Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 4

Ġeħova hu “kbir fil-qawwa”

Ġeħova hu “kbir fil-qawwa”

1, 2. Liema affarijiet taʼ l-​għaġeb kien ra Elija f’ħajtu, imma liema ġrajjiet spettakolari ra b’għajnejh meta kien fl-​għar fuq il-​Muntanja Ħoreb?

 ELIJA kien diġà ra b’għajnejh affarijiet taʼ l-​għaġeb. Kien ra ċ-​ċawl iġiblu l-​ikel darbtejn kuljum waqt li kien mistoħbi. Kien ra żewġ reċipjenti li pprovdew dqiq u żejt matul żmien taʼ ġuħ kbir mingħajr qatt ma tbattlu. Kien ra saħansitra n-​nar jinżel mis-​sema bħala tweġiba għat-​talba tiegħu. (1 Slaten, kapitli 17, 18) Xorta waħda, Elija kien għadu qatt ma ra ħaġa bħal din.

2 Meta darba waħda kien qiegħed jitrekken ħdejn il-​bokka t’għar fuq il-​Muntanja Ħoreb, ra sensiela taʼ ġrajjiet spettakolari. Ġara li l-​ewwel qam riħ. Bilfors li dak ir-​riefnu qawwi ħafna u jvenven għamel ħoss kbir, għax tant kellu saħħa li feraq il-​muntanji u farrak il-​blat. Wara dan theżżet l-​art, u ħarġet qawwa immensa li kienet magħluqa taħt l-​art. Imbagħad kien hemm in-​nar. Hekk kif dan infirex mar-​reġjun, x’aktarx li Elija ħass il-​buffuri taʼ sħana tikwi ħerġin minnu.—1 Slaten 19:8-​12.

“Hemm hu, jgħaddi l-Mulej”

3. Elija ra evidenza taʼ liema attribut divin, u aħna fejn nistgħu naraw evidenza taʼ din l-​istess kwalità?

3 Kien hemm xi ħaġa komuni f’dawn il-​ġrajjiet differenti li ra Elija—kienu lkoll turijiet tal-​qawwa kbira li għandu Alla Jehovah. M’għandniex xi ngħidu, m’hemmx għalfejn naraw xi miraklu biex nagħrfu li Alla għandu dan l-​attribut. Il-​qawwa tiegħu tidher bla diffikultà taʼ xejn. Il-​Bibbja tgħidilna li l-​ħolqien huwa prova tas-​‘setgħa taʼ dejjem u d-​divinità’ taʼ Jehovah. (Rumani 1:20) Biss biss, aħseb ftit dwar il-​beraq li jgħammixlek għajnejk u t-​tkarwit jidwi waqt xi maltempata bir-​ragħad, il-​meravilja taʼ l-​ilma nieżel minn kaskata qawwija, il-​kobor immens taʼ sema mimli kwiekeb! Ma tarahiex il-​qawwa t’Alla f’affarijiet bħal dawn? Madankollu, ftit huma n-​nies fid-​dinja taʼ llum li verament jagħrfu l-​qawwa t’Alla. Jerġaʼ hemm inqas nies li jqisuha b’mod korrett. Madankollu, jekk nifhmu dan l-​attribut divin se nsibu iktar raġunijiet għalfejn għandna nersqu eqreb lejn Jehovah. F’din it-​taqsima, se nistudjaw fid-​dettall il-​qawwa li m’hawnx bħalha taʼ Jehovah.

Attribut Essenzjali taʼ Jehovah

4, 5. (a) X’konnessjoni hemm bejn l-​isem taʼ Jehovah u l-​qawwa tiegħu? (b) Għala huwa addattat li Jehovah għażel il-​barri biex jissimbolizza l-​qawwa tiegħu?

4 Jehovah hu uniku fil-​qawwa. Ġeremija 10:6 jgħid: “Ħadd m’hu bħalek, Mulej, int kbir, u kbir ismek f’qawwitu!” Innota li l-​qawwa hija marbuta ma’ isem Jehovah. Jekk tiftakar, evidentement dan l-​isem ifisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” X’jagħmilha possibbli għal Jehovah li joħloq kwalunkwe ħaġa li jrid u li jsir dak kollu li jagħżel li jsir? Mod wieħed huwa permezz tal-​qawwa. Iva, l-​abbiltà li Jehovah għandu biex jaġixxi, biex iwettaq ir-​rieda tiegħu, hija bla limitu. Qawwa bħal din hija waħda mill-​attributi essenzjali tiegħu.

