Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Danjel​—Ktieb Mgħoddi Ġuri

Danjel​—Ktieb Mgħoddi Ġuri

Kapitlu Tnejn

Danjel​—Ktieb Mgħoddi Ġuri

1, 2. Il-​ktieb taʼ Danjel f’liema sens jinsab akkużat, u għala taħseb li huwa importanti li nikkunsidraw xi evidenza biex niddefenduh?

 IMMAĠINA li qiegħed il-​qorti tismaʼ ġuri importanti. Wieħed raġel jinsab akkużat bi frodi. Il-​prosekuzzjoni tinsisti li r-​raġel huwa ħati. Madankollu, l-​akkużat ilu sew magħruf għall-​integrità tiegħu. Ma tkunx int interessat li tismaʼ l-​evidenza għad-​difiża tiegħu?

2 Int qiegħed f’sitwazzjoni simili fejn għandu x’jaqsam il-​ktieb Bibliku taʼ Danjel. Il-​kittieb tiegħu kien bniedem magħruf għall-​integrità tiegħu. Il-​ktieb li jġorr ismu kien rispettat ferm għal eluf taʼ snin. Dan jippreżenta ruħu bħala storja awtentika, miktuba minn Danjel, profeta Ebrew li għex matul is-​sebaʼ u s-​sitt seklu Q.E.K. Il-​kronoloġija eżatta tal-​Bibbja turi li l-​ktieb tiegħu jkopri l-​perijodu li jestendi minn madwar is-​sena 618 sas-​sena 536 Q.E.K. u tlesta sa din id-​data taʼ l-​aħħar. Imma l-​ktieb jinsab akkużat. Xi enċiklopediji u xogħlijiet oħrajn taʼ referenza jimplikaw jew jaffermaw li m’huwiex ġenwin.

3. The New Encyclopædia Britannica x’tgħid rigward l-​awtentiċità tal-​ktieb taʼ Danjel?

3 Per eżempju, The New Encyclopædia Britannica tirrikonoxxi li l-​ktieb taʼ Danjel darba kien “kunsidrat b’mod ġenerali li kien storja vera, u fih profezija ġenwina.” Madankollu, il-​Britannica ssostni li fir-​realtà Danjel “inkiteb iktar tard fi żmien taʼ kriżi nazzjonali​—meta l-​Lhud kienu qed isofru persekuzzjoni ħarxa taħt [is-Sultan Sirjan] Antijoku IV Epifani.” L-​enċiklopedija tiffissa d-​data tal-​ktieb bejn is-​sena 167 u s-​sena 164 Q.E.K. Din l-​istess pubblikazzjoni tafferma li l-​kittieb tal-​ktieb taʼ Danjel ma jipprofetizzax il-​futur imma sempliċement jippreżenta “ġrajjiet li għalih huma storja tal-​passat bħala profeziji taʼ ġrajjiet futuri.”

4. Meta bdiet il-​kritika dwar il-​ktieb taʼ Danjel, u liema ħaġa qanqlet kritika simili f’sekli iktar reċenti?

4 Ideat bħal dawn, minfejn joriġinaw? Il-​kritika fuq il-​ktieb taʼ Danjel m’hijiex xi ħaġa ġdida. Inbdiet lura fit-​tielet seklu E.K. minn filosfu li kien jismu Porfiri. Bħal ħafna oħrajn fl-​Imperu Ruman, hu ħassu mhedded mill-​influwenza tal-​Kristjanità. Kiteb 15-il ktieb biex idgħajjef lil din ir-​reliġjon “ġdida.” It-​12-il wieħed kien dirett kontra l-​ktieb taʼ Danjel. Porfiri ddikjara li l-​ktieb kien dokument falsifikat, miktub minn Lhudi fit-​tieni seklu Q.E.K. Attakki simili saru fis-​sekli 18 u 19. F’għajnejn il-​kritiċi iktar għoljin u r-​razzjonalisti, il-​profezija​—it-​tbassir taʼ ġrajjiet futuri—​hija impossibbli. Danjel sar il-​mira favorita. Fil-​fatt, hu u l-​ktieb tiegħu ttellgħu l-​qorti taħt akkuża. Il-​kritiċi sostnew li kellhom provi biżżejjed li l-​ktieb ma kienx miktub minn Danjel matul l-​eżilju Lhudi f’Babilonja, imma minn xi ħaddieħor sekli wara. a Attakki bħal dawn tant saru komuni li awtur wieħed saħansitra kiteb difiża msejħa Daniel in the Critics’ Den (Danjel fil-​Ħofra tal-​Kritiċi).

5. Il-​kwistjoni taʼ l-​awtentiċità taʼ Danjel għala hija waħda importanti?

5 Hemm xi prova wara l-​affermazzjonijiet kunfidenti tal-​kritiċi? Jew l-​evidenza tappoġġa lid-​difiża? Ħafna huwa involut hawnhekk. Dan jinvolvi mhux biss ir-​reputazzjoni taʼ dan il-​ktieb antik imma wkoll il-​futur tagħna. Jekk il-​ktieb taʼ Danjel m’huwiex ġenwin, il-​wegħdi tiegħu għall-​futur taʼ l-​umanità huma biss kliem fil-​vojt. Imma jekk fih profeziji ġenwini, bla dubju int se tkun ħerqan biex issir taf x’ifissru dawn għalina llum. B’dan f’moħħna, ejja neżaminaw xi ftit mill-​attakki li saru fuq Danjel.

6. Liema akkuża ssir kultant rigward ir-​rakkonti storiċi f’Danjel?

6 Per eżempju, ħu l-​akkuża magħmula f’The Encyclopedia Americana: “Ħafna mid-​dettalji storiċi tal-​perijodi iktar bikrin [bħal per eżempju dak taʼ l-​eżilju Babiloniż] ġew imbagħbsin sew” f’Danjel. Veru dan? Ejja nikkunsidraw tliet żbalji allegati, wieħed wara l-​ieħor.

