Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 3

“Qaddis, qaddis, qaddis” hu Ġeħova

“Qaddis, qaddis, qaddis” hu Ġeħova

1, 2. Liema viżjoni rċieva l-​profeta Isaija, u din x’tgħallimna dwar Jehovah?

 ISAIJA nħakem minn riverenza u stagħġib kbir bix-​xena li ra quddiemu—viżjoni mingħand Alla. Kienet tidher tassew reali! Iktar tard Isaija kiteb li hu fil-​fatt kien ‘ra’ lil Jehovah fuq it-​tron għoli Tiegħu. Id-​djul wesgħin tal-​libsa taʼ Jehovah kienu jimlew it-​tempju enormi f’Ġerusalemm.—Isaija 6:1, 2.

2 Isaija baqaʼ mistagħġeb ukoll b’dak li semaʼ—kant li tant kien qawwi li heżżeż it-​tempju mis-​sisien tiegħu. L-​għanja kienet ġejja mingħand is-​serafini, ħlejjaq spirti taʼ pożizzjoni għolja ħafna. Il-​kant armonjuż u qawwi tagħhom beda jidwi b’dan il-​kliem taʼ maestà li ma bħalha: “Qaddis, qaddis, qaddis hu l-​Mulej taʼ l-​eżerċti. L-​art kollha mimlija bil-​glorja tiegħu.” (Isaija 6:3, 4) Il-​fatt li l-​kelma “qaddis” tkantat għal tliet darbiet taha enfasi speċjali, u bix-​xieraq, għax Jehovah hu qaddis sa l-​ogħla grad. (Apokalissi 4:8) Il-​qdusija taʼ Jehovah hija enfasizzata fil-​Bibbja kollha kemm hi. Fiha nsibu mijiet taʼ versi fejn ismu jiġi assoċjat mal-​kliem “qaddis” u “qdusija.”

3. L-​opinjonijiet żbaljati dwar il-​qdusija taʼ Jehovah kif iġagħlu lil ħafna wħud biex jitbiegħdu minn Alla minflok ma jersqu qrib lejh?

3 Huwa ċar, mela, li waħda mill-​affarijiet primarji li Jehovah iridna nifhmu dwaru hija li hu qaddis. Madankollu, ħafna wħud illum timbottahom din l-​istess idea. Xi nies jassoċjaw b’mod żbaljat il-​qdusija ma’ li wieħed jippretendiha taʼ qaddis jew juri devozzjoni falza. Oħrajn li ma tantx għandhom stima għolja tagħhom infushom għandhom mnejn iħossu li l-​qdusija t’Alla iktar tbeżżagħhom milli tħajjarhom. Forsi jibżgħu li huma qatt ma jistgħu jkunu denji li jersqu qrib lejn dan l-​Alla qaddis. Għaldaqstant, ħafna nies jitbiegħdu minn Alla minħabba l-​qdusija tiegħu. X’ħasra hi din, għax fil-​fatt il-​qdusija t’Alla hija raġuni qawwija għalfejn għandna nersqu qrib lejh. Għala? Qabel ma nwieġbu din il-​mistoqsija, ejja niddiskutu x’inhi l-​qdusija vera.

X’Inhi l-​Qdusija?

4, 5. (a) Xi tfisser il-​qdusija, u x’ma tfissirx? (b) Jehovah b’liema żewġ modi importanti huwa “separat”?

4 Il-​fatt li Alla hu qaddis ma jfissirx li hu minfuħ bih innifsu, kburi, jew li jħares b’disprezz lejn ħaddieħor. Għall-​kuntrarju, hu jobgħodhom kwalitajiet bħal dawn. (Proverbji 16:5; Ġakbu 4:6) Mela, xi tfisser verament il-​kelma “qaddis”? Bl-​Ebrajk Bibliku, il-​kelma hija mnissla minn kelma oħra li tfisser “separat.” Fil-​qima, il-​kelma “qaddis” tapplika għal dak li jinżamm separat mill-​użu komuni, jew li jitqies sagru. Ukoll, il-​qdusija tagħti idea qawwija taʼ ndafa u safa. Kif tapplika għal Jehovah din il-​kelma? Tfisser din li hu “separat” mill-​bnedmin imperfetti, u li jżomm ruħu maqtugħ minna?