5 Ladarba aħna qatt ma nistgħu nifhmu safejn jasal il-​kobor tal-​qawwa tiegħu, Jehovah juża t-​tixbihat biex jgħinna. Bħalma rajna, hu juża l-​għoġol, jew il-​barri, biex jissimbolizza l-​qawwa tiegħu. (Eżekjel 1:4-​10) Din l-​għażla hija addattata ħafna, għax anki l-​barri mmansat huwa annimal daqsiex u mimli qawwa. Fi żminijiet Bibliċi, in-​nies tal-​Palestina rari, jekk qatt xi darba, kienu jiltaqgħu ma’ xi ħaġa iktar b’saħħitha minn hekk. Imma huma kienu jafu bi speċi taʼ barri iktar tal-​biżaʼ—il-​gendus salvaġġ, jew l-​urus, li llum m’għadux jeżisti iktar. (Ġob 39:9-​12) L-​Imperatur Ruman Ġulju Ċesari darba qal li dawn il-​barrin kienu kważi kbar daqs l-​iljunfanti. “Kbira hi s-​saħħa li għandhom,” kiteb hu, “u kbira hi l-​ħeffa tagħhom.” Immaġina kemm tħossok żgħir u dgħajjef li kieku kellek issib ruħek maġenb bhima bħal din!

6. Għala Jehovah waħdu jissejjaħ ‘Dak li jistaʼ kollox’?

6 Bl-​istess mod, il-​bniedem hu dgħajjef u bla qawwa meta jitqabbel ma’ Jehovah, l-​Alla tal-​qawwa. Għalih, anki ġnus setgħana huma biss bħal għabra trab fuq miżien. (Isaija 40:15) Kuntrarju għal kull ħliqa, Jehovah għandu qawwa bla limitu, għax hu waħdu jissejjaħ ‘Dak li jistaʼ kollox.’ * (Apokalissi 15:3) Jehovah hu ‘qawwi f’setegħtu’ u juża “s-​saħħa taʼ qawwietu.” (Isaija 40:26) Hu s-​sors taʼ qawwa li hija dejjem abbundanti u ma tispiċċa qatt. Ma jiddependi mill-​ebda sors barrani għall-​enerġija, għax “il-​qawwa hi taʼ Alla.” (Salm 62:12 [62:11, NW], korsiv tagħna.) Iżda, Jehovah b’liema modi jeżerċita l-​qawwa tiegħu?

Kif Jehovah Jeżerċita l-​Qawwa Tiegħu

7. X’inhu l-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah, u x’jissuġġerixxi l-​kliem bil-​lingwa oriġinali li jinsab fil-​Bibbja?

7 L-​ispirtu qaddis joħroġ minn Jehovah fi kwantità bla limitu. Dan l-​ispirtu huwa l-​qawwa t’Alla fl-​azzjoni. Fil-​fatt, f’​Ġenesi 1:2 (NW), il-​Bibbja tirreferi għalih bħala l-​“forza attiva” t’Alla. Il-​kliem oriġinali bl-​Ebrajk u bil-​Grieg li jiġi tradott “spirtu” jistaʼ, f’kuntesti oħrajn, jiġi tradott bħala “riħ,” “nifs,” u “buffura.” Skond xi kittieba taʼ dizzjunarji, il-​kliem bil-​lingwa oriġinali jissuġġerixxi forza inviżibbli fl-​azzjoni. Bħar-​riħ, l-​ispirtu t’Alla ma narawhx b’għajnejna, imma l-​effetti tiegħu huma reali u jidhru.

8. Fil-​Bibbja, l-​ispirtu t’Alla x’jissejjaħ b’mod figurattiv, u dan ix-​xebh għala huwa addattat?

8 Il-​flessibilità taʼ l-​ispirtu t’Alla ma tispiċċa qatt. Jehovah jistaʼ jużah biex iwettaq kwalunkwe skop li jkollu f’moħħu. Allura, fil-​Bibbja, l-​ispirtu t’Alla bix-​xieraq jissejjaħ b’mod figurattiv is-​“saba’” tiegħu, l-​“id qawwija” tiegħu, jew id-​“driegħ merfugħ” tiegħu. (Luqa 11:20, NW; Dewteronomju 5:15; Salm 8:4 [8:3, NW]) Sewwa sew bħalma bniedem jistaʼ juża idejh biex jagħmel varjetà kbira taʼ xogħol li jirrikjedi livelli differenti taʼ saħħa jew finezza, Alla jistaʼ juża l-​ispirtu tiegħu biex iwettaq kwalunkwe skop—bħal li joħloq l-​atomu daqs naqra jew li jifred il-​Baħar l-​Aħmar jew li jġiegħel lil xi Kristjani taʼ l-​ewwel seklu jitkellmu b’lingwi barranin.

