Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Dan Ma Jistax Ikun Veru!”

“Dan Ma Jistax Ikun Veru!”

WIEĦED raġel minn New York (l-Istati Uniti) jirrakkonta: “Ibni Jonathan kien qiegħed iżur lil xi ħbieb ftit mili ’l bogħod. Marti, Valentina, ma kenitx tieħu gost li jmur hemm. Kienet dejjem inkwetata minħabba t-​traffiku. Imma hu kien iħobb l-​elettronika, u ħbiebu kellhom workshop fejn setaʼ jikseb esperjenza prattika. Jien kont id-​dar fil-​Punent taʼ Manhattan, New York. Marti kienet qiegħda żżur lill-​familja tagħha fi Puerto Rico. ‘Jonathan dalwaqt jiġi lura,’ ħsibt jien. Imbagħad ċemplet il-​qanpiena tal-​bieb. ‘Dak żgur hu.’ Ma kienx. Kienu l-​pulizija u l-​paramediċi. ‘Qiegħed tarafha din il-​liċenzja tas-​sewqan?’ staqsa l-​uffiċjal tal-​pulizija. ‘Iva, dik taʼ ibni Jonathan.’ ‘Għandna aħbar ħażina għalik. Kien hemm inċident, u . . . ibnek, . . . ibnek safa mejjet.’ L-​ewwel reazzjoni tiegħi kienet, ‘Dan ma jistax ikun veru!’ Dik il-​bomba fetħet ferita fi qlubna li għadha ma feqitx, saħansitra snin wara.”

‘Għandna aħbar ħażina għalik. Kien hemm inċident, u . . . ibnek, . . . ibnek safa mejjet.’

Wieħed missier f’Barċellona (Spanja) jikteb: “Lura fi Spanja tas-​snin sittin, konna familja hienja. Kien hemm marti María, u t-​tlett itfal tagħna, David, Paquito, u Isabel, li kellhom l-​età taʼ 13, 11, u 9 rispettivament.

“Ġurnata waħda f’Marzu taʼ l-​1963, Paquito ġie d-​dar mill-​iskola jilmenta b’weġgħat kbar f’rasu. Aħna bqajna skurmentati dwar x’setaʼ kien il-​kaġun​—imma mhux għal żmien twil. Tliet sigħat wara kien mejjet. Emorraġija ċerebrali kienet temmitlu ħajtu ħesrem.

“Il-​mewt taʼ Paquito seħħet iktar minn 30 sena ilu. Xorta waħda, l-​uġigħ profond taʼ dik it-​telfa għadu magħna sal-​lum. M’hemm ebda mod kif ġenituri jistgħu jitilfu tifel jew tifla u ma jħossux li tilfu xi ħaġa minnhom infushom​—jgħaddi kemm jgħaddi żmien jew għandhom kemm għandhom tfal oħrajn.”

Dawn iż-​żewġ esperjenzi, fejn ġenituri tilfu lil xi ħadd mit-​tfal, juru kemm hi profonda u dejjiema l-​ferita li tiġi meta jmut xi tifel jew tifla. Kemm huma veri l-​kelmiet taʼ tabib li kiteb: “Il-​mewt taʼ tifel jew tifla ġeneralment hija iktar traġika u trawmatika mill-​mewt taʼ persuna akbar għaliex it-​tifel jew tifla huma l-​aħħar persuna fil-​familja li hi mistennija li tmut. . . . Il-​mewt taʼ kwalunkwe tifel jew tifla tirrappreżenta t-​telfa taʼ ħolm fil-​futur, relazzjonijiet [iben, bint tar-​rispett, neputijiet], esperjenzi . . . li għadhom ma tgawdewx.” U dan is-​sens taʼ telfien profond jistaʼ wkoll japplika għal kwalunkwe mara li tilfet xi tarbija minħabba korriment.

Waħda mara mnikkta tispjega: “Żewġi, Russell, kien qeda bħala assistent mediku fl-​inħawi tal-​gwerra fil-​Paċifiku matul it-​II Gwerra Dinjija. Kien ra u salva minn battalji terribbli ġmielhom. Hu ġie lura lejn l-​Istati Uniti u lejn ħajja iktar trankwilla. Iktar tard qeda bħala ministru tal-​Kelma t’Alla. Ftit wara li għalaq is-​60 sena beda jkollu sintomi taʼ problemi fil-​qalb. Ipprova jgħix ħajja attiva. Imbagħad, jum wieħed f’Lulju taʼ l-​1988, tah attakk tal-​qalb qawwi ħafna u miet. It-​telfa tiegħu kienet devastanti. Lanqas biss ilħaqt tajtu l-​aħħar tislima. Hu ma kienx biss żewġi. Kien l-​aqwa ħabib tiegħi. Konna qattajna 40 sena taʼ ħajja flimkien. Issa kien jidher li kelli niffaċċja solitudni speċjali.”

Dawn huma biss ftit mill-​eluf taʼ traġedji li jolqtu lil familji madwar id-​dinja kull jum. Bħalma jistgħu jgħidulek il-​biċċa l-​kbira tal-​persuni mnikktin, meta l-​mewt tolqot lil xi ħadd minn uliedek, lil żewġek, lil martek, lill-​ġenitur tiegħek, lill-​ħabib tiegħek, tkun verament dak li sejħilha l-​kittieb Kristjan Pawlu, “l-​aħħar għadu.” Taʼ spiss l-​ewwel reazzjoni naturali għal aħbar li tkexkex forsi tkun ċaħda, “Dan ma jistax ikun veru! Ma rridx nemmen.” Reazzjonijiet oħrajn taʼ spiss isegwu, kif se naraw.​—1 Korintin 15:​25, 26.

