Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 5

Il-qawwa kreattiva—dak ‘li għamel is-sema u l-art’

Il-qawwa kreattiva—dak ‘li għamel is-sema u l-art’

1, 2. Ix-​xemx kif turi l-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah?

 ĠIELI qgħadt ħdejn xi ħuġġieġa nar f’xi lejla kiesħa? Forsi żammejt idejk ’il bogħod eżatt mill-​fjammi biex tieħu pjaċir bis-​sħana ħierġa. Jekk kont tersaq qrib iżżejjed, is-​sħana kienet issir insapportabbli. Jekk kont tersaq wisq lura, is-​sirda tal-​lejl kont tħossha ġo l-​għadam.

2 Hemm “nar” li jsaħħnilna ġisimna matul il-​ġurnata. Dan in-​“nar” qed jaqbad mal-​150 miljun kilometru ’l bogħod! * X’saħħa bilfors għandha x-​xemx biex int jirnexxilek tħoss is-​sħana tagħha minn daqshekk bogħod! Madankollu, id-​dinja ddur ma’ dan il-​forn taʼ l-​għaġeb termonukleari filwaqt li żżomm ’il bogħod minnu d-​distanza eżatta. Qrib wisq, u l-​ilma li hawn fid-​dinja jevapora; ’il bogħod wisq, u jiffriża kollu kemm hu. Fiż-​żewġ estremi li huma, xejn ma jibqaʼ ħaj fuq il-​pjaneta tagħna. Minbarra li hu sabiħ, id-​dawl tax-​xemx hu essenzjali għall-​ħajja fuq l-​art, u huwa wkoll nadif u effiċjenti.—Koħèlet 11:7.

Jehovah ‘għamel il-kwiekeb u x-xemx’

3. Liema verità importanti tintwera bis-​saħħa tax-​xemx?

3 Madankollu, il-​biċċa l-​kbira min-​nies ma japprezzawhiex biżżejjed ix-​xemx, avolja ħajjithom tiddependi minnha. B’hekk, huma jonqsu li jaraw dak li x-​xemx tistaʼ tgħallimna. Il-​Bibbja tgħid dwar Jehovah: “Il-​kwiekeb u x-​xemx int għamilthom.” (Salm 74:16) Iva, ix-​xemx iġġib unur lil Jehovah, Dak li ‘għamel is-​sema u l-​art.’ (Salm 19:2 [19:1, NW]; 146:6) Hija biss waħda mill-​ħafna pjaneti bla għadd fl-​univers li jgħallmuna dwar il-​qawwa kreattiva immensa taʼ Jehovah. Ejja neżaminaw iktar mill-​qrib xi ftit minnhom u mbagħad indawru l-​attenzjoni tagħna lejn l-​art u l-​ħajja li tiffjorixxi fuqha.

“Erfgħu Għajnejkom ’il Fuq u Araw”

4, 5. Kemm hija qawwija u kbira x-​xemx, iżda din kif titqabbel ma’ kwiekeb oħra?

4 Bħalma forsi taf, ix-​xemx tagħna hija kewkba. Tidher akbar mill-​kwiekeb li naraw bil-​lejl għax, meta tqabbilha magħhom, hi tinsab qrib mhux ħażin. Kemm hi qawwija? Fil-​qalba tax-​xemx, is-​sħana hi qawwija madwar 15,000,000 grad Celsius. Li kieku tistaʼ taqbad nitfa daqs ras taʼ labra mill-​qalba tax-​xemx u tpoġġiha hawn fuq l-​art, ma kontx tkun tistaʼ toqgħod inqas minn 140 kilometru ’l bogħod minn dik in-​naqra sors taʼ sħana mingħajr ma tweġġa’! Kull sekonda, ix-​xemx tarmi enerġija qawwija daqs l-​isplużjoni taʼ ħafna mijiet taʼ miljuni taʼ bombi nukleari.

5 Ix-​xemx tant hi kbira li ġo fiha jidħlu iktar minn 1,300,000 pjaneta daqs id-​dinja tagħna. Hija x-​xemx xi kewkba akbar mis-​soltu? Le, l-​astronomi jsejħulha nanu isfar. L-​appostlu Pawlu kiteb li “kewkba tiddi aktar minn kewkba oħra.” (1 Korintin 15:41) Lanqas kien jaf kemm kien minnu dan il-​kliem ispirat! Hemm kewkba tant kbira illi kieku din kellha titpoġġa eżatt fejn tinsab ix-​xemx, id-​dinja tagħna tiġi ġewwa fiha. Jekk issir l-​istess ħaġa b’kewkba ġganteska oħra, din tasal sa Saturnu—għalkemm Saturnu tant tinsab ’il bogħod mill-​art li rokit dam erba’ snin biex wasal hemm, avolja vvjaġġa 40 darba iktar jgħaġġel minn balla sparata b’pistola qawwija!