9. Kemm hija kbira l-​qawwa li Jehovah jeżerċita fil-​ħakma tiegħu?

9 Jehovah jeżerċita l-​qawwa wkoll permezz taʼ l-​awtorità tiegħu bħala s-​Sovran Universali. Tistaʼ timmaġinak b’miljuni taʼ miljuni taʼ sudditi intelliġenti u kapaċi, li lesti jagħmlu dak kollu li tordnalhom? Jehovah jeżerċita qawwa bħal din fil-​ħakma tiegħu. Hu għandu qaddejja bnedmin, li fl-​Iskrittura spiss jitqabblu ma’ qatgħa, jew armata. (Salm 68:12, Saydon [68:11, NW]; 110:3, ) Madankollu, bniedem hu kreatura dgħajfa meta tqabblu m’anġlu. Fil-​fatt, meta l-​armata Assirjana attakkat lill-​poplu t’Alla, anġlu wieħed qatel 185,000 minn dawk is-​suldati f’lejl wieħed! (2 Slaten 19:35) L-​anġli t’Alla huma “setgħana u qawwija.”—Salm 103:19, 20.

10. (a) Dak li jistaʼ kollox għala jissejjaħ Jehovah taʼ l-​eżerċti? (b) Min hu l-​iktar wieħed setgħan mill-​ħolqien kollu taʼ Jehovah?

10 Kemm hemm anġli? Il-​profeta Danjel kellu viżjoni tas-​sema li fiha ra iktar minn 100 miljun ħliqa spirtu quddiem it-​tron taʼ Jehovah, imma m’hemm ebda indikazzjoni li hu ra l-​ħolqien anġeliku kollu. (Danjel 7:10) Mela jistaʼ jkun li hemm mijiet taʼ miljuni t’anġli. B’hekk, Alla jissejjaħ Jehovah taʼ l-​eżerċti. Dan it-​titlu jiddeskrivi l-​pożizzjoni qawwija tiegħu bħala Kmandant t’għadd kbir ħafna u organizzat t’anġli setgħana. Hu poġġa wieħed fuq dawn il-​ħlejjaq spirti kollha, lill-​Iben maħbub tiegħu stess, “il-​kbir fost il-​ħlejjaq kollha.” (Kolossin 1:15) Bħala l-​arkanġlu—kap fuq l-​anġli, is-​serafini, u l-​kerubini kollha—Ġesù hu l-​iktar wieħed setgħan mill-​ħolqien kollu taʼ Jehovah.

11, 12. (a) Il-​kelma t’Alla b’liema modi teżerċita qawwa? (b) Ġesù kif wera kemm hi kbira l-​qawwa taʼ Jehovah?

11 Jehovah jerġaʼ għandu mod ieħor kif jeżerċita l-​qawwa. Lhud 4:12 jgħid: “Il-​kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija.” Innotajt int il-​qawwa fenomenali tal-​kelma t’Alla, jew il-​messaġġ imnebbaħ bl-​ispirtu tiegħu, li issa tinsab preservata fil-​Bibbja? Din tistaʼ ssaħħaħna, tibnilna l-​fidi, u tgħinna nagħmlu bidliet kbar fina nfusna. L-​appostlu Pawlu wissa lil sħabu fit-​twemmin kontra nies li kienu jgħixu ħajja immorali għall-​aħħar. Imbagħad żied: “Minn dawn kienu xi wħud minnkom.” (1 Korintin 6:9-​11) Iva, “il-​kelma taʼ Alla” kienet eżerċitat il-​qawwa tagħha fihom u għenithom jinbidlu.

12 Il-​qawwa taʼ Jehovah tant hi immensa u l-​modi kif jeżerċitaha tant huma effettivi li xejn ma jistaʼ jfixklu. Ġesù qal: “Għal Alla kollox jistaʼ jkun.” (Mattew 19:26) Jehovah għal liema skopijiet jużaha l-​qawwa tiegħu?