5 Lanqas xejn. Bħala “l-​Qaddis taʼ Iżrael,” Jehovah iddeskriva lilu nnifsu bħala li qed jgħammar ‘f’nofs’ in-​nies tiegħu, għalkemm dawn kienu midinbin. (Isaija 12:6; Hosegħa 11:9) Mela l-​qdusija tiegħu ma tagħmlux maqtugħ għalih. Allura, kif inhu “separat”? B’żewġ modi importanti. L-​ewwel, hu separat mill-​ħolqien kollu fis-​sens li hu waħdu huwa l-​Iktar Għoli. Is-​safa tiegħu, l-​indafa tiegħu, hija assoluta u ma tispiċċa qatt. (Salm 40:6 [40:5, NW]; 83:19 [83:18, NW]) It-​tieni, Jehovah hu separat għalkollox minn kull ħażen, u dan jagħtina l-​faraġ. Għala?

6. Għala nistgħu nsibu l-​faraġ li nkunu nafu li Jehovah hu assolutament separat minn kull ħażen?

6 Aħna ngħixu f’dinja fejn il-​vera qdusija hija rari. Kull ħaġa konnessa mas-​soċjetà umana mbiegħda minn Alla hija mniġġsa b’xi mod, imtebbgħa bid-​dnub u l-​imperfezzjoni. Ilkoll irridu niġġieldu kontra d-​dnub ġewwa fina. U lkoll kemm aħna qegħdin fil-​periklu li jirkibna d-​dnub jekk ma nibqgħux għassa għal mument. (Rumani 7:15-​25; 1 Korintin 10:12) Jehovah ma jinsab f’ebda periklu bħal dan. Ladarba hu maqtugħ kompletament minn kull ħażen, qatt ma se jittabba’ bl-​iċken traċċa taʼ dnub. B’dan nerġgħu nikkonfermaw li Jehovah hu l-​Missier ideali, għax dan ifisser li hu assolutament taʼ min jafdah. Kuntrarju għal ħafna missirijiet umani midinbin, Jehovah qatt ma se jsir korrott, abbużiv, jew jitlef kull kontroll morali. Il-​qdusija tiegħu tagħmel kwalunkwe ħaġa bħal din kompletament impossibbli. Xi drabi, Jehovah saħansitra ħalef bi qdusitu stess, għax m’hemm xejn li tistaʼ torbot fuqu iktar minn hekk. (Għamos 4:2) Ma jqawwilniex qalbna dan?

7. Għala jistaʼ jingħad li l-​qdusija hija l-​essenza tal-​personalità taʼ Jehovah?

7 Il-​qdusija hija l-​essenza nfisha tal-​personalità taʼ Jehovah. Dan xi jfisser? Biex nagħtu eżempju: Ikkunsidra l-​kliem “bniedem” u “imperfett.” Ma tistax tiddeskrivi l-​ewwel kelma mingħajr ma tiġik f’moħħok l-​oħra. L-​imperfezzjoni hija minsuġa ġewwa fina u tinfluwenza dak kollu li nagħmlu. Issa ikkunsidra żewġ kelmiet differenti ħafna—“Jehovah” u “qaddis.” Il-​qdusija hija minsuġa f’Jehovah. Kull ħaġa dwaru hija nadifa, safja, u retta. Ma nistgħux insiru nafu lil Jehovah kif verament hu mingħajr ma nqisu u nifhmu sew din il-​kelma profonda—“qaddis.”

“Qaddis lill-​Mulej”

8, 9. X’juri li Jehovah jgħin lil bnedmin imperfetti biex isiru qaddisin f’sens relattiv?

8 Ladarba Jehovah hu l-​personifikazzjoni tal-​kwalità tal-​qdusija, jistaʼ jingħad bix-​xieraq li hu s-​sors tal-​qdusija kollha. Hu ma jżommx għalih b’egoiżmu din il-​kwalità prezzjuża imma jagħtiha lil oħrajn, u jagħmel hekk b’mod ġeneruż. Tant hu hekk, meta Alla kellem lil Mosè permezz t’anġlu ħdejn l-​għollieq jaqbad, anki l-​art taʼ madwar saret qaddisa għar-​raġuni li kien hemm Jehovah involut!—Eżodu 3:5.