IL-​KAŻ TAL-​MONARKA NIEQES

7. (a) Ir-​referenzi taʼ Danjel għal Beltassar għala damu jagħtu pjaċir lill-​kritiċi tal-​Bibbja? (b) Xi ġralha l-​idea li Beltassar kien sempliċement karattru immaġinarju?

7 Danjel kiteb li Beltassar, “iben” Nabukodonosor, kien qed jaħkem bħala sultan f’Babilonja meta l-​belt ġiet megħluba. (Danjel 5:​1, 11, 18, 22, 30) Għal żmien twil, il-​kritiċi kienu ħerqanin biex jattakkaw dan il-​punt, għax isem Beltassar ma setaʼ jinstab imkien ħlief fil-​Bibbja. Minflok, storjografi antiki identifikaw lil Nabonidu, suċċessur taʼ Nabukodonosor, bħala l-​aħħar wieħed mis-​slaten Babiloniżi. B’hekk, fl-​1850, Ferdinand Hitzig qal li Beltassar ovvjament kien fantasija taʼ l-​immaġinazzjoni tal-​kittieb. Imma ma taħsibx int li l-​opinjoni taʼ Hitzig hija xi ftit mgħaġġla? Wara kollox, kellu l-​fatt li dan is-​sultan ma jissemmiex​—speċjalment f’perijodu li dwaru l-​kitba storika hija limitata ferm—​tassew jagħti prova li hu qatt m’eżista? Insomma, fl-​1854, xi ċilindri żgħar tat-​tafal ġew skoperti fil-​fdalijiet tal-​belt antika Babiloniża taʼ Ur f’dak li issa hu n-​nofsinhar taʼ l-​Iraq. Dawn id-​dokumenti kunejformi mingħand is-​Sultan Nabonidu inkludew talba għal “Bel-sar-ussur, ibni l-​kbir.” Saħansitra l-​kritiċi kellhom jaqblu: Dan kien il-​Beltassar tal-​ktieb taʼ Danjel.

8. Id-​deskrizzjoni li Danjel ta dwar Beltassar bħala sultan renjanti kif ġiet provata li hi vera?

8 Madankollu, il-​kritiċi ma kinux sodisfatti. “Dan ma juri xejn,” kiteb wieħed li jismu H. F. Talbot. Hu allega li l-​iben li hemm fl-​iskrizzjoni setaʼ kien sempliċi tifel, filwaqt li Danjel jippreżentah bħala sultan renjanti. Iżda, sena biss wara li ġew pubblikati r-​rimarki taʼ Talbot, ġew skoperti iktar twavel kunejformi li rreferew għal Beltassar bħala li kellu segretarji u grupp taʼ qaddejja fid-​dar. Żgur li dan ma kienx xi tifel! Fl-​aħħarnett, twavel oħrajn issetiljaw il-​kwistjoni, billi rrapportaw li Nabonidu kien jitlaq minn Babilonja għal snin sħaħ kull darba. Dawn it-​twavel urew ukoll li matul dawn il-​perijodi, hu “fada l-​kariga taʼ sultan” taʼ Babilonja f’idejn ibnu l-​kbir (Beltassar). Fi żminijiet bħal dawn, Beltassar kien, fil-​fatt, sultan​—koreġġent maʼ missieru. b

9. (a) Danjel f’liema sens setaʼ ried ifisser li Beltassar kien bin Nabukodonosor? (b) Il-​kritiċi għala jiżbaljaw meta jaffermaw li Danjel ma jagħti saħansitra ebda ħjiel dwar l-​eżistenza taʼ Nabonidu?

9 Billi jibqgħu mhux sodisfatti, xi kritiċi jilmentaw li lil Beltassar il-​Bibbja ma ssejjaħlux bin Nabonidu, imma bin Nabukodonosor. Xi wħud jinsistu li Danjel ma jagħti ebda indikazzjoni li Nabonidu jeżisti. Madankollu, iż-​żewġ oġġezzjonijiet jispiċċaw fix-​xejn meta jiġu eżaminati. Milli jidher, Nabonidu żżewweġ lil bint Nabukodonosor. Mela skond dan, Beltassar jiġi n-​neputi taʼ Nabukodonosor. La l-​lingwa Ebrajka u lanqas dik Aramajka m’għandhom kliem għal “nannu” jew “neputi”; il-​kelma “bin” tistaʼ tfisser “neputi taʼ” jew saħansitra “dixxendent taʼ.” (Qabbel Mattew 1:1.) Iżjed minn hekk, ir-​rakkont tal-​Bibbja fil-​fatt jippermetti li Beltassar jiġi identifikat bħala bin Nabonidu. Meta twerwer minħabba l-​kitba waħxija bl-​idejn fuq il-​ħajt, Beltassar, b’mod iddisprat, joffri t-​tielet post fis-​saltna lil kulmin jistaʼ jaqra u jfisser il-​kliem. (Danjel 5:7) Għala t-​tielet u mhux it-​tieni? Din l-​offerta timplika li l-​ewwel u t-​tieni post kienu diġà okkupati. Fil-​fatt, hekk kienu​—minn Nabonidu u minn ibnu, Beltassar.

10. Ir-​rakkont taʼ Danjel dwar il-​monarkija Babiloniża għala huwa iktar dettaljat minn dak taʼ storjografi antiki oħrajn?

10 Mela l-​fatt li Danjel isemmi lil Beltassar m’huwiex evidenza taʼ storja ‘mbagħbsa sew.’ Għall-​kuntrarju, Danjel​—għalkemm ma kitibx rakkont storiku taʼ Babilonja—​joffrilna ħarsa iktar dettaljata tal-​monarkija Babiloniża milli joffru storjografi sekulari u antiki bħal Erodotu, Xenofon, u Berossu. Danjel għala kellu l-​ħila jiddokumenta fatti li huma ma semmewx? Għaliex hu kien hemmhekk f’Babilonja. Il-​ktieb tiegħu huwa x-​xogħol taʼ wieħed li ra b’għajnejh stess, mhux taʼ xi impostur li għex sekli wara.