Qawwa Gwidata minn Skop

13, 14. (a) Għala nistgħu ngħidu li Jehovah m’huwiex bla personalità u sempliċement sors taʼ qawwa? (b) Jehovah b’liema modi juża l-​qawwa tiegħu?

13 L-​ispirtu taʼ Jehovah huwa xi ħaġa bil-​wisq akbar minn kwalunkwe forza fiżika oħra; u Jehovah m’huwiex xi forza bla personalità, sempliċement sors taʼ qawwa. Hu Alla li għandu personalità u kontroll sħiħ fuq il-​qawwa tiegħu stess. Madankollu, xi jqanqlu biex jużaha?

14 Bħalma se naraw, Alla juża l-​qawwa biex joħloq, jeqred, jipproteġi, iġedded—fi kliem ieħor, biex jagħmel dak kollu li jaqbel ma’ l-​iskopijiet perfetti tiegħu. (Isaija 46:10) F’ċerti okkażjonijiet, Jehovah juża l-​qawwa tiegħu biex juri aspetti importanti tal-​personalità u l-​livelli tiegħu. Fuq kollox, hu juża l-​qawwa biex iwettaq ir-​rieda tiegħu—li jivvindika s-​sovranità tiegħu u jqaddes lil ismu qaddis permezz tas-​Saltna Messjanika. Xejn ma jistaʼ jfixkel dak l-​iskop.

15. Jehovah juża l-​qawwa tiegħu għal liema skop f’konnessjoni mal-​qaddejja tiegħu, u dan kif intwera fil-​każ t’Elija?

15 Jehovah juża wkoll il-​qawwa tiegħu biex nibbenefikaw aħna bħala individwi. Innota x’jgħid it-​2 Kronaki 16:9 dwar Jehovah: “Għajnejh jiġru fuq l-​art kollha, isaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-​sħiħ miegħu.” L-​esperjenza t’Elija, imsemmija fil-​bidu, hija eżempju taʼ dan. Jehovah għala tah dik it-​turija taʼ l-​għaġeb taʼ qawwa divina? Tajjeb, ir-​Reġina ħażina Ġeżabel kienet ħalfet li toqtol lil Elija. Il-​profeta kien qiegħed jaħrab biex isalva ħajtu. Kien qed iħossu waħdu, imbeżżaʼ, u skuraġġit—bħallikieku x-​xogħol iebes kollu tiegħu kien għalxejn. Sabiex ifarraġ lir-​raġel inkwetat, Jehovah fakkar b’mod ħaj lil Elija fil-​qawwa divina. Ir-​riħ, it-​terremot, u n-​nar urew li l-​iktar Esseri qawwi fl-​univers kien qiegħed hemm m’Elija. Għalfejn kellu jibżaʼ minn Ġeżabel, meta kellu lil Alla li jistaʼ kollox fuq in-​naħa tiegħu?—1 Slaten 19:1-​12. *

16. Għala nistgħu niksbu faraġ jekk naħsbu fuq il-​qawwa kbira taʼ Jehovah?

16 Għalkemm issa m’huwiex il-​waqt tiegħu li jagħmel il-​mirakli, Jehovah ma nbidilx minn żmien Elija ’l hawn. (1 Korintin 13:8) Hu għadu daqstant ħerqan illum li juża l-​qawwa tiegħu għan-​nom taʼ dawk li jħobbuh. Veru, hu jgħix f’qasam spirtu għoli, imma m’huwiex ’il bogħod wisq minna. Il-​qawwa tiegħu hija bla limitu, u għalhekk id-​distanza m’hijiex taʼ xkiel. Minflok, “qrib il-​Mulej lejn kull min isejjaħlu.” (Salm 145:18) Darba meta l-​profeta Danjel talab lil Jehovah għall-​għajnuna, deherlu anġlu meta lanqas biss kien għadu spiċċa jitlob! (Danjel 9:20-​23) Xejn ma jistaʼ jfixkel lil Jehovah milli jgħin u jsaħħaħ lil dawk li jħobb.—Salm 118:6.

Il-​Qawwa t’Alla Tbiegħdu minn Kulħadd?

