Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 2

Tista’ int verament ‘tersaq qrib lejn Alla’?

Tista’ int verament ‘tersaq qrib lejn Alla’?

1, 2. (a) Ħafna wħud liema ħaġa ma jarawhiex realistika, imma l-​Bibbja x’tassigurana? (b) Liema relazzjoni intima setaʼ jgawdi Abraham, u għala?

 KIF tħossok li kieku l-​Ħallieq tas-​sema u l-​art jgħid dwarek, “Dan il-​ħabib tiegħi”? Ħafna wħud din il-​ħaġa ma jarawhiex realistika. Wara kollox, kif jistaʼ sempliċi bniedem ikollu ħbiberija m’Alla Jehovah? Madankollu, il-​Bibbja tassigurana li aħna verament nistgħu nersqu qrib lejn Alla.

2 Abraham tal-​qedem kien wieħed li gawda intimità bħal din. Jehovah tkellem dwar dan il-​patrijarka bħala “ħabibi.” (Isaija 41:8) Iva, Jehovah qies lil Abraham bħala ħabib persunali. Abraham setaʼ jgawdi dik ir-​relazzjoni intima għax hu “poġġa l-​fidi f’Jehovah.” (Ġakbu 2:23, NW) Illum, ukoll, Jehovah ifittex opportunitajiet biex ‘jinġibed’ lejn dawk li jaqduh għax iħobbuh. (Dewteronomju 10:15) Il-​Kelma tiegħu tħeġġeġ: “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.” (Ġakbu 4:8) F’dan il-​kliem insibu stedina kif ukoll wegħda.

3. Liema stedina jagħmlilna Jehovah, u x’wegħda hemm konnessa magħha?

3 Jehovah jistidinna biex nersqu qrib lejh. Hu jrid u jinsab lest li jaċċettana bħala ħbieb. Fl-​istess ħin, iwegħedna li jekk nieħdu passi biex nersqu qrib lejh, hu se jaġixxi bl-​istess mod. Se jersaq qrib lejna. B’hekk inkunu nistgħu niksbu xi ħaġa tassew prezzjuża—“il-​ħbiberija tal-​Mulej.” * (Salm 25:14, Saydon) Ħabib intimu huwa xi ħadd li wieħed jaqsam miegħu affarijiet moħbija jew kunfidenzjali.

4. Kif tiddeskrivih ħabib intimu, u Jehovah b’liema mod juri li hu ħabib bħal dan għal dawk li jersqu qrib lejh?

4 Għandek xi ħabib intimu ma’ min tistaʼ tiftaħ qalbek? Ħabib bħal dan hu wieħed li jimpurtah minnek. Int tafdah, għax wera li hu leali. Meta jkollok xi ħaġa għalxiex tifraħ, tħossok iktar ferħan x’ħin taqsamha miegħu. In-​niket tiegħek jittaffa għax hu jisimgħek b’mogħdrija. Hu jifhmek, anki meta donnu ma jkun hemm ħadd iktar li jifhmek. Bl-​istess mod, meta tersaq qrib lejn Alla, int ikollok Ħabib speċjali li verament jistmak, jimpurtah minnek, u jifhmek mija fil-​mija. (Salm 103:14; 1 Pietru 5:7) Int tafdah bis-​sentimenti l-​iktar profondi tiegħek, għax taf li hu jimxi b’mod leali, jew tajjeb, ma’ dawk li jimxu b’mod leali miegħu. (Salm 18:26 [18:25, NW]) Madankollu, din l-​intimità privileġġata m’Alla nistgħu niksbuha biss għax hu għamilha possibbli.

Jehovah Fetaħ it-​Triq

5. X’għamel Jehovah biex jagħmilhielna possibbli li nkunu qribu?

5 Li kieku m’għandniex għajnuna, bħala midinbin qatt ma nistgħu nersqu qrib lejn Alla. (Salm 5:5 [5:4, NW]) “Iżda Alla wriena l-​imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin,” kiteb l-​appostlu Pawlu. (Rumani 5:8) Iva, Jehovah għamel arranġament biex Ġesù “jagħti ħajtu b’fidwa għall-​kotra.” (Mattew 20:28) Il-​fidi tagħna f’dak is-​sagrifiċċju tal-​fidwa tagħmilhielna possibbli li nkunu qrib Alla. Ladarba Alla “ħabbna l-​ewwel,” hu lestielna l-​pedament sabiex insiru l-​ħbieb tiegħu.—1 Ġwanni 4:19.