MIN KIEN DARIJU L-​MEDI?

11. Skond Danjel, min kien Dariju l-​Medi, imma x’intqal dwaru?

11 Danjel jirrapporta li meta Babilonja ntgħelbet, beda jaħkem sultan li kien jismu “Dariju l-​Medi.” (Danjel 6:​1 [5:​31, NW]) Dariju l-​Medi għadu ma nstabx b’ismu f’sorsi sekulari jew arkeoloġiċi. B’hekk, The New Encyclopædia Britannica tafferma li dan Dariju huwa “karattru immaġinarju.”

12. (a) Il-​kritiċi tal-​Bibbja għala m’għandhomx għalfejn jgħidu kategorikament li Dariju l-​Medi qatt m’eżista? (b) Liema hi possibbiltà waħda rigward l-​identità taʼ Dariju l-​Medi, u liema evidenza tindika dan?

12 Xi studjużi qagħdu iktar attenti. Wara kollox, xi kritiċi darba ttimbraw saħansitra lil Beltassar bħala “immaġinarju.” Bla dubju, il-​każ taʼ Dariju se juri li hu simili. Diġà, twavel kunejformi rrivelaw li Ċiru l-​Persjan m’assumiex it-​titlu “Sultan taʼ Babilonja” minnufih wara l-​konkwista. Wieħed riċerkatur jissuġġerixxi: “Kulmin kellu t-​titlu taʼ ‘Sultan taʼ Babilonja’ kien sultan vassall taħt Ċiru, mhux Ċiru nnifsu.” Setaʼ Dariju kien l-​isem renjanti, jew titlu, taʼ xi uffiċjal potenti Medi li tħalla inkarigat minn Babilonja? Xi wħud jissuġġerixxu li Dariju setaʼ kien raġel li kien jismu Gubaru. Ċiru poġġa lil Gubaru bħala gvernatur f’Babilonja, u xi kitbiet sekulari jikkonfermaw li hu ħakem b’qawwa konsiderevoli. Tavla kunejformi tgħid li hu ħatar xi sotto-gvernaturi fuq Babilonja. Taʼ interess, Danjel jinnota li Dariju ħatar 120 satrapa biex jiggvernaw is-​saltna taʼ Babilonja.​—Danjel 6:​2, Saydon [6:​1, NW].

13. Liema hi raġuni loġika għala Dariju l-​Medi jissemma fil-​ktieb taʼ Danjel imma mhux f’kitbiet sekulari?

13 Maż-​żmien, tistaʼ tiġi skoperta iktar evidenza diretta dwar l-​identità preċiża taʼ dan is-​sultan. Jiġri x’jiġri, dak li qisu skiet min-​naħa taʼ l-​arkeoloġija f’dan ir-​rigward ma tantx jistaʼ jitqies bħala bażi biex wieħed jittimbra lil Dariju bħala “immaġinarju,” wisq inqas li jwarrab il-​ktieb kollu kemm hu taʼ Danjel bħala li mhux ġenwin. Huwa ferm iktar raġunevoli li tħares lejn ir-​rakkont taʼ Danjel bħala xiehda taʼ wieħed li ra b’għajnejh stess u li hija iktar dettaljata minn kitbiet sekulari li għadhom jeżistu.

IR-​RENJU TAʼ ĠEĦOJAKIM

14. Għala m’hemm ebda diskrepanza bejn Danjel u Ġeremija rigward is-​snin tar-​renju tas-​Sultan Ġeħojakim?

14 Danjel 1:1 jgħid: “Fit-​tielet sena tas-​saltna taʼ Ġeħojakim is-​Sultan taʼ Ġuda, Nabukodonosor, is-​sultan taʼ Babilonja, talaʼ Ġerusalemm biex jaħbat għaliha.” Xi kritiċi oġġezzjonaw għal din l-​iskrittura għaliex donnha ma taqbilx maʼ Ġeremija, li jgħid li r-​rabaʼ sena taʼ Ġeħojakim kienet l-​ewwel sena taʼ Nabukodonosor. (Ġeremija 25:1; 46:2) Kien Danjel qed jikkontradixxi lil Ġeremija? B’iktar informazzjoni, il-​kwistjoni tiġi ċċarata malajr. Meta ntgħamel sultan għall-​ewwel darba fis-​sena 628 Q.E.K. mill-​Fargħun Neko, Ġeħojakim sar sempliċi pupazz f’idejn dak il-​ħakkiem Eġizzjan. Dan kien madwar tliet snin qabel ma Nabukodonosor telaʼ fuq it-​tron taʼ Babilonja wara missieru, fis-​sena 624 Q.E.K. Ftit wara dan (fis-sena 620 Q.E.K.), Nabukodonosor invada lil Ġuda u għamel lil Ġeħojakim bħala sultan vassall taħt Babilonja. (2 Slaten 23:34; 24:1) Għal wieħed Lhudi li kien jgħix f’Babilonja, it-​“tielet sena” taʼ Ġeħojakim kienet tkun it-​tielet sena taʼ servizz taʼ dak is-​sultan bħala vassall għal Babilonja. Danjel kiteb minn dik il-​perspettiva. Madankollu, Ġeremija kiteb mill-​perspettiva tal-​Lhud li kienu jgħixu f’Ġerusalemm. Għalhekk hu rrefera għall-​kariga taʼ sultan taʼ Ġeħojakim bħala li beda meta l-​Fargħun Neko għamlu sultan.