6. Il-​Bibbja kif turi li l-​għadd taʼ kwiekeb hu kbir immens mill-​ħarsa tal-​bniedem?

6 Xi ħaġa iktar taʼ l-​għaġeb mid-​daqs tal-​kwiekeb hija l-għadd tagħhom. Fil-​fatt, il-​Bibbja tissuġġerixxi li l-​kwiekeb huma kważi bla għadd, u diffiċli tgħoddhom daqs “ir-​ramel tal-​baħar.” (Ġeremija 33:22) Din l-​istqarrija timplika li hemm bil-​wisq iktar kwiekeb milli wieħed jistaʼ jara b’għajnejh biss. Wara kollox, li kieku kittieb tal-​Bibbja, bħal Ġeremija, kellu dakinhar iħares lejn is-​sema bil-​lejl u jipprova jgħodd il-​kwiekeb li jidhru, hu kien jirnexxilu jgħodd biss xi tlett elef, għax daqshekk tistaʼ tara l-​għajn umana waħedha waqt lejl bnazzi. Dan in-​numru jistaʼ jitqabbel ma’ l-​għadd taʼ frak tar-​ramel f’sempliċi ponn ramel. Madankollu, fir-​realtà l-​għadd taʼ kwiekeb huwa bil-​wisq akbar, bħar-​ramel tal-​baħar. * Min jistaʼ jgħoddu numru bħal dan?

“Isejjħilhom b’isimhom wieħed wieħed”

7. (a) Kemm fiha kwiekeb bejn wieħed u ieħor il-​galassja tagħna t-​Triq tal-​Ħalib, u kemm hu kbir dan in-​numru? (b) Għala huwa sinifikanti li l-​astronomi jsibuha diffiċli biex jgħoddu l-​galassji, u dan x’jgħallimna dwar il-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah?

7 Isaija 40:26 iwieġeb: “Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw: min ħalaqhom dawn il-​ħlejjaq kollha? Imexxi u jgħodd l-​eżerċti tiegħu, u jsejjħilhom b’isimhom wieħed wieħed.” Salm 147:4 jgħid: “Hu jgħodd in-​numru tal-​kwiekeb.” X’inhu “n-​numru tal-​kwiekeb”? Din m’hijiex mistoqsija sempliċi. L-​astronomi jikkalkulaw li biss biss fil-​galassja tagħna t-​Triq tal-​Ħalib hemm iktar minn 100 biljun kewkba. * Imma l-​galassja tagħna hija sempliċement waħda minn ħafna galassji, u ħafna minn dawn huma miżgħudin b’saħansitra iktar kwiekeb. Kemm hemm galassji? Xi astronomi jikkalkulaw li hemm 50 biljun waħda. Oħrajn jgħidu li jistaʼ jkun hemm mal-​125 biljun waħda. Mela l-​bniedem lanqas hu kapaċi jiddetermina l-​għadd taʼ galassji, aħseb u ara n-​numru eżatt tal-​biljuni kollha taʼ kwiekeb li hemm ġo fihom. Madankollu, Jehovah jafu dan in-​numru. Iktar minn hekk, hu jagħti lil kull kewkba isem għaliha!

8. (a) Kif tispjegah int id-​daqs tal-​galassja t-​Triq tal-​Ħalib? (b) Jehovah b’liema mod jirranġa f’ordni ċ-​ċaqliq tal-​pjaneti ċelestjali?