6, 7. (a) Kif nafu li Jehovah mhux xi Alla moħbi u li ma tistaʼ tkun taf xejn dwaru? (b) Jehovah b’liema modi wera min hu?

6 Jehovah ħa pass ieħor: Hu wriena min hu. Fi kwalunkwe ħbiberija, l-​intimità hija bbażata fuq li wieħed ikun jaf verament lill-​persuna, u jistma l-​kwalitajiet tagħha u l-​mod kif taġixxi. Mela li kieku Jehovah kien xi Alla moħbi u li ma tistaʼ tkun taf xejn dwaru, qatt ma konna nkunu nistgħu nersqu qrib lejh. Madankollu, hu mhux talli ma ħebiex lilu nnifsu, imma talli jridna nsiru nafuh. (Isaija 45:19) Barra minn hekk, dak li juri dwaru nnifsu hu disponibbli għal kulħadd, anki għal uħud minna li jistgħu jitqiesu taʼ livell baxx skond id-​dinja.—Mattew 11:25.

Jehovah wera min hu permezz tal-ħolqien tiegħu u l-Kelma miktuba tiegħu

7 Jehovah kif uriena min hu? Fil-​ħolqien tiegħu joħorġu ċerti aspetti tal-​personalità tiegħu—il-​kobor immens tal-​qawwa tiegħu, il-​profondità taʼ l-​għerf tiegħu, l-​abbundanza taʼ l-​imħabba tiegħu. (Rumani 1:20) Imma Jehovah ma weriex min hu bl-​affarijiet li ħalaq biss. Bħala l-​Komunikatur il-​Kbir, hu pprovda rivelazzjoni dwaru nnifsu bil-​miktub fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja.

Naraw Kemm Hu Grazzju ż Jehovah

8. Għala jistaʼ jingħad li l-​Bibbja nfisha hija evidenza taʼ l-​imħabba li Jehovah għandu għalina?

8 Il-​Bibbja nfisha hija evidenza taʼ l-​imħabba li Jehovah għandu għalina. Fil-​Kelma tiegħu, hu juri min hu b’mod li nistgħu nifhmuh, u din m’hijiex biss prova li hu jħobbna imma li jridna nsiru nafuh u nħobbuh. Dak li naqraw f’dan il-​ktieb prezzjuż jgħinna naraw kemm hu grazzjuż Jehovah u jqanqalna biex inkunu nixtiequ nersqu qrib lejh. (Salm 90:17) Ejja niddiskutu xi ftit mill-​modi li jqawwu l-​qalb kif Jehovah juri min hu fil-​Kelma tiegħu.

9. Liema huma xi eżempji taʼ stqarrijiet diretti fil-​Bibbja li jidentifikaw il-​kwalitajiet t’Alla?

9 L-​Iskrittura fiha ħafna stqarrijiet diretti li jidentifikaw il-​kwalitajiet t’Alla. Innota xi eżempji. Jehovah “iħobb il-​ġustizzja.” (Salm 11:7) Alla hu “għoli fil-​qawwa.” (Ġob 37:23) “‘Jien leali,’ hija l-​ħaġa mitkellma taʼ Jehovah.” (Ġeremija 3:12, NW) “Alla għaref f’qalbu.” (Ġob 9:4, Karm Żammit) Hu “Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-​tjieba u l-​fedeltà.” (Eżodu 34:6) “Int, Sidi, twajjeb u taħfer.” (Salm 86:5) U, bħalma ssemma fil-​kapitlu taʼ qabel, kwalità minnhom tispikka ħafna: “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Hekk kif tirrifletti fuq dawn l-​attributi grazzjużi, ma tħossokx miġbud lejn dan l-​Alla li m’hemmx ieħor bħalu?

Il-Bibbja tgħinna biex nersqu qrib lejn Jehovah

10, 11. (a) Sabiex jgħinna naraw iktar ċar il-​personalità tiegħu, Jehovah x’inkluda fil-​Kelma tiegħu? (b) Liema eżempju Bibliku jagħtina stampa f’moħħna tal-​qawwa t’Alla fl-​azzjoni?

