/Frar 1989) Fluwidi bħal dawn għandhom vantaġġi definiti. “Soluzzjonijiet kristallojdi [bħalma huma s-​saline normali u l-​lactated Ringer’s solution], id-​Dextran u l-​HES huma relattivament mhux tossiċi u rħas, issibhom kullimkien, jistgħu jinħażnu f’temperatura tal-​kamra, m’għandhomx bżonn li jiġu ttestjati għal kompatibiltà u huma ħielsa mir-​riskju taʼ mard li jiġi minn trasfużjoni.”​—Blood Transfusion Therapy​—A Physician’s Handbook, 1989.

Int tistaʼ tistaqsi, iżda, ‘Fluwidi mingħajr demm għala jaħdmu tajjeb, ladarba għandi bżonn ċelloli ħomor biex niċċirkola l-​ossiġenu fil-​ġisem tiegħi?’ Bħalma semmejna, int għandek riżervi li jġorru l-​ossiġenu. Jekk titlef id-​demm, mekkaniżmi meraviljużi li jikkumpensaw jaqbdu jaħdmu. Qalbek tippompja iktar demm maʼ kull taħbita. Ladarba d-​demm mitluf ġie mibdul maʼ fluwidu xieraq, id-​demm issa mħallat jiġri b’mod iktar faċli, saħansitra fil-​vini ż-​żgħar. Bħala riżultat taʼ bidliet kimiċi, iktar ossiġenu jiġi mogħti lit-​tessuti. Dawn l-​adattazzjonijiet huma tant effettivi li jekk biss jibqaʼ nofs iċ-​ċelloli ħomor tiegħek, iċ-​ċirkulazzjoni tal-​ossiġenu tistaʼ tkun madwar 75 fil-​mija tan-​normal. Pazjent mistrieħ juża biss 25 fil-​mija tal-​ossiġenu disponibbli fid-​demm tiegħu. U l-​biċċa l-​kbira tal-​oppji ġenerali jnaqqsu l-​ħtieġa tal-​ġisem għal ossiġenu.

IT-​TOBBA KIF JISTGĦU JGĦINU?

Tobba tas-​sengħa jistgħu jgħinu lil xi ħadd li tilef id-​demm u għalhekk għandu inqas ċelloli ħomor. Ladarba l-​volum jiġi rrestawrat, it-​tobba jistgħu jamministraw l-​ossiġenu f’konċentrament għoli. B’hekk il-​ġisem ikollu iktar ossiġenu disponibbli u dan spiss ġab riżultati tal-​għaġeb. Tobba Ingliżi wżaw dan maʼ mara li kienet tilfet tant demm li “l-​haemoglobin tagħha niżel għal 1.8 g/dlitru. Hi ġiet ikkurata b’suċċess . . . [b’]konċentramenti taʼ ossiġenu ispirati ħafna u trasfużjonijiet taʼ volumi kbar taʼ gelatin solution [Haemaccel].” (Anaesthesia, Jannar 1987) Ir-​rapport igħid ukoll li oħrajn li tilfu ħafna demm ġew ikkurati b’suċċess fi kmamar iperbariċi tal-​ossiġenu.

It-tobba jistgħu jgħinu wkoll lill-​pazjenti tagħhom biex jifformaw iktar ċelloli ħomor. Kif? Billi jagħtuhom preparazzjonijiet li fihom il-​ħadid (fil-muskoli jew fil-​vini), u li jistgħu jgħinu lill-​ġisem f’li jagħmel ċelloli ħomor tliet darbiet jew erbaʼ darbiet iktar bil-​għaġla min-​normal. Dan l-​aħħar għajnuna oħra saret disponibbli. Il-​kliewi tiegħek jipproduċu sustanza kimika msejħa erythropoietin (EPO), li tistimula lill-​mudullun tal-​għadam biex jifforma ċelloli ħomor. Issa hawn disponibbli EPO sintetiku (bil-ġeni rranġati mill-​ġdid). It-​tobba jistgħu jagħtu dan lil xi pazjenti anemiċi, u b’hekk igħinuhom biex jifformaw ċelloli ħomor b’ħeffa kbira.