8 L-​istagħġib u r-​riverenza tagħna jistgħu biss jiżdiedu meta nqisu d-​daqs tal-​galassji. Ġie kalkulat li l-​galassja t-​Triq tal-​Ħalib hija twila 100,000 sena tad-​dawl minn tarf sa tarf. Ġib quddiem għajnejk raġġ taʼ dawl li jivvjaġġa b’veloċità tremenda taʼ 300,000 kilometru fis-​sekonda. Dak ir-​raġġ taʼ dawl idum 100,000 sena biex jaqsam il-​galassja tagħna! U xi galassji huma ħafna drabi akbar minn tagħna. Il-​Bibbja tgħid li Jehovah qed ‘jifrex’ dawn is-​smewwiet vasti bħallikieku kienu xi pezza drapp. (Salm 104:2) Hu wkoll jirranġa f’ordni ċ-​ċaqliq taʼ dan il-​ħolqien. Mill-​iċken għabra taʼ materjal li tinsab ħdejn il-​kwiekeb sa l-​akbar galassja li hemm, kollox jiċċaqlaq skond il-​liġijiet fiżiċi li Alla għamel u beda jħaddem. (Ġob 38:31-​33) B’hekk, ix-​xjenzati qabblu ċ-​ċaqliq preċiż tal-​pjaneti ċelestjali maż-​żfin elaborat tal-​balè. Aħseb, allura, fuq Dak li ħalaq dawn l-​affarijiet. Ma tħossokx mimli riverenza profonda lejn l-​Alla li għandu din il-​qawwa kreattiva immensa?

“Bil-​Ħila Tiegħu Għamel l-​Art”

9, 10. Il-​qawwa taʼ Jehovah kif inhi evidenti f’konnessjoni mal-​pożizzjoni tas-​sistema solari tagħna, Ġove, id-​dinja, u l-​qamar?

9 Il-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah hija evidenti fid-​dar tagħna, il-​pjaneta art. Hu qagħad attent ferm fejn ipoġġi d-​dinja f’dan l-​univers enormi. Xi xjenzati jemmnu li ħafna galassji x’aktarx li m’humiex addattati biex ikun hemm il-​ħajja fuqhom bħalma hi addattata l-​pjaneta tagħna. Mid-​dehra, parti kbira mill-​galassja tagħna t-​Triq tal-​Ħalib ma ġietx disinjata biex ikun hemm il-​ħajja fiha. Iċ-​ċentru galattiku hu miżgħud bil-​kwiekeb. Ir-​radjazzjoni hija għolja ħafna, u hija ħaġa komuni li xi kwiekeb kważi jkunu se jaħbtu ma’ xulxin. Fit-​trufijiet tal-​galassja, ħafna mill-​elementi bżonnjużi għall-​ħajja ma jeżistux. Is-​sistema solari tagħna tinsab b’mod ideali bejn dawn iż-​żewġ estremi.

10 Id-​dinja tibbenefika minn protettriċi li tinsab ’il bogħod imma li hija ġganteska—il-​pjaneta Ġove. Ġove hija akbar mid-​dinja iktar minn elf darba, u għandha ġibda tal-​gravità tremenda. X’inhu r-​riżultat? Din tiġbed lejha jew tbiddel id-​direzzjoni t’oġġetti li jiġġerrew fl-​ispazju. Ix-​xjenzati jikkalkulaw illi kieku ma kienx għal Ġove, ix-​xita taʼ materjal kbir li jolqot lid-​dinja kienet tkun 10,000 darba iktar qawwija milli hi fil-​preżent. Iktar qribna, id-​dinja tagħna tibbenefika minn satellita mhux tas-​soltu—il-​qamar. Minbarra li hu sabiħ u jipprovdi d-​dawl bil-​lejl, il-​qamar iżomm id-​dinja kemxejn imxaqilba b’mod kontinwu u stabbli. Permezz taʼ din ix-​xaqliba, l-​art tistaʼ tgawdi minn staġuni stabbli u ċerti—benefiċċju importanti ieħor għall-​ħajja fuq l-​art.

11. L-​atmosfera taʼ l-​art kif ġiet disinjata biex isservi bħala għata protettiva?

11 Il-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah hija evidenti f’kull aspett taʼ kif inhi magħmula d-​dinja. Ħu l-​atmosfera, li sservi bħala għata protettiva. Ix-​xemx tarmi raġġi tajbin għas-​saħħa u oħrajn qattiela. Meta r-​raġġi qerridin jaħbtu mas-​saff taʼ barra taʼ l-​atmosfera tad-​dinja, dawn jikkaġunaw ossiġnu normali biex jinbidel f’ożonu. Imbagħad, dan is-​saff t’ożonu li jiġi fformat jassorbi l-​biċċa l-​kbira minn dawn ir-​raġġi. Fil-​fatt, il-​pjaneta tagħna ġiet disinjata bl-​umbrella protettiva tagħha stess!