15. Għala huwa argument fjakk li tattakka l-​iffissar tad-​dati li nsibu f’​Danjel 1:1?

15 Allura, fir-​realtà, kulma tagħmel din id-​diskrepanza allegata huwa li ssaħħaħ l-​evidenza li Danjel kiteb il-​ktieb tiegħu f’Babilonja waqt li kien qalb l-​eżiljati Lhud. Imma hemm difett ovvju ieħor f’dan l-​argument kontra l-​ktieb taʼ Danjel. Ftakar li l-​kittieb taʼ Danjel b’mod ċar kellu disponibbli l-​ktieb taʼ Ġeremija u saħansitra rrefera għalih. (Danjel 9:2) Jekk, bħalma jsostnu l-​kritiċi, il-​kittieb taʼ Danjel kien xi falsifikatur makakk, kien hu se jissogra jikkontradixxi lil sors daqshekk irrispettat bħal Ġeremija​—u preċiż fl-​ewwel vers tal-​ktieb tiegħu fuq kollox? Dażgur li le!

DETTALJI EFFETTIVI

16, 17. L-​evidenza arkeoloġika kif appoġġat ir-​rakkont taʼ Danjel dwar (a) li Nabukodonosor bena statwa reliġjuża biex in-​nies tiegħu kollha jqimuha? (b) l-​attitudni faħħarija taʼ Nabukodonosor dwar il-​proġetti taʼ kostruzzjoni li għamel f’Babilonja?

16 Ejja issa ndawru l-​attenzjoni tagħna min-​negattiv għall-​pożittiv. Ikkunsidra xi dettalji oħrajn fil-​ktieb taʼ Danjel li jindikaw li l-​kittieb kellu għarfien dirett dwar iż-​żminijiet li kiteb dwarhom.

17 Il-​familjarità taʼ Danjel maʼ dettalji sottili dwar Babilonja tal-​qedem hija evidenza irreżistibbli taʼ l-​awtentiċità tar-​rakkont tiegħu. Per eżempju, Danjel 3:​1-6 jirrapporta li Nabukodonosor bena statwa ġganteska biex tiġi meqjuma min-​nies kollha. Xi arkeoloġi sabu evidenza oħra li dan il-​monarka fittex li lin-​nies tiegħu jinvolvihom iktar fi prattiċi nazzjonalistiċi u reliġjużi. Bl-​istess mod, Danjel jiddokumenta l-​attitudni faħħarija taʼ Nabukodonosor dwar il-​ħafna proġetti taʼ kostruzzjoni li għamel. (Danjel 4:27 [4:​30, NW]) Kien biss fi żmienna li xi arkeoloġi kkonfermaw li Nabukodonosor kien tabilħaqq responsabbli għal ħafna mill-​bini li sar f’Babilonja. Inkwantu għall-​ftaħir​—iva, dan ir-​raġel ġiegħel li ismu jitnaqqax fuq il-​ġebel! Dawk li jikkritikaw lil Danjel ma jistgħux jispjegaw kif dak li suppost hu l-​falsifikatur fi żmien il-​Makkabin (167-63 Q.E.K.) setaʼ kien jaf bi proġetti taʼ kostruzzjoni bħal dawn​—xi erbaʼ sekli wara l-​fatt u ħafna qabel ma skoprewhom l-​arkeoloġi.

18. Ir-​rakkont taʼ Danjel kif jirrifletti l-​eżattezza dwar il-​forom differenti taʼ kastig taħt ħakma Babiloniża u ħakma Persjana?

18 Il-​ktieb taʼ Danjel jirrivela wkoll xi differenzi fundamentali bejn il-​liġi taʼ Babilonja u dik tal-​Medo-Persja. Per eżempju, taħt il-​liġi Babiloniża t-​tliet imseħbin taʼ Danjel kienu mitfugħin ġo forn tan-​nar iħeġġeġ talli m’obdewx il-​kmand tas-​sultan. Għexur taʼ snin wara, Danjel ġie mitfugħ ġewwa ħofra taʼ l-​iljuni talli m’obdiex liġi Persjana li kienet tmur kontra l-​kuxjenza tiegħu. (Danjel 3:6; 6:​8-10 [6:​7-9, NW]) Xi wħud ipprovaw jgħidu li r-​rakkont tal-​forn tan-​nar iħeġġeġ kien biss leġġenda, imma l-​arkeoloġi sabu ittra attwali minn Babilonja tal-​qedem li ssemmi speċifikament din il-​forma taʼ kastig. Madankollu, għall-​Medi u l-​Persjani, in-​nar kien sagru. Għalhekk, huma rrikorrew għal forom ħorox oħrajn taʼ kastig. Għaldaqstant, il-​ħofra taʼ l-​iljuni ma tissorprendiniex.

19. Il-​ktieb taʼ Danjel jiċċara liema kuntrast bejn is-​sistemi legali Babiloniżi u dawk Medo-Persjani?

19 Jitfaċċa kuntrast ieħor. Danjel juri li Nabukodonosor setaʼ jistabbilixxi u jbiddel liġijiet daqs tazza ilma. Dariju ma setaʼ jagħmel xejn biex ibiddel ‘il-​liġijiet tal-​Medi u l-​Persjani’—lanqas saħansitra dawk li kien stabbilixxa hu nnifsu! (Danjel 2:​5, 6, 24, 46-49; 3:​10, 11, 29; 6:​13-17 [6:​12-16, NW]) L-​istorjografu John C. Whitcomb jikteb: “L-​istorja antika tissustanzja din id-​differenza bejn Babilonja, fejn il-​liġi kienet suġġetta għas-​sultan, u l-​Medo-Persja, fejn is-​sultan kien suġġett għal-​liġi.”

20. Liema dettalji rigward il-​festa taʼ Beltassar jirriflettu l-​għarfien dirett taʼ Danjel dwar id-​drawwiet Babiloniżi?