Saħansitra waqt xi operazzjoni, kirurgi kuxjenzjużi tas-​sengħa u anestetisti jistgħu jgħinu billi jużaw metodi avanzati taʼ konservazzjoni tad-​demm. It-​teknika operattiva b’attenzjoni kbira, bħalma hi meta wieħed jaħraq it-​tessuti tal-​ġisem biex inaqqas it-​telf taʼ demm, ma tistax tiġi enfasizzata żżejjed. Kultant demm li jiġri għal ġo ferita jistaʼ jiġi miġbud, iffiltrat, u mitfugħ lura fiċ-​ċirkulazzjoni. *

Pazjenti fuq magna tal-​qalb u l-​pulmun mimlija fluwidu mingħajr demm jistgħu jibbenefikaw mill-​hemodilution li tirriżulta, billi jintilfu inqas ċelloli ħomor.

U hemm modi oħra kif wieħed jistaʼ jgħin. Tistaʼ tgħin billi tberred lil pazjent biex tnaqqas il-​ħtiġijiet taʼ ossiġenu tiegħu waqt l-​operazzjoni; billi tagħti l-​oppju ipotensiv; billi tagħti terapija biex tgħin lid-​demm jagħqad; bid-​desmopressin (DDAVP) biex tnaqqas il-​ħin taʼ telf taʼ demm; u bil-​laser li jaqtaʼ l-​laħam. Int se tara l-​lista tikber hekk kif tobba u pazjenti kkonċernati jfittxu biex jevitaw trasfużjonijiet tad-​demm. Aħna nittamaw li int qatt ma titlef ammont kbir taʼ demm. Imma jekk titlef, x’aktarx li tobba tas-​sengħa jistgħu jieħdu ħsiebek mingħajr ma jużaw trasfużjonijiet tad-​demm, li għandhom tant riskji.

KIRURĠIJA, IVA​—IMMA MINGĦAJR TRASFUŻJONIJIET

Ħafna nies illum m’humiex se jaċċettaw demm. Għal raġunijiet taʼ saħħa, huma qed jitolbu dak li x-​Xhieda jfittxu primarjament għal skopijiet reliġjużi: kura medika taʼ kwalità li tuża alternattivi taʼ mingħajr demm. Bħalma nnotajna, operazzjonijiet kbar għadhom possibbli. Jekk għad baqagħlek xi dubji, xi ftit evidenza oħra minn letteratura medika tistaʼ tneħħihomlok.

L-artiklu “Bdil taʼ Għadam Ewlenin f’Membru tax-​Xhieda taʼ Jehovah” (Orthopaedic Review, Awissu 1986) tkellem dwar pazjent anemiku b’“qerda avvanzata kemm fl-​irkobbtejn u kemm fil-​ġenbejn.” Dextran tal-​ħadid kien użat qabel u wara l-​operazzjoni, li rnexxiet. Il-​British Journal of Anaesthesia (1982) irrapporta dwar Xhud taʼ 52 sena b’livell taʼ hemoglobin taħt l-​10. Bl-​użu taʼ l-​oppju ipotensiv biex jitnaqqas it-​telf taʼ demm, hi kellha ġenbha u spallitha mibdulin għalkollox. Grupp kirurġiku fl-​Università taʼ Arkansas (U.S.A.) ukoll użaw dan il-​metodu fi bdil taʼ mitt ġenb fuq Xhieda, u l-​pazjenti kollha fiequ. Il-​professur li mexxa d-​dipartiment jikkummenta: “Dak li tgħallimna minn dawk il-​pazjenti (Xhieda), issa napplikawh fuq il-​pazjenti kollha tagħna li nibdlulhom il-​ġenb sħiħ.”

Il-kuxjenza taʼ xi Xhieda tippermettilhom li jaċċettaw trapjanti taʼ xi organi jekk dan isir mingħajr ma jintuża demm. Rapport dwar 13-il trapjant tal-​kliewi kkonkluda: “Ir-​riżultati inġenerali jissuġġerixxu li t-​trapjanti tal-​kliewi jistgħu jiġu applikati bla periklu u b’mod effettiv fuq il-​biċċa l-​kbira tax-​Xhieda taʼ Jehovah.” (Transplantation, Ġunju 1988) Bl-​istess mod, li wieħed ma jaċċettax id-​demm ma ħoloqx tfixkil saħansitra fi trapjanti tal-​qalb li rnexxew.