12. Iċ-​ċiklu atmosferiku taʼ l-​ilma kif juri x’qawwa kreattiva għandu Jehovah?

12 Dan huwa biss aspett wieħed taʼ l-​atmosfera tagħna, taħlita kumplessa taʼ gassijiet li huma addattati b’mod ideali sabiex jgħixu l-​ħlejjaq fuq wiċċ l-​art jew ftit ’il bogħod minnu. Fost l-​għeġubijiet f’din l-​atmosfera hemm iċ-​ċiklu taʼ l-​ilma. Kull sena, permezz taʼ l-​evaporazzjoni, ix-​xemx ittellaʼ biżżejjed ilma mill-​oċeani u l-​ibħra taʼ l-​art sabiex timla tank wiesa’, għoli, u fond iktar minn 70 kilometru. L-​ilma jifforma s-​sħab, li jitferrex ma’ kullimkien permezz taʼ rjieħ atmosferiċi. Dan l-​ilma li jkun għadu kif ġie filtrat u purifikat, jinżel bħala xita, borra, u silġ, u jerġaʼ jimla l-​provvisti taʼ l-​ilma. Huwa sewwa sew bħalma jgħid Koħèlet 1:7: “Ix-​xmajjar kollha lejn il-​baħar jiġru, iżda ma jimteliex il-​baħar bihom; mnejn ikunu bdew il-​mixja tagħhom, ’l hemmhekk ix-​xmajjar jerġgħu jmorru.” Jehovah biss setaʼ joħloq ċiklu bħal dan.

13. Liema evidenza tal-​qawwa tal-​Ħallieq naraw fil-​ħxejjex taʼ l-​art u fil-​ħamrija?

13 Kulfejn naraw il-​ħajja, naraw evidenza tal-​qawwa tal-​Ħallieq. Mis-​siġar enormi tas-​seqoja li jikbru iktar minn 30 sular sal-​pjanti mikroskopiċi li huma miżgħudin bihom l-​oċeani u li jipprovdu ħafna mill-​ossiġnu li nieħdu aħna, il-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah hija evidenti. Il-​ħamrija nfisha hija ppakkjata b’affarijiet ħajjin—dud, fungi, u organiżmi żgħar ħafna, ilkoll jaħdmu flimkien b’modi komplikati sabiex jgħinu l-​pjanti jikbru. B’mod xieraq, il-​Bibbja titkellem dwar il-​ħamrija bħala li għandha l-​qawwa.—Ġenesi 4:12, .

14. X’qawwa moħbija teżisti saħansitra fl-​atomu ċkejken?

14 Mingħajr ebda dubju, Jehovah “bil-​ħila tiegħu għamel l-​art.” (Ġeremija 10:12) Il-​qawwa t’Alla hija evidenti anki fl-​iktar affarijiet żgħar li ħalaq. Per eżempju, miljun atomu mpoġġijin wieħed ħdejn l-​ieħor ma jiġux eħxen minn xagħra taʼ bniedem. U anki jekk atomu kellu jitkabbar sakemm ikun għoli daqs binja t’14-​il sular, in-​nukleu tiegħu jkun sempliċement daqs farka melħ waħda fis-​seba’ sular. Madankollu, dak in-​nukleu daqs naqra huwa s-​sors tal-​qawwa immensa u tal-​biżaʼ li toħroġ fi splużjoni nukleari!

“Kull ma Jieħu Nifs”

15. Billi tkellem dwar diversi annimali salvaġġi, Jehovah liema lezzjoni ta lil Ġob?

15 Prova ċara oħra tal-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah tinsab fl-​abbundanza t’annimali li jgħixu fuq l-​art. Salm 148 isemmi ħafna mill-​affarijiet li jfaħħru lil Jehovah, u vers 10 jinkludi lill-​“bhejjem selvaġġi u l-​annimali kollha.” Biex juri għala l-​bniedem għandu jkollu riverenza profonda lejn il-​Ħallieq, Jehovah darba kellem lil Ġob dwar annimali bħall-​iljun, il-​ħmar salvaġġ, il-​gendus salvaġġ, l-​ippopotamu, u l-​kukkudrill. X’punt ried joħroġ? Li jekk il-​bniedem jistagħġeb u jibżaʼ minn dawn il-​ħlejjaq b’saħħithom, li jbeżżgħu, u li ma jistgħux jiġu mmansati, mela kif għandu jħossu dwar il-​Ħallieq tagħhom?—Ġob, kapitli 38-​41.