20 Ir-​rakkont eċċitanti tal-​festa taʼ Beltassar, li huwa dokumentat f’​Danjel kapitlu 5, fih ħafna u ħafna dettalji. Milli jidher, din bdiet f’atmosfera rilassata b’ikel u abbundanza taʼ xorb, għax hemm diversi referenzi għall-​inbid. (Danjel 5:​1, 2, 4) Fil-​fatt, skulturi mnaqqxin taʼ festi simili juru li nbid biss qed jiġi konsmat. Allura, b’mod evidenti, l-​inbid kien estremament importanti f’festi bħal dawn. Danjel isemmi wkoll li kienu preżenti n-​nisa f’din l-​ikla l-​kbira​—in-​nisa sekondarji tas-​sultan u l-​konkubini tiegħu. (Danjel 5:​3, 23) L-​arkeoloġija tappoġġah dan id-​dettall taʼ drawwa Babiloniża. L-​idea li n-​nisa jissieħbu maʼ l-​irġiel waqt xi festa kienet oġġezzjonabbli għal-​Lhud u l-​Griegi fl-​era tal-​Makkabin. Forsi huwa għalhekk li verżjonijiet bikrin tat-​traduzzjoni Griega tas-​Settanta tal-​ktieb taʼ Danjel ma jsemmuhomx lil dawn in-​nisa. c Madankollu, il-​falsifikatur allegat taʼ Danjel kieku kien jgħix fl-​istess kultura Ellenizzata (Griega), u forsi saħansitra matul l-​istess era ġenerali, li pproduċiet is-​Settanta!

21. Liema hi l-​iktar spjegazzjoni raġunevoli dwar li Danjel kellu għarfien intimu taż-​żminijiet u d-​drawwiet taʼ l-​eżilju Babiloniż?

21 Meta tqis dawn id-​dettalji, donnu jidher li hu kważi inkredibbli li l-​Britannica setgħet tiddeskrivi lill-​awtur tal-​ktieb taʼ Danjel bħala li kellu biss għarfien “superfiċjali u mhux eżatt” dwar żmien l-​eżilju. Kif setaʼ xi falsifikatur li ġie sekli wara jkun daqshekk familjari intimament maʼ drawwiet antiki Babiloniżi u Persjani? Ftakar, ukoll, li ż-​żewġ imperi kienu ilhom li qabdu t-​triq għan-​niżla ħafna qabel it-​tieni seklu Q.E.K. B’mod evidenti, ma kien hemm ebda arkeologu lura f’dak iż-​żmien; u lanqas il-​Lhud taʼ dak iż-​żmien ma ftaħru li kellhom għarfien dwar storja u kulturi barranin. Danjel il-​profeta biss, li ra b’għajnejh stess iż-​żminijiet u l-​ġrajjiet li ddeskriva, setaʼ kiteb il-​ktieb Bibliku li jġorr ismu.

JURU FATTURI ESTERNI LI DANJEL HU XI FALSIFIKAZZJONI?

22. Il-​kritiċi x’isostnu rigward post Danjel fil-​lista awtorevoli tal-​kotba mqaddsa taʼ l-​Iskrittura Ebrajka?

22 Wieħed mill-​argumenti l-​iktar komuni kontra l-​ktieb taʼ Danjel jinvolvi postu fil-​lista awtorevoli tal-​kotba taʼ l-​Iskrittura Ebrajka. Ir-​rabbini tal-​qedem irranġaw il-​kotba taʼ l-​Iskrittura Ebrajka fi tliet gruppi: il-​Liġi, il-​Profeti, u l-​Kitbiet. Huma elenkaw lil Danjel, mhux fost il-​Profeti, imma fost il-​Kitbiet. Il-​kritiċi jargumentaw li dan ifisser li l-​ktieb bilfors li ma kienx magħruf fiż-​żmien meta nġabru x-​xogħlijiet tal-​profeti l-​oħrajn. Qiegħed fil-​grupp tal-​Kitbiet għaliex dawn jassumu li nġabru iktar tard.

23. Il-​Lhud tal-​qedem kif kienu jħarsu lejn il-​ktieb taʼ Danjel, u kif nafuh dan?

23 Minkejja dan, ir-​riċerkaturi tal-​Bibbja mhux kollha jaqblu li r-​rabbini tal-​qedem qasmu l-​lista awtorevoli tal-​kotba mqaddsa b’manjiera riġida bħal din jew li eskludew lil Danjel mill-​Profeti. Imma anki jekk ir-​rabbini elenkaw lil Danjel fost il-​Kitbiet, jagħti dan prova li kien miktub f’data iktar tard? Le. Studjużi taʼ fama tajba ssuġġerew għadd taʼ raġunijiet għala r-​rabbini setgħu eskludew lil Danjel mill-​Profeti. Per eżempju, setgħu għamlu hekk għaliex il-​ktieb offendiehom jew għaliex kienu jħarsu lejn Danjel innifsu bħala distint minn profeti oħrajn peress li kellu kariga sekulari f’art barranija. Kien x’kien il-​każ, dak li jimpurtana tassew huwa dan: Il-​Lhud tal-​qedem kellhom stima profonda lejn il-​ktieb taʼ Danjel u kienu jemmnu li kien kanoniku. Iktar minn hekk, l-​evidenza tissuġġerixxi li l-​lista awtorevoli tal-​kotba taʼ l-​Iskrittura Ebrajka tlestiet ferm qabel it-​tieni seklu Q.E.K. Żjidiet li saru wara sempliċement ma ġewx permessi, inkluż xi kotba miktubin matul it-​tieni seklu Q.E.K.