Madankollu, qabel ma nikkunsidraw is-​sentimenti taʼ niket, ejjew inwieġbu xi mistoqsijiet importanti. Tfisser il-​mewt it-​tmiem taʼ dak li jkun? Hemm xi tama li nistgħu nerġgħu naraw il-​maħbubin tagħna?

Hemm Tama Reali

Il-​kittieb tal-​Bibbja Pawlu offra tama taʼ serħan minn dak “l-​aħħar għadu,” il-​mewt. Hu kiteb: “Fl-​aħħar jinqered l-​aħħar għadu: il-​Mewt.” “L-​aħħar għadu li jrid jiġi abolit huwa l-​mewt.” (1 Korintin 15:​26, The New English Bible) Pawlu għala setaʼ jkun tant ċert minn dak? Għaliex kien ġie mgħallem minn wieħed li kien ġie mqajjem mill-​mewt, Ġesù Kristu. (Atti 9:​3-19) Dak huwa wkoll għala Pawlu setaʼ jikteb: “Għaliex, jekk permezz taʼ bniedem [Adam] feġġet il-​mewt, bi bniedem [Ġesù Kristu] ukoll iseħħ il-​qawmien mill-​imwiet. Għax bħalma l-​bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-​ħajja fi Kristu.”​—1 Korintin 15:​21, 22.

Ġesù kien imnikket profondament meta ltaqaʼ maʼ armla minn Najin u ra lil binha mejjet. Ir-​rakkont tal-​Bibbja jgħidilna: “Kif [Ġesù] wasal qrib il-​bieb tal-​belt [taʼ Najin], kienu qegħdin iġorru wieħed mejjet li ommu, mara armla, ma kellhiex ħliefu; u magħha kien hemm għadd ġmielu taʼ nies mill-​belt. Kif raha l-​Mulej tħassarha. ‘Tibkix,’ qalilha. Resaq, u mess it-​tebut. Dawk li kienu qegħdin jerfgħuh waqfu. U hu qal: ‘Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!’ U l-​mejjet qam bil-​qiegħda u beda jitkellem. U Ġesù tah lil ommu. In-​nies kollha tkexkxu bil-​biżaʼ, u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: ‘Profeta kbir qam fostna,’ u, ‘Alla żar il-​poplu tiegħu.’” Innota kif Ġesù ġie mqanqal mill-​ħniena, u għalhekk irxoxta lil bin l-​armla! Immaġina dak xi stampa jagħti għall-​futur!​—Luqa 7:​12-16.

Hemmhekk, quddiem xhieda li raw b’għajnejhom, Ġesù wettaq irxoxt li ma jintesa qatt. Kien simbolu taʼ l-​irxoxt li hu kien diġà bassar xi ftit żmien qabel din il-​ġrajja, restawrar għal ħajja fuq l-​art taħt “sema ġdid.” F’dik l-​okkażjoni Ġesù kien qal: “Tistagħġbux b’dan: tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-​oqbra jisimgħu leħnu u joħorġu.”​—Apokalissi 21:​1, 3, 4; Ġwann 5:​28, 29; 2 Pietru 3:13.

Xhieda oħrajn li raw b’għajnejhom irxoxt inkludew lil Pietru, flimkien maʼ xi wħud oħrajn mit-​12 li akkumpanjaw lil Ġesù fuq il-​vjaġġi tiegħu. Huma attwalment semgħu lil Ġesù rxoxtat jitkellem ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija. Ir-​rakkont jgħidilna: “Qalilhom Ġesù: ‘Ejjew, kulu.’ Imma ħadd mid-​dixxipli ma ssogra jistaqsih, ‘Int min int?’, għax kienu jafu li kien il-​Mulej. Ġesù resaq, qabad il-​ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-​ħut. Din kienet diġà t-​tielet darba li Ġesù deher lid-​dixxipli wara l-​qawmien tiegħu mill-​imwiet.”​—Ġwann 21:​12-14.

Għalhekk, Pietru setaʼ jikteb b’konvinzjoni sħiħa: “Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-​ħniena kbira tiegħu wellidna mill-​ġdid għal tama ħajja bil-​qawmien taʼ Ġesù Kristu mill-​imwiet.”​—1 Pietru 1:3.

L-appostlu Pawlu esprima din it-​tama kunfidenti tiegħu meta qal: “[Jiena] nemmen dak kollu li hemm fil-​Liġi u l-​Profeti, waqt li nittama f’Alla​—kif jittamaw dawn ukoll—​li kemm it-​tajbin u kemm il-​ħżiena għad iqumu minn bejn l-​imwiet.”​—Atti 24:​14, 15.

Miljuni għalhekk jistgħu jkollhom it-​tama solida li jaraw il-​maħbubin tagħhom ħajjin għal darb’oħra fuq l-​art imma taħt ċirkostanzi ferm differenti. X’se jkunu dawk iċ-​ċirkostanzi? Iktar dettalji tat-​tama bbażata fuq il-​Bibbja għall-​maħbubin tagħna li tlifna se jiġu diskussi fis-​sezzjoni finali taʼ dan il-​ktejjeb, intitolata “Tama Ċerta Għall-​Mejtin.”

Imma l-​ewwel ejjew nikkunsidraw xi mistoqsijiet li jistaʼ jkollok jekk int qiegħed titnikket minħabba t-​telfa taʼ xi ħadd maħbub: Huwa normali li titnikket b’dan il-​mod? Kif nistaʼ ngħix bin-​niket tiegħi? X’jistgħu jagħmlu oħrajn biex jgħinuni nkampa? Kif nistaʼ jien ngħin lil oħrajn li huma mnikktin? U prinċipalment, Xi tgħid il-​Bibbja dwar tama ċerta għall-​mejtin? Qatt se nerġaʼ narahom jien il-​maħbubin tiegħi? U fejn?