9 Jistgħu l-​bnedmin imperfetti jsiru qaddisin bl-​għajnuna taʼ Jehovah? Iva, f’sens relattiv. Alla ta lill-​poplu tiegħu Iżrael il-​prospett li jsir “ġens qaddis.” (Eżodu 19:6) Hu bierek lil dak il-​ġens b’sistema taʼ qima li kienet qaddisa, nadifa, u safja. Għaldaqstant, il-​qdusija hija tema li tidher ħafna drabi fil-​Liġi Mosajka. Fil-​fatt, il-​qassis il-​kbir kien jilbes strixxa tad-​deheb man-​naħa taʼ quddiem tat-​turbant tiegħu, fejn kulħadd setaʼ jaraha tleqq fid-​dawl. Fuqha kien hemm minqux il-​kliem: “Qaddis lill-​Mulej.” (Eżodu 28:36) Mela livell għoli taʼ ndafa u safa kellu jiddistingwi l-​qima tagħhom, u tabilħaqq, il-​mod kif jgħixu. Jehovah qalilhom: “Għandkom tkunu qaddisin, għax qaddis jien, il-​Mulej Alla tagħkom.” (Levitiku 19:2) Sakemm l-​Iżraelin għexu fi qbil mal-​pariri t’Alla sa l-​iktar punt possibbli għal bnedmin imperfetti, huma kienu qaddisin f’sens relattiv.

10. Inkwantu għall-​qdusija, liema kuntrast eżista bejn Iżrael tal-​qedem u l-​ġnus taʼ madwaru?

10 Din l-​enfasi fuq il-​qdusija kienet tagħmel kuntrast qawwi mal-​qima tal-​ġnus madwar Iżrael. Dawk il-​ġnus pagani qiemu allat li l-​eżistenza nfisha tagħhom kienet gidba u ingann, allat li kienu deskritti bħala vjolenti, rgħiba, u żienja. Huma kienu bla qdusija f’kull sens possibbli. In-​nies li qiemu allat bħal dawn saru bla qdusija. Għaldaqstant, Jehovah wissa lill-​qaddejja tiegħu biex jibqgħu separati mill-​aduraturi pagani u l-​prattiċi reliġjużi mniġġsin tagħhom.—Levitiku 18:24-​28; 1 Slaten 11:1, 2.

11. Kif tidher il-​qdusija taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah tas-​sema (a) fl-​anġli? (b) fis-​serafini? (ċ) f’Ġesù?

11 Anki fl-​aqwa tiegħu, il-​ġens taʼ Iżrael tal-​qedem magħżul minn Jehovah setaʼ biss jirrifletti ftit mill-​qdusija taʼ l-​organizzazzjoni t’Alla fis-​sema. Il-​miljuni taʼ ħlejjaq spirti li jaqdu lealment lil Alla jissejħu “l-​anġli qaddisa.” (Ġuda 14) Huma jirriflettu b’mod perfett is-​sbuħija glorjuża u safja tal-​qdusija t’Alla. U ftakar fis-​serafini li Isaija ra fil-​viżjoni tiegħu. Il-​kontenut taʼ l-​għanja tagħhom jissuġġerixxi li dawn il-​ħlejjaq spirti qawwija għandhom irwol importanti f’li jxandru l-​qdusija taʼ Jehovah ma’ l-​univers kollu. Madankollu, hemm ħliqa spirtu waħda li hi ogħla minn dawn kollha—l-​Iben uniġenitu t’Alla. Ġesù hu l-​akbar riflessjoni tal-​qdusija taʼ Jehovah. Bix-​xieraq, hu magħruf bħala “l-​Qaddis taʼ Alla.”—Ġwanni 6:68, 69.

Isem Qaddis, Spirtu Qaddis

12, 13. (a) L-​isem t’Alla għala huwa deskritt b’mod xieraq bħala qaddis? (b) Għala jrid jitqaddes l-​isem t’Alla?

12 Xi ngħidu għall-​isem innifsu t’Alla? Bħalma rajna f’Kapitlu 1, dak l-​isem m’huwiex sempliċement xi titlu jew tikketta. Dan jirrappreżenta lil Alla Jehovah, u jinkludi l-​kwalitajiet kollha tiegħu. B’hekk, il-​Bibbja tgħidilna li “qaddis ismu.” (Isaija 57:15) Fil-​Liġi Mosajka, persuna kienet tingħata l-​piena tal-​mewt jekk tkasbar l-​isem t’Alla. (Levitiku 24:16) U innota x’kienet l-​ewwel prijorità għal Ġesù fit-​talb: “Missierna, li inti fis-​smewwiet, jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) Li tqaddes xi ħaġa jfisser li tirriservaha bħala sagra u tagħtiha ġieħ, li żżommha bħala li hi qaddisa. Imma xi bżonn hemm li xi ħaġa safja minnha nfisha, bħalma huwa l-​isem t’Alla, titqaddes?