24. Il-​ktieb apokrifu Ekkleżjastiku kif intuża kontra l-​ktieb taʼ Danjel, u x’juri li dan ir-​raġunar huwa difettuż?

24 Ironikament, wieħed minn dawn ix-​xogħlijiet irrifjutati li saru wara, intuża bħala argument kontra l-​ktieb taʼ Danjel. Il-​ktieb apokrifu Ekkleżjastiku, minn Ġożwè Bin Sirak, b’mod evidenti kien kompost madwar is-​sena 180 Q.E.K. Il-​kritiċi jħobbu jiġbdu l-​attenzjoni lejn il-​fatt li Danjel m’huwiex inkluż fil-​lista twila taʼ rġiel twajbin li hemm fil-​ktieb. Huma jirraġunaw li Danjel bilfors li ma kienx magħruf f’dak iż-​żmien. Dan l-​argument huwa aċċettat fuq skala kbira fost l-​istudjużi. Imma ikkunsidra dan: L-​istess lista tħalli barra lil Esdra u lil Mordekaj (li t-​tnejn li huma kienu eroj kbar f’għajnejn il-​Lhud taʼ wara l-​eżilju), lis-​Sultan tajjeb Ġosafat, u lill-​bniedem rett Ġob; mill-​imħallfin kollha, il-​lista ssemmi biss lil Samwel. d Peress li rġiel bħal dawn jitħallew barra minn lista li ma ssostnix li tinkludi lil kulħadd u li tinstab fi ktieb mhux kanoniku, irridu aħna naslu għall-​konklużjoni li dawn kollha huma immaġinarji? L-​idea stess ma tagħmilx sens.

TESTIMONJANZA ESTERNA FAVUR DANJEL

25. (a) Ġużeppi Flavju kif ivverifika l-​ġenwinità tar-​rakkont taʼ Danjel? (b) Ir-​rakkont taʼ Ġużeppi Flavju rigward Alessandru l-​Kbir u l-​ktieb taʼ Danjel kif inhu fi qbil maʼ l-​istorja magħrufa? (Ara t-​tieni nota taʼ taħt.) (ċ) L-​evidenza lingwistika kif tappoġġa l-​ktieb taʼ Danjel? (Ara paġna 26.)

25 Ejja nerġgħu nduru lejn il-​pożittiv. Ġie suġġerit li ebda ktieb ieħor taʼ l-​Iskrittura Ebrajka m’huwa daqstant verifikat daqs kemm hu Danjel. Biex nagħtu eżempju: Ġużeppi Flavju, storjografu famuż Lhudi, jivverifika l-​awtentiċità tiegħu. Hu jgħid li matul il-​gwerra tiegħu kontra l-​Persja fir-​rabaʼ seklu Q.E.K., Alessandru l-​Kbir ġie Ġerusalemm, fejn il-​qassisin urewh kopja tal-​ktieb taʼ Danjel. Alessandru nnifsu kkonkluda li l-​kliem tal-​profezija taʼ Danjel li kien ġie muri lilu rrefera għall-​kampanja militari tiegħu stess li kienet tinvolvi lill-​Persja. e Dan kien madwar seklu u nofs qabel il-​“falsifikazzjoni” kif proposta mill-​kritiċi. M’għandniex xi ngħidu, xi kritiċi attakkaw lil Ġużeppi Flavju dwar din is-​silta. Huma jattakkawh ukoll talli nnota li twettqu xi profeziji fil-​ktieb taʼ Danjel. Madankollu, bħalma rrimarka l-​istorjografu Joseph D. Wilson, “[Ġużeppi Flavju] x’aktarx li kien jaf iktar dwar il-​kwistjoni mill-​kritiċi kollha li hawn fid-​dinja.”

26. Ir-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet kif appoġġaw l-​awtentiċità tal-​ktieb taʼ Danjel?

26 Meta nstabu r-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet fl-​għerien taʼ Qumran, fl-​Iżrael, dawn taw iktar appoġġ lill-​awtentiċità tal-​ktieb taʼ Danjel. B’sorpriża, fost is-​sejbiet skoperti fl-​1952 hemm għadd kbir taʼ rombli u frammenti mill-​ktieb taʼ Danjel. L-​eqdem wieħed ġie datat lejn l-​aħħar tat-​tieni seklu Q.E.K. Għalhekk, f’dik id-​data bikrija, il-​ktieb taʼ Danjel kien diġà magħruf sewwa u rrispettat fuq skala kbira. The Zondervan Pictorial Encyclopedia of the Bible tinnota: “L-​ikklassifikar taʼ Danjel fi żmien il-​Makkabin issa jrid jiġi abbandunat, anki biss minħabba l-​fatt li ma setax ikun hemm intervall suffiċjenti bejn il-​kompożizzjoni taʼ Danjel u d-​dehra tiegħu fl-​għamla taʼ kopji fil-​librerija taʼ xi setta reliġjuża Makkabija.”

27. Liema hi l-​eqdem evidenza li Danjel kien persuna attwali u li kien magħruf sew matul l-​eżilju Babiloniż?

27 Madankollu, hemm verifikar li huwa ferm eqdem u iktar taʼ min joqgħod fuqu għall-​ktieb taʼ Danjel. Wieħed minn dawk li għexu fi żmien Danjel kien il-​profeta Eżekjel. Hu wkoll qeda bħala profeta matul l-​eżilju Babiloniż. Il-​ktieb t’Eżekjel isemmi lil Danjel b’ismu diversi drabi. (Eżekjel 14:​14, 20; 28:3) Dawn ir-​referenzi juru li saħansitra matul ħajtu stess, fis-​sitt seklu Q.E.K., Danjel kien diġà magħruf sew bħala bniedem twajjeb u għaref, li kien jistħoqqlu jissemma flimkien maʼ Noè u Ġob li kellhom il-​biżaʼ t’Alla.

L-​AQWA XIEHDA

28, 29. (a) Liema hi l-​iktar prova konvinċenti minnhom kollha li l-​ktieb taʼ Danjel huwa awtentiku? (b) Għala għandna naċċettawha t-​testimonjanza taʼ Ġesù?

28 Iżda, finalment, ejja nikkunsidraw l-​aqwa wieħed mix-​xhieda kollha għall-​awtentiċità taʼ Danjel​—ħadd ħlief Ġesù Kristu nnifsu. Meta kien qed jiddiskuti dwar l-​aħħar jiem, Ġesù rrefera għall-​“profeta Danjel” u għal waħda mill-​profeziji taʼ Danjel.​—Mattew 24:15; Danjel 11:31; 12:11.