10 Minbarra li qalilna x’inhuma l-​kwalitajiet tiegħu, Jehovah inkluda bi mħabba fil-​Kelma tiegħu eżempji speċifiċi taʼ kif wera dawn il-​kwalitajiet fl-​azzjonijiet tiegħu. Rakkonti bħal dawn jagħtuna stampa ħajja f’moħħna li tgħinna naraw iktar ċar id-​diversi aspetti tal-​personalità tiegħu. Min-​naħa l-​oħra, dan jgħinna nersqu qrib lejh. Ikkunsidra eżempju wieħed.

11 Aħna nistgħu naqraw dwar il-​‘qawwa taʼ setgħet’ Alla. (Isaija 40:26) Iżda x’differenza tagħmel meta naqraw dwar kif hu ħeles lill-​ġens taʼ Iżrael billi għaddieh mill-​Baħar l-​Aħmar, u mbagħad ħa ħsiebu waqt li kien fid-​deżert għal 40 sena. Tistaʼ ġġib quddiem għajnejk dak il-​baħar jinferaq fi tnejn. Tistaʼ timmaġina lin-​nazzjon—forsi 3,000,000 ruħ b’kollox—miexi fuq qiegħ il-​baħar xott, bl-​ilmijiet magħquda u weqfin bħal ħitan enormi fuq kull naħa. (Eżodu 14:21; 15:8) Tistaʼ tara l-​evidenza tal-​ħarsien protettiv t’Alla fid-​deżert. L-​ilma gelgel minn ġol-​blat. Ma’ l-​art feġġ tip taʼ ikel, qisu żrieragħ bojod. (Eżodu 16:31; Numri 20:11) Hawnhekk Jehovah ma jurix biss li għandu l-​qawwa imma li hu jużaha għall-​ġid tal-​poplu tiegħu. Ma jqawwilniex qalbna li nkunu nafu li t-​talb tagħna jmur għand Alla mimli qawwa li hu ‘kenn u qawwa għalina, għajnuna kbira fid-​dwejjaq’?—Salm 46:2 (46:1, NW).

12. Jehovah kif jgħinna “narawh” bi kliem li nistgħu nifhmuh?

12 Jehovah, li hu spirtu, għamel saħansitra iktar biex jgħinna nsiru nafuh. Bħala bnedmin, aħna għandna l-​limitazzjoni li nistgħu naraw biss letteralment dak li huwa viżibbli għal għajnejna, u għalhekk ma nistgħux naraw ilqasam taʼ l-​ispirti. Li kieku Alla ddeskrivielna lilu nnifsu bi kliem taʼ l-​ispirti, kien ikun bħallikieku int qed tipprova tispjega xi dettalji tad-​dehra tiegħek, bħall-​kulur t’għajnejk jew in-​nemex, lil xi ħadd li twieled agħma. Minflok, b’qalb tajba Jehovah jgħinna “narawh” bi kliem li nistgħu nifhmuh. Xi drabi, hu juża metafori u similitudnijiet, billi jxebbah lilu nnifsu m’affarijiet li nafu bihom. Hu saħansitra jiddeskrivi lilu nnifsu bħala li għandu ċerti karatteristiċi umani. *

13. Liema stampa joħloq f’moħħok Isaija 40:11, u din kif teffettwak?

13 Innota d-​deskrizzjoni taʼ Jehovah misjuba f’​Isaija 40:11: “Bħal ragħaj li jirgħa l-​merħla tiegħu; bi driegħu jiġmagħha, u l-​ħrief fi ħdanu jerfagħhom.” Hawnhekk, Jehovah jitqabbel ma’ ragħaj li jiġbor il-​ħrief “bi driegħu.” Dan jindika l-​abbiltà t’Alla li jipproteġi u jappoġġa lin-​nies tiegħu, anki lill-​iktar uħud dgħajfin li jinsabu fil-​periklu. Aħna nistgħu nħossuna protetti fid-​dirgħajn b’saħħithom li għandu, għax jekk inkunu leali lejh, hu qatt ma se jitlaqna. (Rumani 8:38, 39) Ir-​Ragħaj il-​Kbir jerfaʼ l-​ħrief “fi ħdanu”—espressjoni li tirreferi għad-​drapp wiesa’ fil-​libsa taʼ fuq, fejn ir-​ragħaj ġieli kien iġorr xi ħaruf li jkun għadu kif twieled. B’hekk, aħna niġu żgurati li Jehovah jgħożżna u jieħu ħsiebna b’mod teneru. Huwa naturali li tkun tixtieq tersaq qrib lejh.