13 L-​isem qaddis t’Alla ġie attakkat u mkasbar b’ħafna gideb u malafama. Fl-​Għeden, Satana gideb dwar Jehovah u implika li Hu Sovran inġust. (Ġenesi 3:1-​5) Minn dakinhar ’l hawn, Satana—il-​ħakkiem taʼ din id-​dinja bla qdusija—ħa ħsieb li l-​gideb dwar Alla jiżdied. (Ġwanni 8:44; 12:31; Apokalissi 12:9) Ir-​reliġjonijiet pinġew lil Alla bħala tirann, maqtugħ minn kulħadd, jew kattiv. Huma sostnew li għandhom l-​appoġġ tiegħu fil-​gwerer tagħhom għatxana għad-​demm. Spiss, il-​kredtu għall-​atti meraviljużi taʼ ħolqien t’Alla jingħata lill-​evoluzzjoni jew jingħad li dawn ġew b’kumbinazzjoni. Iva, l-​isem t’Alla ġie kalunjat bl-​ikrah. Irid jitqaddes; il-​glorja li jistħoqqlu trid tiġi restawrata. Aħna nixxennqu għat-​taqdis taʼ ismu u l-​vindikazzjoni tas-​sovranità tiegħu, u nieħdu pjaċir li jkollna kull sehem f’dak l-​iskop grandjuż.

14. L-​ispirtu t’Alla għala jissejjaħ qaddis, u għala hija ħaġa daqstant serja li wieħed jidgħi kontra l-​ispirtu qaddis?

14 Hemm xi ħaġa oħra assoċjata b’mod intimu ma’ Jehovah u li kważi dejjem tissejjaħ qaddisa—l-​ispirtu, jew il-​forza attiva, tiegħu. (Ġenesi 1:2) Jehovah juża din il-​forza, li xejn u ħadd ma jiflaħ għaliha, biex iwettaq l-​iskopijiet tiegħu. Dak kollu li Alla jagħmel, hu jwettqu b’mod qaddis, safi, u nadif, u għalhekk il-​qawwa attiva tiegħu bix-​xieraq tissejjaħ spirtu qaddis, jew spirtu taʼ qdusija. (Luqa 11:13; Rumani 1:4) Id-​dagħa kontra l-​ispirtu qaddis, li jinvolvi li wieħed minn jeddu jaħdem kontra l-​iskopijiet taʼ Jehovah, jirriżulta fi dnub li ma jinħafirx.—Mark 3:29.

Għala l-​Qdusija taʼ Jehovah Tiġbidna Lejh

15. Għala hija reazzjoni xierqa li jkollna l-​biżaʼ t’Alla meta nqisu l-​qdusija tiegħu, u x’jinvolvi biżaʼ bħal dan?

15 M’huwiex diffiċli biex naraw, allura, għala l-​Bibbja tagħmel konnessjoni bejn il-​qdusija taʼ Jehovah u l-​biżaʼ t’Alla min-​naħa tal-​bniedem. Per eżempju, Salm 99:3 jgħid: “Ħa jfaħħru ismek, kbir u tal-​biżaʼ, għax hu qaddis.” Madankollu, dan m’huwiex xi biżaʼ li jkexkxek. Minflok, huwa sens qawwi taʼ riverenza profonda, l-​ogħla tip taʼ rispett. Jixraq li aħna nħossuna hekk, ladarba l-​qdusija t’Alla hija tant ogħla minna. Hija nadifa b’mod eċċellenti, glorjuża. Xorta waħda, din m’għandhiex timbottana. Għall-​kuntrarju, ħarsa xierqa lejn il-​qdusija t’Alla se tressaqna eqreb lejh. Għala?

Bħalma s-sbuħija tattirana, l-istess għandha tagħmel il-qdusija

16. (a) Il-​qdusija kif inhi marbuta mas-​sbuħija? Agħti eżempju. (b) Il-​viżjonijiet li jiddeskrivu lil Jehovah kif jenfasizzaw l-​indafa, is-​safa, u d-​dawl?