17. F’liema sens il-​qawwa taʼ Jehovah tnissel biżaʼ fina, imma liema tip taʼ biżaʼ ma tnissilx?

17 Għandha l-​qawwa t’Alla ġġagħalna nibżgħu minnu? It-​tweġiba trid tkun iva u le. Iva, fis-​sens li dan l-​attribut huwa raġuni biżżejjed għalfejn ikollna l-​biżaʼ t’Alla, ir-​riverenza u r-​rispett profond li ddiskutejna fil-​qosor fil-​kapitlu taʼ qabel. Biżaʼ bħal dan, tgħidilna l-​Bibbja, huwa “l-​bidu taʼ l-​għerf.” (Salm 111:10) Madankollu, it-​tweġiba hija wkoll le, fis-​sens li l-​qawwa t’Alla ma tagħtina l-​ebda raġuni għalfejn nitwerwru minnu jew inżommu lura milli navviċinawh.

18. (a) Għala ħafna wħud ma jafdawhomx lin-​nies li għandhom il-​qawwa? (b) Kif nafu li l-​qawwa taʼ Jehovah ma tistax tikkorrompih?

18 “Il-​qawwa għandha t-​tendenza li tikkorrompi; il-​qawwa assoluta tikkorrompi b’mod assolut.” Hekk kiteb in-​nobbli Ingliż Lord Acton fl-​1887. Din l-​istqarrija tiegħu ġiet imtennija ħafna drabi, forsi għax hawn ħafna nies li jirrealizzaw kemm dan huwa minnu. Il-​bnedmin imperfetti spiss jabbużaw mill-​qawwa, bħalma kkonfermat l-​istorja darba wara l-​oħra. (Koħèlet 4:1; 8:9) Għal din ir-​raġuni, ħafna wħud ma jafdawhomx lin-​nies li għandhom il-​qawwa u jitbiegħdu minnhom. Issa, Jehovah għandu qawwa assoluta. Ikkorrompietu din b’xi mod? Dażgur li le! Bħalma rajna, hu qaddis, u ma jistaʼ jiġi korrott bl-​ebda mod. Jehovah m’huwiex bħall-​irġiel u n-​nisa imperfetti taʼ qawwa f’din id-​dinja korrotta. Hu qatt m’abbuża mill-​qawwa tiegħu, u qatt ma se jagħmel hekk.

19, 20. (a) F’armonija ma’ liema kwalitajiet oħra Jehovah dejjem jeżerċita l-​qawwa, u dan għala jqawwilna qalbna? (b) Kif tistaʼ ġġib eżempju tar-​rażna li Jehovah għandu fuqu nnifsu, u għala jolqtok dan?

19 Ftakar, il-​qawwa m’hijiex l-​unika attribut taʼ Jehovah. Għad irridu nistudjaw dwar il-​ġustizzja tiegħu, l-​għerf tiegħu, u l-​imħabba tiegħu. Iżda m’għandniex nassumu li Jehovah juri l-​attributi tiegħu b’mod riġidu u mekkaniku, bħallikieku juri biss kull kwalità waħda waħda. Għall-​kuntrarju, fil-​kapitli li ġejjin se naraw li Jehovah dejjem jeżerċita l-​qawwa tiegħu f’armonija mal-​ġustizzja, l-​għerf, u l-​imħabba tiegħu. Aħseb ftit dwar kwalità oħra li għandu Jehovah, waħda li rari tidher fil-​mexxejja dinjin—ir-​rażna fuqu nnifsu.

20 Immaġina li tiltaqaʼ ma’ raġel daqsiex u b’saħħtu li titwerwer ħdejh. Madankollu, maż-​żmien tinnota li hu jidher ġentili. Hu dejjem lest u ħerqan biex juża l-​qawwa tiegħu ħalli jgħin u jipproteġi lin-​nies, speċjalment lil dawk li m’għandhomx min jiddefendihom jew li jinsabu fil-​periklu. Hu qatt ma jabbuża mis-​saħħa li għandu. Tarah jiġi malafamat bla ebda raġuni, u madankollu hu jibqaʼ sod iżda kalm, iżomm id-​dinjità tiegħu, saħansitra juri qalb tajba. Int tibda tiddubita jekk kienx jirnexxilek turi l-​istess ġentilezza u rażna, iktar u iktar li kieku kont daqshekk b’saħħtek! Iktar ma ssir taf bniedem bħal dan, ma tibdiex tħossok tinġibed lejh? Aħna għandna raġuni ferm akbar għalfejn nersqu qrib lejn Jehovah li jistaʼ kollox. Ikkunsidra s-​sentenza sħiħa li hija l-​bażi għat-​titlu taʼ dan il-​kapitlu: “Il-​Mulej tqil biex jagħdab, għalkemm kbir fil-​qawwa.” (Naħum 1:3, korsiv tagħna.) Jehovah ma jgħaġġilx biex juża l-​qawwa tiegħu kontra n-​nies, lanqas kontra l-​ħżiena. Hu ġwejjed u ħanin. Hu wera tassew li hu “tqil biex jagħdab” minkejja ħafna provokazzjonijiet.—Salm 78:37-​41.