16. X’jimpressjonak dwar xi wħud mill-​għasafar li ħalaq Jehovah?

16 Salm 148:10 jsemmi wkoll “l-​għasafar li jtiru.” Aħseb ftit kemm hemm varjetajiet! Jehovah kellem lil Ġob dwar in-​nagħma, li “tisfida liż-​żiemel u r-​rikkieb.” Tabilħaqq, huwa minnu li dan l-​għasfur twil żewġ metri u nofs ma jtirx, imma jistaʼ jiġri 65 kilometru fis-​siegħa, u f’pass wieħed jistaʼ jagħmel erba’ metri u nofs! (Ġob 39:13, 18) Mill-​banda l-​oħra, l-​albatru jqattaʼ l-​parti kbira minn ħajtu jittajjar fuq l-​ibħra. Il-​wisa’ taʼ ġwinħajh minn naħa s’oħra hija taʼ xi 3 metri u dan l-​għasfur għandu l-​abbiltà naturali li jittajjar ħelu ħelu mal-​kurrenti t’arja sħuna. Kapaċi jżomm fl-​ajru għal sigħat sħaħ mingħajr ma jħabbat ġwinħajh. B’kuntrast ma’ dan, hemm il-​bee hummingbird b’tul taʼ ħames ċentimetri biss, l-​iżgħar għasfur fid-​dinja. Jistaʼ jħabbat ġwinħajh sa 80 darba fis-​sekonda! Il-​hummingbird, ileqq donnu xi ġojjell bil-​ġwienaħ, jistaʼ jibqaʼ mdendel fl-​ajru bħall-​ħelikopters u saħansitra jtir b’lura.

17. Kemm hija kbira l-​baliena l-​kaħla, u għal liema konklużjoni ovvja għandna naslu wara li nqisu l-​annimali li ħalaq Jehovah?

17 Salm 148:7 jgħid li anki l-​“mostri tal-​baħar” ifaħħru lil Jehovah. Ikkunsidra dak li ħafna jemmnu li hu l-​akbar annimal li qatt għex fuq din il-​pjaneta, il-​baliena l-​kaħla. Dan il-​“mostru” li jgħix fil-​fond jistaʼ jikber sa 30 metru jew iktar. Jistaʼ jiżen daqs 30 iljunfant adult. Biss biss, ilsien il-​baliena jiżen daqs iljunfant wieħed. Għandha qalbha daqs karozza żgħira. Dan l-​organu enormi jħabbat 9 darbiet biss fil-​minuta—b’kuntrast ma’ qalb il-​hummingbird, li tistaʼ tħabbat ma’ l-​1,200 darba fil-​minuta. Il-​baliena l-​kaħla għandha mill-​inqas waħda mill-​vini tad-​demm tant kbira li tifel żgħir jistaʼ jidħol jitkaxkar ġo fiha. Żgur li qlubna jqanqluna biex nirrepetu dak li nsibu li hemm f’għeluq il-​ktieb tas-​Salmi: “Kull ma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-​Mulej!”—Salm 150:6.

Nitgħallmu mill-​Qawwa Kreattiva taʼ Jehovah

18, 19. Kemm huma varjati l-​affarijiet ħajjin li Jehovah għamel fuq din l-​art, u l-​ħolqien x’jgħallimna dwar is-​sovranità tiegħu?

18 X’nitgħallmu minn kif Jehovah juża l-​qawwa kreattiva tiegħu? Aħna nibqgħu mistagħġbin bil-​varjetà li hemm fil-​ħolqien. Wieħed mis-​salmisti esklama: “Kemm huma kotrana l-​għemejjel tiegħek, Mulej! . . . Mimlija l-​art bil-​ħlejjaq tiegħek.” (Salm 104:24) Kemm huwa veru dan! Il-​bijoloġi identifikaw ħafna iktar minn miljun speċi t’affarijiet ħajjin fuq l-​art; madankollu, l-​opinjonijiet ivarjaw u oħrajn jaħsbu li jistaʼ jkun hemm 10 miljuni, 30 miljun, jew iktar. Artist uman għandu mnejn isib li xi kultant ma jibqagħlux kreattività. B’kuntrast, huwa ovvju li l-​kreattività taʼ Jehovah—il-​qawwa li jivvinta u joħloq affarijiet ġodda u differenti—ma tispiċċa qatt.