‘Xi ngħidu dwar kirurġija bla demm taʼ tipi oħra?’ tistaʼ tistaqsi int. Medical Hotline (April/Mejju 1983) tkellmet dwar kirurġija fuq “Xhieda taʼ Jehovah li għamlu operazzjonijiet kbar ħafna ġinekoloġiċi u obstetriċi [fl-Università Statali taʼ Wayne, U.S.A.] mingħajr trasfużjonijiet taʼ demm.” Il-​gazzetta rrapportat: “Ma kienx hemm iktar imwiet u komplikazzjonijiet milli f’nisa li kienu għamlu operazzjonijiet simili bi trasfużjonijiet taʼ demm.” Il-​gazzetta mbagħad ikkummentat: “Ir-​riżultati taʼ dan l-​istudju jistgħu jiggarantixxu ħarsa ġdida lejn l-​użu tad-​demm għan-​nisa kollha li jagħmlu operazzjonijiet obstetriċi u ġinekoloġiċi.”

Fl-isptar tal-​Università taʼ Göttingen (il-Ġermanja), 30 pazjent li rrifjutaw id-​demm għamlu operazzjoni ġenerali. “Ma qamet ebda komplikazzjoni li ma setgħetx tqum ukoll maʼ pazjenti li jaċċettaw trasfużjonijiet taʼ demm. . . . Meta l-​użu taʼ trasfużjoni mhux possibbli m’għandux isir plejtu, u b’hekk m’għandux iwassal għal li ma ssirx operazzjoni li hi meħtieġa u ġustifikata kirurġikament.”​—Risiko in der Chirurgie, 1987.

Saħansitra kirurġija tal-​moħħ mingħajr l-​użu tad-​demm saret fuq għadd taʼ adulti u tfal, per eżempju, fiċ-​Ċentru Mediku tal-​Università taʼ New York. Fl-​1989 Dr. Joseph Ransohoff, kap tan-​newrokirurġija, kiteb: “Huwa ċar ħafna li fil-​biċċa l-​kbira tal-​każi l-​evitar taʼ prodotti tad-​demm jistaʼ jinkiseb b’riskju żgħir ħafna f’pazjenti li t-​twemmin reliġjuż tagħhom huwa kontra l-​użu taʼ dawn il-​prodotti, b’mod partikulari jekk il-​kirurġija tistaʼ ssir malajr u f’ħin relattivament qasir taʼ operazzjoni. Taʼ interess konsiderevoli huwa l-​fatt li jien spiss ninsa li l-​pazjent huwa Xhud sakemm jasal iż-​żmien biex jitilqu mill-​isptar meta huma jirringrazzjawni talli nkun irrispettajt it-​twemmin reliġjuż tagħhom.”

Fl-aħħarnett, tistaʼ l-​kirurġija delikata tal-​qalb u dik vaskulari tiġi mwettqa mingħajr demm fuq adulti u tfal? Dr. Denton A. Cooley kien pijunier f’li jagħmel eżatt dak. Bħalma tistaʼ tara fl-​artiklu mediku stampat mill-​ġdid fl-​Appendiċi, f’paġni 27–9, ibbażat fuq analiżi iktar bikrija, il-​konklużjoni taʼ Dr. Cooley kienet “li r-​riskju tal-​kirurġija f’pazjenti tal-​grupp tax-​Xhieda taʼ Jehovah ma kienx sostanzjalment iktar għoli milli għal oħrajn.” Issa, wara li għamel 1,106 minn dawn l-​operazzjonijiet, hu jikteb: “F’kull każ il-​qbil jew il-​kuntratt tiegħi mal-​pazjent jinżamm,” jiġifieri, biex ma jużax demm.

Xi kirurgi osservaw li attitudni tajba hija fattur ieħor max-​Xhieda taʼ Jehovah. “L-​attitudni taʼ dawn il-​pazjenti kienet eżemplari,” kiteb Dr. Cooley f’Ottubru 1989. “Huma m’għandhomx il-​biżaʼ taʼ komplikazzjonijiet jew saħansitra l-​mewt li l-​biċċa l-​kbira tal-​pazjenti għandhom. Għandhom fidi profonda u permanenti fit-​twemmin tagħhom u f’Alla tagħhom.”

Dan ma jfissirx li huma jinsistu fuq id-​dritt li jmutu. Huma jfittxu b’mod attiv kura taʼ kwalità għaliex iridu li jfiqu. Huma konvinti li l-​ubbidjenza lejn il-​liġi t’Alla fuq id-​demm hija għaqlija, liema opinjoni għandha influwenza pożittiva f’kirurġija mingħajr demm.