21. Jehovah għala jżomm lura milli jisforza lin-​nies biex jagħmlu r-​rieda tiegħu, u dan x’jgħallimna dwaru?

21 Ikkunsidraha minn angolu ieħor ir-​rażna li Jehovah għandu fuqu nnifsu. Li kieku kellek qawwa bla limitu, taħseb li forsi, xi drabi, tiġik it-​tentazzjoni li ġġiegħel lin-​nies jagħmlu kif trid int? Jehovah, bil-​qawwa kollha li għandu, ma jisforzax lin-​nies biex jaqduh. Avolja l-​uniku mod kif niksbu l-​ħajja taʼ dejjem hu billi naqdu lil Alla, Jehovah ma jisforzaniex nagħmlu hekk. Minflok, hu b’qalb tajba jagħti d-​dinjità lil kull individwu billi jħallih fil-​libertà li jagħżel. Hu jwissi dwar il-​konsegwenzi t’għażliet ħżiena u jgħid dwar il-​barkiet li jirriżultaw minn għażliet tajbin. Imma l-​għażla nfisha jħalliha f’idejna. (Dewteronomju 30:19, 20) Jehovah sempliċement m’għandu ebda interess f’servizz mogħti bilfors jew minħabba biżaʼ kbir mill-​qawwa immensa tiegħu. Hu jfittex lil dawk li jaqduh minn jeddhom, għax iħobbuh.—2 Korintin 9:7.

22, 23. (a) X’juri li Jehovah jieħu pjaċir jagħti l-​qawwa lil ħaddieħor? (b) X’se nikkunsidraw fil-​kapitlu li jmiss?

22 Ejja nħarsu lejn l-​aħħar raġuni għala m’għandniex nibżgħu minn Alla li Jistaʼ Kollox. Bnedmin li għandhom il-​qawwa għandhom it-​tendenza li jibżgħu jaqsmuha m’oħrajn. Madankollu, Jehovah jieħu pjaċir jagħti l-​qawwa lill-​aduraturi leali tiegħu. Hu jiddelega awtorità konsiderevoli lil oħrajn, bħal per eżempju lil Ibnu. (Mattew 28:18) Jehovah jagħti wkoll il-​qawwa lill-​qaddejja tiegħu b’mod ieħor. Il-​Bibbja tispjega: “Tiegħek, Mulej, il-​kobor u l-​qawwa, il-​ġieħ, is-​sebħ u t-​tifħir: kull ma hemm fis-​sema u fl-​art. . . . F’idejk il-​qawwa u s-​saħħa; f’idejk is-​setgħa li tkabbar u ’l kulħadd issaħħaħ.”—1 Kronaki 29:11, 12.

23 Iva, Jehovah jieħu pjaċir jagħtik is-​saħħa. Hu saħansitra jagħti “l-​qawwa iktar min-​normal” lil dawk li jixtiequ jaqduh. (2 Korintin 4:7, NW) Ma tħossokx tinġibed lejn dan l-​Alla dinamiku, li juża l-​qawwa tiegħu b’modi li juru qalb tajba u li jimxu fuq prinċipji għoljin? Fil-​kapitlu li jmiss, se niffokaw fuq kif Jehovah juża l-​qawwa tiegħu biex joħloq.

^ par. 6 Il-​kelma Griega tradotta ‘Dak li jistaʼ kollox’ tfisser letteralment “Ħakkiem fuq Kollox; Wieħed li Għandu l-​Qawwa Kollha.”

^ par. 15 Il-​Bibbja tgħid li ‘l-​Mulej ma kienx fir-​riħ, fit-​theżhiża, u fin-​nar.’ (Korsiv tagħna.) Kuntrarju għall-​aduraturi t’allat tan-​natura fil-​mitoloġija, il-​qaddejja taʼ Jehovah ma jfittxuhx ġewwa l-​forzi tan-​natura. Hu bil-​wisq kbir biex joqgħod fi kwalunkwe ħaġa li ħalaq.—1 Slaten 8:27.