“L-​Iben Irid Jgħarrafhulu”

14. Għala jistaʼ jingħad li l-​iktar mod intimu li bih Jehovah juri min hu huwa permezz taʼ Ġesù?

14 Fil-​Kelma tiegħu, l-​iktar mod intimu li bih Jehovah juri min hu huwa permezz taʼ Ibnu l-​maħbub, Ġesù. Ħadd ma setaʼ jirrifletti tant mill-​qrib il-​ħsibijiet u s-​sentimenti t’Alla jew jispjegah tant ċar daqskemm kien kapaċi jagħmel Ġesù. Wara kollox, dak l-​ewwel Iben imwieled kien jeżisti maġenb Missieru qabel ma nħolqu kreaturi spirti oħra u l-​univers fiżiku. (Kolossin 1:15) Ġesù kien jaf lil Jehovah b’mod intimu. Huwa għalhekk li setaʼ jgħid: “Ħadd ma jagħraf min hu l-​Iben ħlief il-​Missier, anqas min hu l-​Missier ħlief l-​Iben u dak li lilu l-​Iben irid jgħarrafhulu.” (Luqa 10:22) Meta kien fuq l-​art bħala bniedem, Ġesù wera min hu Missieru b’żewġ modi importanti.

15, 16. Ġesù b’liema żewġ modi wera min hu Missieru?

15 L-​ewwelnett, it-​tagħlim taʼ Ġesù jgħinna nsiru nafu lil Missieru. Ġesù ddeskriva lil Jehovah bi kliem li jmissilna qalbna. Per eżempju, sabiex jispjega lill-​Alla ħanin li jilqaʼ lura lil midinbin nedmin, Ġesù xebbah lil Jehovah ma’ missier li jaħfer u li tant jitqanqal x’ħin jara lil ibnu l-​ħali jirritorna illi telaq jiġri u nxteħet fuq għonqu u biesu b’tenerezza. (Luqa 15:11-​24) Ġesù ddeskriva wkoll lil Jehovah bħala Alla li ‘jiġbed’ lil nies taʼ qalbhom retta għax hu jħobbhom bħala individwi. (Ġwanni 6:44) Hu saħansitra jaf meta għasfur tal-​bejt ċkejken jaqaʼ ma’ l-​art. “Xejn la tibżgħu,” spjega Ġesù, “intom aqwa minn ħafna għasafar tal-​bejt.” (Mattew 10:29, 31) Tassew inħossuna miġbudin lejn Alla li jimpurtah daqshekk.

16 It-​tieninett, l-​eżempju taʼ Ġesù jurina x’tip taʼ persuna hu Jehovah. Ġesù tant irrifletta lil Missieru b’mod perfett li setaʼ jgħid: “Min ra lili ra lill-​Missier.” (Ġwanni 14:9) Għaldaqstant, meta naqraw fl-​Evanġelji dwar Ġesù—is-​sentimenti li wera u l-​mod kif mexa m’oħrajn—inkunu qegħdin f’ċertu sens naraw rappreżentazzjoni ħajja taʼ Missieru. Jehovah ma setax wera l-​kwalitajiet tiegħu iktar ċar minn hekk. Għala?

17. Agħti eżempju taʼ x’għamel Jehovah biex jgħinna nifhmu x’tip taʼ persuna hu.

17 Biex nagħtu eżempju: Immaġina li qed tipprova tfisser x’inhi l-​qalb tajba. Tistaʼ tispjegaha bil-​kliem. Imma jekk tkun tistaʼ tipponta lejn xi ħadd li fil-​fatt ikun qiegħed jagħmel att taʼ qalb tajba u tgħid, “Dak huwa eżempju taʼ qalb tajba,” il-​frażi “qalb tajba” tieħu xejra iktar profonda u jkun iktar faċli li wieħed jifhem xi tfisser. Jehovah għamel xi ħaġa simili biex jgħinna nifhmu x’tip taʼ persuna hu. Minbarra li ddeskriva lilu nnifsu bil-​kliem, hu pprovdielna l-​eżempju ħaj taʼ Ibnu. F’Ġesù, il-​kwalitajiet t’Alla jidhru fl-​azzjoni. Permezz tar-​rakkonti taʼ l-​Evanġelji li jiddeskrivu lil Ġesù, Jehovah fil-​fatt ikun qiegħed jgħid: “Jiena dan it-​tip taʼ persuna.” Ir-​rakkont ispirat kif jiddeskrivi lil Ġesù waqt li kien fuq l-​art?