16 Raġuni waħda hi li l-​Bibbja torbot il-​qdusija mas-​sbuħija. F’​Isaija 63:15, is-​sema huwa deskritt bħala ‘l-​għamara mqaddsa u msebbħa’ t’Alla. Is-​sbuħija tattirana. Per eżempju, ħares lejn l-​istampa f’paġna 33. Ma tiħux pjaċir taraha xena bħal dik? X’jagħmilha daqshekk pjaċevoli? Innota kemm jidher pur l-​ilma. Anki l-​arja hi nadifa, għax hemm sema blu u d-​dawl donnu jleqq. Issa, li kieku dik ix-​xena kellha tinbidel—ix-​xmara mimlija skart, tħażżiż mas-​siġar u l-​blat, l-​arja maħmuġa bid-​dħaħen—ma nibqgħux nieħdu pjaċir narawha; tibda timbottana. Naturalment aħna norbtu s-​sbuħija ma’ l-​indafa, is-​safa, u d-​dawl. Dan l-​istess kliem jistaʼ jintuża biex jiddeskrivi l-​qdusija taʼ Jehovah. Mhux taʼ b’xejn li viżjonijiet li jiddeskrivu lil Jehovah isaħħruna! Mimlija bir-​raġġi tad-​dawl, tlellex bħall-​ħaġar taʼ valur, tiddi bħan-​nar jew bħall-​metalli prezzjużi l-​iktar puri u leqqiena—hekk hi s-​sbuħija taʼ l-​Alla qaddis tagħna.—Eżekjel 1:25-​28; Apokalissi 4:2, 3.

17, 18. (a) Għall-​ewwel kif ġie effettwat Isaija bil-​viżjoni li ra? (b) Jehovah kif uża serafin biex ifarraġ lil Isaija, u x’kienet tfisser l-​azzjoni tas-​serafin?

17 Madankollu, għandha l-​qdusija t’Alla ġġagħalna nħossuna inferjuri meta nqabbluha magħna? M’għandniex xi ngħidu, it-​tweġiba hi iva. Wara kollox, aħna veru inferjuri għal Jehovah—u lanqas biss nistgħu nibdew nesprimu għalkollox il-​verità taʼ dan il-​fatt. Għandu jbegħedna minnu lfatt li nafu dan? Ikkunsidra r-​reazzjoni taʼ Isaija malli semaʼ lis-​serafini jipproklamaw il-​qdusija taʼ Jehovah. “Imbagħad jiena għedt: ‘Jaħasra għalija! Mitluf jien! Bniedem b’xufftejh imniġġsa jien! U f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar; madankollu rajt b’għajnejja lis-​Sultan, Il-​Mulej taʼ l-​eżerċti.’” (Isaija 6:5) Iva, il-​qdusija infinita taʼ Jehovah fakkret lil Isaija kemm hu kien midneb u imperfett. Għall-​ewwel, dak ir-​raġel leali ħassu mifxul għalkollox. Imma Jehovah ma ħalliehx f’dik il-​qagħda.

18 Minnufih ġie serafin biex ifarrġu. Kif? Dan l-​ispirtu setgħan tar għal fuq l-​artal, qabad ġamra minn fuqu, u messha ma’ xofftejn Isaija. Forsi dan jinstemaʼ iktar taʼ wġigħ milli taʼ faraġ. Ftakar, iżda, li din kienet viżjoni, mimlija b’tifsir simboliku. Isaija, Lhudi leali, kien jaf sew li s-​sagrifiċċji kienu jiġu offruti kuljum fuq l-​artal tat-​tempju bħala tpattija għad-​dnubiet. U s-​serafin bi mħabba fakkar lill-​profeta li għalkemm kien tabilħaqq imperfett, “b’xufftejh imniġġsa,” xorta setaʼ jitqies nadif minn Alla. * Jehovah kien lest li jqis bniedem imperfett u midneb bħala qaddis—għallinqas f’sens relattiv.—Isaija 6:6, 7.