29 Issa jekk it-​teorija Makkabija tal-​kritiċi kienet korretta, waħda minn żewġ affarijiet trid tkun vera. Ġesù jew tqarraq b’din il-​falsifikazzjoni jew qatt ma qal dak li Mattew jikkwotah bħala li qal. Dawn iż-​żewġ proposti, it-​tnejn ma jagħmlux sens. Jekk ma nistgħux inserrħu rasna mir-​rakkont tal-​Vanġelu taʼ Mattew, kif nistgħu nserrħu rasna minn partijiet oħrajn tal-​Bibbja? Jekk inneħħu dawk is-​sentenzi, liema kliem ieħor imissna nqaċċtu mill-​paġni taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa? L-​appostlu Pawlu kiteb: “L-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, . . . iwiddeb.” (Korsiv tagħna.) (2 Timotju 3:16) Mela jekk Danjel ma kienx ġenwin, allura Pawlu wkoll ma kienx! Setaʼ Ġesù tqarraq? Bilkemm. Hu kien ħaj fis-​sema meta nkiteb il-​ktieb taʼ Danjel. Ġesù qal ukoll: “Qabel ma kien Abraham, jiena hu.” (Ġwann 8:58) Minn fost il-​bnedmin kollha li qatt għexu, Ġesù huwa l-​aqwa wieħed għalina biex nitolbu informazzjoni rigward l-​awtentiċità taʼ Danjel. Imma aħna m’għandniex għalfejn nistaqsu. Bħalma rajna, it-​testimonjanza tiegħu ma setgħetx tkun iktar ċara.

30. Ġesù kif awtentikah iżjed il-​ktieb taʼ Danjel?

30 Ġesù awtentika wkoll il-​ktieb taʼ Danjel dak in-​nhar stess li tgħammed. F’dak iż-​żmien hu sar il-​Messija, billi wettaq profezija f’Danjel rigward id-​69 ġimgħa taʼ snin. (Danjel 9:​25, 26; ara Kapitlu 11 taʼ dan il-​ktieb.) Saħansitra jekk it-​teorija li Danjel inkiteb f’data iktar tard kienet vera, il-​kittieb taʼ Danjel xorta waħda kien jaf il-​futur xi 200 sena minn qabel. M’għandniex xi ngħidu, Alla mhux se jnebbaħ lil xi falsifikatur biex ilissen profeziji veri taħt isem falz. Le, ix-​xiehda taʼ Ġesù hija aċċettata b’qalb sħiħa minn nies li huma leali lejn Alla. Kieku l-​esperti kollha u l-​kritiċi kollha fid-​dinja, kellhom jingħaqdu u jsiru ħaġa waħda biex jiddenunzjaw lil Danjel, it-​testimonjanza taʼ Ġesù kienet tagħti prova li huma żbaljati, għax hu x-​“Xhud fidil u veru.”​—Apokalissi 3:14.

31. Ħafna kritiċi tal-​Bibbja għala xorta waħda għadhom mhux konvinti rigward l-​awtentiċità taʼ Danjel?

31 Saħansitra din it-​testimonjanza m’hijiex biżżejjed għal ħafna kritiċi tal-​Bibbja. Wara li jikkunsidra dan is-​suġġett bir-​reqqa, wieħed jistaʼ jiddubita jekk hemmx xi ammont taʼ evidenza li se jkun biżżejjed biex jikkonvinċihom. Wieħed professur fl-​Università taʼ Oxford kiteb: “Xejn ma jinkiseb billi wieħed sempliċement iwieġeb għall-​oġġezzjonijiet, sakemm jippersisti l-​preġudizzju oriġinali li ‘ma jistax ikun hemm profeziji soprannaturali.’” Mela l-​preġudizzju tagħhom jagħmihom. Imma dik hi l-​għażla tagħhom​—u t-​telfa tagħhom.

32. X’hemm jistenniena fl-​istudju tagħna taʼ Danjel?

32 Xi ngħidu għalik? Jekk tistaʼ tara li m’hemm ebda raġuni vera għala għandek tiddubita l-​awtentiċità tal-​ktieb taʼ Danjel, allura int lest għal vjaġġ eċċitanti taʼ skoperta. Ir-​rakkonti f’Danjel se ssibhom kommoventi, u l-​profeziji affaxxinanti. Iktar importanti, se ssib li l-​fidi tiegħek se tissaħħaħ iktar maʼ kull kapitlu. Qatt ma se jiddispjaċik li tkun qgħadt attent mill-​qrib għall-​profezija taʼ Danjel!

[Noti taʼ taħt]

a Xi kritiċi jipprovaw jimmoderaw l-​akkuża taʼ falsifikazzjoni billi jgħidu li l-​kittieb uża lil Danjel bħala psewdonimu, sewwa sew bħalma xi kotba antiki mhux kanoniċi nkitbu taħt ismijiet taʼ nies oħrajn. Madankollu, Ferdinand Hitzig, kritiku tal-​Bibbja, sostna: “Il-​każ tal-​ktieb taʼ Danjel, jekk jiġi attribwit lil xi [kittieb] ieħor, huwa differenti. F’dak il-​każ dan isir kitba falsifikata, u l-​intenzjoni kienet li jqarraq bil-​qarrejja immedjati tiegħu, għalkemm għall-​ġid tagħhom.”

b Nabonidu ma kienx f’Babilonja meta waqgħet. B’hekk, Beltassar jiġi deskritt sewwa bħala sultan f’dak iż-​żmien. Il-​kritiċi jilagħbu bil-​kliem billi jgħidu li d-​dokumenti sekulari ma jagħtux lil Beltassar it-​titlu uffiċjali taʼ sultan. Minkejja dan, l-​evidenza antika turi li f’dak iż-​żmien saħansitra gvernatur setaʼ jitqies bħala sultan min-​nies.