Il-Professur Dr. V. Schlosser, tal-​isptar kirurġiku fl-​Università taʼ Freiburg (il-Ġermanja), innota: “Fost dan il-​grupp taʼ pazjenti, in-​numru taʼ każi taʼ dmija matul il-​perijodu taʼ qabel u taʼ wara l-​operazzjoni ma kienx akbar; il-​komplikazzjonijiet kienu, jekk xejn, inqas. Il-​ħarsa speċjali lejn il-​mard, li hija tipika tax-​Xhieda taʼ Jehovah, kellha influwenza pożittiva fil-​proċess taʼ qabel u taʼ wara l-​operazzjoni.”​—Herz Kreislauf, Awissu 1987.

[Noti taʼ taħt]

^ par. 12 Ix-Xhieda ma jaċċettawx trasfużjonijiet taʼ demm sħiħ, ċelloli ħomor, ċelloli bojod, platelets, jew plasma tad-​demm. Inkwantu għal frazzjonijiet minuri, bħalma huwa l-​immune globulin, ara The Watchtower tal-​1 taʼ Ġunju, 1990, paġni 30-1.

^ par. 17 The Watchtower tal-​1 taʼ Marzu, 1989, paġni 30-1, jikkunsidra prinċipji tal-​Bibbja li għandhom effett fuq metodi taʼ salvataġġ tad-​demm u fuq tagħmir li jiċċirkola d-​demm (barra mill-​ġisem).

[Kaxxa f’paġna 13]

“Aħna rridu nikkonkludu li bħalissa hemm ħafna pazjenti li qed jirċievu komponenti tad-​demm u li m’għandhom ebda ċans li jibbenefikaw minn trasfużjoni (id-demm mhux meħtieġ) u madankollu xorta għandhom riskju sinjifikanti taʼ effett mhux mixtieq. Ebda tabib ma se jesponi apposta lil pazjent għal terapija li ma tistax tgħin imma li tistaʼ tagħmel ħsara, imma dak hu li jiġri eżattament meta d-​demm jiġi trasfuż bla bżonn.”​—“Transfusion-Transmitted Viral Diseases,” 1987.

[Kaxxa f’paġna 14]

“Xi awturi qalu li livelli taʼ hemoglobin baxxi daqs minn 2 sa 2.5 gm./100ml. jistgħu jiġu aċċettati. . . . Persuna f’saħħitha tistaʼ tittollera telf taʼ 50 fil-​mija tal-​massa taċ-​ċelloli ħomor tad-​demm u tkun kważi għalkollox bla sintomi jekk it-​telf taʼ demm isir matul perijodu taʼ żmien.”​—“Techniques of Blood Transfusion,” 1982.

[Kaxxa f’paġna 15]

‘‘Kunċetti iktar qodma dwar it-​trasport tal-​ossiġenu lejn it-​tessuti, dwar il-​fejqan taʼ feriti, u dwar il-​‘valur nutrijenti’ tad-​demm qed jiġu abbandunati. Esperjenza maʼ pazjenti li huma Xhieda taʼ Jehovah turi li anemija serja hija ttollerata sewwa.”​—“The Annals of Thoracic Surgery,” Marzu 1989.

[Kaxxa f’paġna 16]

Tfal żgħar ukoll? “Tmienja u erbgħin operazzjonijiet pedjatriċi miftuħin tal-​qalb saru b’teknika taʼ mingħajr demm hi x’inhi l-​komplessità kiruġika.” It-​tfal kienu żgħar sa 10.3 libbri (4.7 kg). “Minħabba suċċess konsistenti maʼ Xhieda taʼ Jehovah u l-​fatt li trasfużjoni tad-​demm iġġorr riskju taʼ komplikazzjonijiet serji, aħna qegħdin nagħmlu bħalissa l-​biċċa l-​kbira tal-​operazzjonijiet pedjatriċi tagħna tal-​qalb mingħajr trasfużjoni.”​—“Circulation,” Settembru 1984.

[Stampa f’paġna 15]

Il-​magna tal-​qalb u l-​pulmun kienet taʼ għajnuna kbira f’operazzjonijiet tal-​qalb fuq pazjenti li ma jridux demm