19. Kif inhu possibbli għalina li nkunu qaddisin f’sens relattiv, għalkemm imperfetti?

19 L-​istess ħaġa tapplika llum. Dawk is-​sagrifiċċji kollha offruti fuq l-​artal f’Ġerusalemm kienu biss dell taʼ xi ħaġa akbar—l-​uniku sagrifiċċju perfett, offrut minn Ġesù Kristu fis-​sena 33 E.K. (Lhud 9:11-​14) Jekk verament nindmu minn dnubietna, nirranġaw l-​imġiba ħażina, u neżerċitaw il-​fidi f’dak is-​sagrifiċċju, naqilgħu maħfra. (1 Ġwanni 2:2) Aħna wkoll nistgħu nitqiesu nodfa minn Alla. Għaldaqstant, l-​appostlu Pietru jfakkarna: “Hu miktub: ‘Kunu qaddisin, għax qaddis jien.’” (1 Pietru 1:16) Innota li Jehovah ma qalx li rridu nkunu qaddisin daqsu. Hu qatt ma jistenna l-​impossibbli minna. (Salm 103:13, 14) Minflok, Jehovah jgħidilna biex inkunu qaddisin għax hu qaddis. “Bħala wlied maħbuba,” aħna nfittxu li nimitawh bl-​aħjar mod li nistgħu taʼ bnedmin imperfetti li aħna. (Efesin 5:1) Mela li niksbu l-​qdusija huwa proċess kontinwu. Hekk kif nikbru spiritwalment, aħna naħdmu biex “nipperfezzjonaw il-​qdusija” jum wara l-​ieħor.—2 Korintin 7:1, NW.

20. (a) Għala huwa importanti li nifhmu li aħna nistgħu nkunu nodfa f’għajnejn l-​Alla qaddis tagħna? (b) Kif ġie effettwat Isaija meta sar jaf li kienet saret tpattija għal dnubietu?

20 Jehovah iħobb dak li hu rett u safi. Jobogħdu d-​dnub. (Ħabakkuk 1:13) Imma hu ma jobgħodx lilna. Sakemm nibqgħu nħarsu lejn id-​dnub bħalma jagħmel hu—jiġifieri nobogħdu dak li hu ħażin u nħobbu dak li hu tajjeb—u nistinkaw biex nimxu fuq il-​passi perfetti taʼ Ġesù Kristu, Jehovah jaħfrilna dnubietna. (Għamos 5:15; 1 Pietru 2:21) Meta nifhmu li aħna nistgħu nkunu nodfa f’għajnejn l-​Alla qaddis tagħna, l-​effetti huma profondi. Ftakar, għall-​ewwel il-​qdusija taʼ Jehovah fakkret lil Isaija dwar in-​nuqqas taʼ ndafa tiegħu nnifsu. Hu għajjat: “Jaħasra għalija!” Imma malli fehem li kienet saret tpattija għad-​dnubiet tiegħu, il-​ħarsa tiegħu nbidlet. Meta Jehovah talab volontier biex iwettaq inkarigu, Isaija wieġeb minnufih, għalkemm lanqas biss kien jaf x’kien se jkun hemm involut. Hu esklama: “Hawn jien: ibgħat lili!”—Isaija 6:5-​8.

21. X’bażi hemm li tagħtina l-​fiduċja li aħna nistgħu nikkultivaw il-​kwalità tal-​qdusija?

21 Aħna magħmulin fuq ix-​xbieha t’Alla l-​qaddis, u ngħatajna kwalitajiet morali u l-​kapaċità li nifhmu affarijiet spiritwali. (Ġenesi 1:26) F’kull wieħed u waħda minna hemm il-​potenzjal għall-​qdusija. Hekk kif inkomplu nikkultivaw il-​qdusija, Jehovah jieħu pjaċir jgħinna. Matul dan il-​proċess, se nersqu eqreb lejn l-​Alla qaddis tagħna. Iżjed minn hekk, hekk kif nikkunsidraw il-​kwalitajiet taʼ Jehovah fil-​kapitli li jmiss, se naraw li hemm ħafna raġunijiet sodi għalfejn nersqu qrib lejh!

^ par. 18 L-​espressjoni “b’xufftejh imniġġsa” hija addattata ħafna, għax ix-​xofftejn spiss jintużaw fil-​Bibbja b’mod figurattiv biex jirrappreżentaw id-​diskors jew il-​lingwaġġ. Ħafna mid-​dnubiet li jsiru min-​nies imperfetti kollha huma riżultat tal-​mod li bih jużaw kliemhom.—Proverbji 10:19; Ġakbu 3:2, 6.