18. Ġesù kif esprima l-​attributi tal-​qawwa, il-​ġustizzja, u l-​għerf?

18 Ġesù esprima bl-​isbaħ mod l-​erba’ attributi prinċipali t’Alla. Hu kellu qawwa fuq il-​mard, il-​ġuħ, u saħansitra l-​mewt. Madankollu, kuntrarju għal nies egoisti li jabbużaw mill-​qawwa li għandhom, hu qatt m’uża l-​qawwa mirakoluża għalih innifsu jew biex jagħmel ħsara lil ħaddieħor. (Mattew 4:2-​4) Hu kien iħobb il-​ġustizzja. Qalbu mtliet b’rabja ġusta malli ra n-​negozjanti li b’mod inġust kienu qed jisfruttaw lin-​nies. (Mattew 21:12, 13) Hu mexa b’mod imparzjali mal-​foqra u l-​magħkusin, u għen lil uħud bħal dawn biex ‘isibu l-​mistrieħ’ għal ruħhom. (Mattew 11:4, 5, 28-​30) Kien hemm għerf li ma bħalu fit-​tagħlim taʼ Ġesù, li kien “aqwa minn Salamun.” (Mattew 12:42) Imma Ġesù qatt ma ffanfra bl-​għerf li kellu. Kliemu laħaq il-​qlub tan-​nies komuni, għax it-​tagħlim tiegħu kien ċar, sempliċi, u prattiku.

19, 20. (a) Ġesù kif kien eżempju li jispikka taʼ l-​imħabba? (b) Hekk kif naqraw u nirriflettu fuq l-​eżempju taʼ Ġesù, x’għandna nżommu f’moħħna?

19 Ġesù kien eżempju li jispikka taʼ l-​imħabba. Matul il-​ministeru tiegħu, hu wera l-​imħabba fid-​diversi aspetti tagħha, inkluż l-​empatija u l-​mogħdrija. Ma kienx jistaʼ jara s-​sofferenza t’oħrajn mingħajr ma jitħassarhom. Għal darba wara l-​oħra, din is-​sensittività għall-​bżonnijiet t’oħrajn qanqlitu biex jieħu azzjoni. (Mattew 14:14) Għalkemm fejjaq il-​morda u temaʼ lil dawk bil-​ġuħ, Ġesù esprima l-​mogħdrija b’mod wisq iktar vitali. Hu għen lil oħrajn biex isiru jafu, jaċċettaw, u jħobbu l-​verità dwar is-​Saltna t’Alla, li se ġġib barkiet dejjiema għall-​bnedmin. (Mark 6:34; Luqa 4:43) Fuq kollox, Ġesù wera mħabba mhix egoista billi kien lest li jagħti ħajtu għal oħrajn.—Ġwanni 15:13.

20 Hemm għalfejn nistagħġbu li nies taʼ kull età u minn kull sfond ħassewhom miġbudin lejn dan ir-​raġel mimli tenerezza u sentimenti profondi? (Mark 10:13-​16) Madankollu, hekk kif naqraw u nirriflettu fuq l-​eżempju ħaj taʼ Ġesù, ejja nżommu dejjem f’moħħna li f’dan l-​Iben aħna qed naraw riflessjoni ċara taʼ Missieru.—Lhud 1:3.

Ktieb taʼ Studju li Se Jgħinna

21, 22. X’tinvolvi t-​tfittxija għal Jehovah, u x’fih dan il-​ktieb taʼ studju sabiex jgħinna nagħmlu dan?

21 Billi juri min hu b’mod tant ċar fil-​Kelma tiegħu, Jehovah ma jħalli l-​ebda dubju li hu jridna nkunu qribu. Fl-​istess ħin, hu ma jisforzaniex biex infittxu li jkollna relazzjoni approvata miegħu. Jiddependi minna li nfittxu lil Jehovah ‘sakemm jistaʼ jinstab.’ (Isaija 55:6) It-​tfittxija għal Jehovah tinvolvi li nsiru nafu l-​kwalitajiet tiegħu u l-​mod kif jaġixxi bħalma jintwera fil-​Bibbja. Il-​ktieb taʼ studju li qed taqra bħalissa hu mfassal biex jgħinek tagħmel dan.