c C. F. Keil, studjuż Ebrew, jikteb dwar Danjel 5:3: “Is-​LXX. hawnhekk, u wkoll fil-​ver. 23, ma ssemmix lin-​nisa, skond id-​drawwa tal-​Maċedonjani, tal-​Griegi, u tar-​Rumani.”

d B’kuntrast, il-​lista mnebbħa taʼ l-​appostlu Pawlu taʼ rġiel u nisa leali msemmijin f’​Lhud kapitlu 11, fil-​fatt, tidher li talludi għal ġrajjiet dokumentati f’Danjel. (Danjel 6:​17-25 [6:​16-24, NWħ; Lhud 11:​32, 33) Madankollu, lanqas il-​lista taʼ l-​appostlu ma tinkludi lil kulħadd. Hemm ħafna, inkluż Isaija, Ġeremija, u Eżekjel, li ma jissemmewx fil-​lista, imma dan ma jagħtix prova li huma qatt m’eżistew.

e Xi storjografi nnotaw li dan jispjega għala Alessandru kien daqshekk ħanin mal-​Lhud, li għal żmien twil kienu ħbieb mal-​Persjani. F’dak iż-​żmien, Alessandru kien fuq kampanja biex jeqred lill-​ħbieb kollha tal-​Persja.

X’INNOTAJT?

• Il-​ktieb taʼ Danjel dwar liema ħaġa ġie akkużat?

• L-​attakki tal-​kritiċi fuq il-​ktieb taʼ Danjel għala m’humiex sostanzjati tajjeb?

• Liema evidenza tappoġġa l-​awtentiċità tar-​rakkont taʼ Danjel?

• Liema hi l-​iktar prova konvinċenti li l-​ktieb taʼ Danjel huwa awtentiku?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa f’paġna 26]

Il-​Kwistjoni tal-​Lingwa

IL-​KTIEB taʼ Danjel tlesta madwar is-​sena 536 Q.E.K. Inkiteb bil-​lingwa Ebrajka u dik Aramajka, bi ftit kliem Grieg u Persjan. Taħlita taʼ lingwi bħal din m’hijiex tas-​soltu imma lanqas hija unika fl-​Iskrittura. Il-​ktieb Bibliku t’Esdra wkoll inkiteb bl-​Ebrajk u bl-​Aramajk. Madankollu, xi kritiċi jinsistu li l-​kittieb taʼ Danjel uża dawn il-​lingwi b’tali mod li dan jagħti prova li hu kien qed jikteb f’data iktar tard mis-​sena 536 Q.E.K. Kritiku wieħed huwa kwotat maʼ kullimkien bħala li qal li l-​użu taʼ kliem Grieg f’Danjel jesiġi data iktar tard taʼ kompożizzjoni. Hu jafferma li l-​Ebrajk jappoġġa data iktar tard bħal din u l-​Aramajk taʼ l-​inqas jippermettiha​—saħansitra data reċenti bħal fit-​tieni seklu Q.E.K.

Madankollu, mhux l-​istudjużi kollha tal-​lingwi jaqblu. Xi awtoritajiet qalu li l-​Ebrajk taʼ Danjel huwa simili għal dak t’Eżekjel u Esdra u m’huwiex bħal dak li jinsab f’xogħlijiet apokrifi, bħal Ekkleżjastiku, li saru iktar tard. Inkwantu għall-​użu taʼ l-​Aramajk minn Danjel, ikkunsidra żewġ dokumenti li nstabu fost ir-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet. Dawn ukoll huma bl-​Aramajk u huma datati bħala minn żmien l-​ewwel u t-​tieni seklu Q.E.K.​—ftit wara s-​suppost falsifikazzjoni taʼ Danjel. Imma xi studjużi nnotaw differenza profonda bejn l-​Aramajk li hemm f’dawn id-​dokumenti u dak li jinsab f’Danjel. B’hekk, xi wħud jissuġġerixxu li l-​ktieb taʼ Danjel irid ikun sekli eqdem milli jaffermaw il-​kritiċi.

Xi ngħidu dwar il-​kliem Grieg “problematiku” f’Danjel? Xi ftit minnu nstab li hu Persjan, u assolutament mhux Grieg! L-​uniċi kelmiet li għadhom maħsubin li huma Griegi huma l-​ismijiet taʼ tliet strumenti mużikali. Tesiġi tassew il-​preżenza taʼ dawn it-​tliet kelmiet li Danjel jingħata data iktar tard? Le. Xi arkeoloġi sabu li l-​kultura Griega kienet influwenti sekli qabel ma l-​Greċja saret qawwa dinjija. Iżjed minn hekk, kieku l-​ktieb taʼ Danjel kien ġie kompost matul it-​tieni seklu Q.E.K., meta l-​kultura u l-​lingwa Griegi kienu jiddominaw maʼ kullimkien, kien se jkun fih biss tliet kelmiet Griegi? Bilkemm. X’aktarx li kien ikun fih ferm iktar. Mela l-​evidenza lingwistika fil-​fatt tappoġġa l-​awtentiċità taʼ Danjel.

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 12]

[Stampi f’paġna 20]

(Fuq) Din l-​iskrizzjoni fiha l-​ftaħir taʼ Nabukodonosor rigward il-​proġetti taʼ kostruzzjoni li għamel

(Taħt) Ċilindru taʼ tempju Babiloniż isemmi lis-​Sultan Nabonidu u lil ibnu Beltassar b’isimhom

[Stampa f’paġna 21]

Skond il-​Kronaka taʼ Nabonidu, l-​armata taʼ Ċiru daħlet f’Babilonja mingħajr ġlieda waħda

[Stampi f’paġna 22]

(Lemin) Ir-​“Rakkont Vers Vers taʼ Nabonidu” jirrapporta li Nabonidu fada l-​kariga taʼ ħakkiem lill-​ewwel imwieled tiegħu

(Xellug) Dokument Babiloniż taʼ l-​invażjoni taʼ Ġuda minn Nabukodonosor