19 Il-​mod kif Jehovah juża l-​qawwa kreattiva tiegħu jgħallimna dwar is-​sovranità tiegħu. L-​istess kelma “Ħallieq” tifred lil Jehovah minn kwalunkwe ħaġa oħra fl-​univers, li huwa kollu “ħolqien.” Anki l-​Iben uniġenitu taʼ Jehovah, li qeda bħala “ħaddiem tas-​sengħa” matul il-​ħolqien, fil-​Bibbja qatt ma jissejjaħ Ħallieq. (Proverbji 8:30, NW; Mattew 19:4) Minflok, hu jissejjaħ “il-​kbir fost il-​ħlejjaq kollha.” (Kolossin 1:15) Il-​pożizzjoni taʼ Jehovah bħala l-​Ħallieq tagħtih id-​dritt fih innifsu li jeżerċita qawwa sovrana totali fuq l-​univers kollu.—Rumani 1:20; Apokalissi 4:11.

20. Jehovah f’liema sens waqaf minn mindu lesta l-​ħolqien tiegħu fuq l-​art?

20 Waqaf Jehovah jeżerċita l-​qawwa kreattiva tiegħu? Sewwa, il-​Bibbja tgħid li meta Jehovah lesta mix-​xogħol kreattiv tiegħu fis-​sitt jum taʼ ħolqien, hu “waqaf fis-​seba’ jum mix-​xogħol tiegħu li kien għamel.” (Ġenesi 2:2) L-​appostlu Pawlu indika li dan is-​seba’ “jum” huwa twil eluf taʼ snin, għax kien għadu għaddej fi żmienu. (Lhud 4:3-​6) Iżda l-​fatt li “waqaf” ifisser illi Jehovah waqaf jaħdem għalkollox? Le, Jehovah qatt ma jieqaf jaħdem. (Salm 92:5 [92:4, NW]; Ġwanni 5:17) Mela dan il-​waqfien, jew mistrieħ, bilfors li jirreferi sempliċement għall-​waqfien tiegħu mix-​xogħol taʼ ħolqien fiżiku inkwantu għall-​art. Madankollu, ix-​xogħol li jwettaq l-​iskopijiet tiegħu baqaʼ għaddej bla waqfien. Dan ix-​xogħol inkluda l-​ispirazzjoni taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa. Xogħlu saħansitra involva li jipproduċi “ħolqien ġdid,” li se jiġi diskuss f’Kapitlu 19.—2 Korintin 5:17.

21. Il-​qawwa kreattiva taʼ Jehovah kif se teffettwa lill-​bnedmin leali għall-​eternità?

21 Meta finalment jum il-​mistrieħ taʼ Jehovah jasal fi tmiemu, hu jkun jistaʼ jgħid dwar ix-​xogħol kollu li jkun għamel fuq l-​art bħala li hu “tajjeb ħafna,” l-​istess bħalma kien għamel meta ntemmu s-​sitt ijiem taʼ ħolqien. (Ġenesi 1:31) Għad irridu naraw kif hu se jagħżel li jeżerċita l-​qawwa kreattiva bla limitu tiegħu wara li jiġri dan kollu. Jiġri x’jiġri, nistgħu nibqgħu ċerti li se nkomplu naffaxxinaw ruħna bil-​mod kif Jehovah juża l-​qawwa kreattiva. Matul l-​eternità kollha, se nitgħallmu iktar dwar Jehovah permezz tal-​ħolqien tiegħu. (Koħèlet 3:11) Iktar ma nitgħallmu dwaru, iktar se ssir profonda r-​riverenza tagħna lejh—u iktar se nersqu qrib lejn il-​Ħallieq Grandjuż tagħna.

^ par. 2 Biex tieħu idea taʼ dan in-​numru ġgantesk, aħseb dwar dan: Li kieku kellek tagħmel dik id-​distanza bil-​karozza—anki jekk tkun għaddej b’160 kilometru fis-​siegħa, 24 siegħa kuljum—iddum iktar minn mitt sena biex tasal!

^ par. 6 Xi wħud jaħsbu li n-​nies tal-​qedem fi żminijiet Bibliċi bilfors li użaw xi għamla primittiva taʼ teleskopju. Huma jirraġunaw li jekk ma kienx hekk, kif setgħu n-​nies taʼ dakinhar ikunu jafu li mill-​ħarsa tal-​bniedem l-​għadd taʼ kwiekeb hu kbir immens u ma jistax jingħadd? Spekulazzjoni bla bażi bħal din tħalli barra lil Jehovah, l-​Awtur tal-​Bibbja.—2 Timotju 3:16.

^ par. 7 Ikkunsidra kemm jiħodlok żmien li kellek biss tgħodd 100 biljun kewkba. Li kieku tkun kapaċi tgħodd waħda ġdida kull sekonda—u tibqaʼ sejjer hekk 24 siegħa kuljum—iddum tgħodd 3,171 sena!