22 Se tinnota li dan il-​ktieb hu maqsum f’taqsimiet li jikkorrispondu ma’ l-​erba’ attributi kardinali taʼ Jehovah: il-​qawwa, il-​ġustizzja, l-​għerf, u l-​imħabba. Kull taqsima tiftaħ b’deskrizzjoni fil-​qosor taʼ dik il-​kwalità. Il-​ftit kapitli taʼ wara jiddiskutu kif Jehovah juri dik il-​kwalità fid-​diversi aspetti tagħha. Kull taqsima fiha wkoll kapitlu li juri kif Ġesù kien t’eżempju f’dik il-​kwalità, kif ukoll kapitlu li jeżamina kif aħna nistgħu nirriflettuha f’ħajjitna.

23, 24. (a) Spjega x’inhi l-​kaxxa speċjali “Mistoqsijiet għall-​Meditazzjoni.” (b) Il-​meditazzjoni kif tgħinna nersqu eqreb lejn Alla?

23 Minn dan il-​kapitlu ’l quddiem, wieħed jistaʼ jsib kaxxa speċjali intitolata “Mistoqsijiet għall-​Meditazzjoni.” Per eżempju, ara l-​kaxxa f’paġna 24. L-​iskritturi u l-​mistoqsijiet m’humiex imfasslin biex ikunu reviżjoni tal-​kapitlu. Minflok, l-​iskop tagħhom hu li jgħinuk tirrifletti fuq aspetti importanti oħra tas-​suġġett. Kif tistaʼ tużaha b’mod effettiv din il-​kaxxa? Fittex kull skrittura mniżżla, u aqra l-​versi bir-​reqqa. Imbagħad ikkunsidra l-​mistoqsija li jkun hemm ma’ kull skrittura. Oqgħod aħseb dwar it-​tweġibiet. Tistaʼ tagħmel ftit riċerka. Staqsi lilek innifsek xi mistoqsijiet oħra: ‘Din l-​informazzjoni x’tgħidli dwar Jehovah? Kif teffettwali ħajti? Kif nistaʼ nużaha biex ngħin lil oħrajn?’

24 Meditazzjoni bħal din tistaʼ tgħinna biex nersqu eqreb lejn Jehovah. Għala? Il-​Bibbja torbot il-​ħsibijiet u l-​meditazzjoni mal-​qalb. (Salm 19:15 [19:14, NW]) Meta nirriflettu b’apprezzament fuq dak li nitgħallmu dwar Alla, l-​informazzjoni tgħaddi għal ġol-​qalb figurattiva tagħna, u hemmhekk teffettwalna l-​ħsibijiet, tqanqal is-​sentimenti tagħna, u fl-​aħħar mill-​aħħar iġġagħalna naġixxu. L-​imħabba tagħna għal Alla ssir iktar profonda, u dik l-​imħabba, min-​naħa tagħha, tqanqalna biex inkunu rridu nogħġbuh bħala l-​iktar Ħabib għażiż għalina. (1 Ġwanni 5:3) Biex ikollna relazzjoni bħal din, irridu nsiru nafu l-​kwalitajiet taʼ Jehovah u l-​mod kif jaġixxi. L-​ewwel, iżda, ejja niddiskutu aspett wieħed tal-​personalità t’Alla li jipprovdi raġuni qawwija għalfejn għandna nersqu qrib lejh—il-​qdusija tiegħu.

^ par. 3 Ta’ interess, il-​kelma Ebrajka tradotta “ħbiberija” tintuża f’​Għamos 3:7, li tgħid li l-​Mulej Sovran Jehovah juri “l-​ħwejjeġ moħbija” tiegħu lill-​qaddejja tiegħu, u jgħarrfilhom minn qabel x’għandu f’moħħu li jagħmel.

^ par. 12 Per eżempju, il-​Bibbja titkellem dwar wiċċ Alla, għajnejh, widnejh, imnifsejh, fommu, dirgħajh, u riġlejh. (Salm 18:16 [18:15, NW]); 27:8; 44:4 [44:3, NW]; Isaija 60:13; Mattew 4:4; 1 Pietru 3:12) Espressjonijiet figurattivi bħal dawn m’għandhomx jittieħdu letteralment, l-​istess kif ma niħdux letteralment referenzi għal Jehovah bħala li hu “l-​Blata” jew “tarka.”—Dewteronomju 32:4; Salm 84:12 (84:11, NW).