Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 12

“Alla hu inġust?”

“Alla hu inġust?”

1. Kif nistgħu niġu effettwati meta ssir xi inġustizzja?

 XI ĦADD iqarraq b’armla anzjana u jiħdilha l-​flus kollha li faddlet tul ħajjitha. Tarbija fraġli tiġi abbandunata minn omm bla qalb. Raġel jintefaʼ l-​ħabs għal delitt li m’għamilx. Kif tirreaġixxi għal sitwazzjonijiet bħal dawn? X’aktarx li lkoll kemm huma jagħmlulek id-​dwejjaq, u bir-​raġun. Aħna l-​bnedmin għandna sens qawwi taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Meta ssir xi inġustizzja, inħossuna rrabjati ferm. Inkunu rridu li l-​vittma tieħu l-​ħlas xieraq u min għamel l-​inġustizzja jieħu l-​kastig. Meta ma jsirx hekk, nistgħu nistaqsu: ‘Alla qiegħed jara x’inhu jiġri? Għala m’hu qed jagħmel xejn?’

2. Ħabakkuk kif irreaġixxa għall-​inġustizzja, u Jehovah għala ma kkritikahx għal dan?

2 Matul l-​istorja, il-​qaddejja leali taʼ Jehovah staqsew mistoqsijiet simili. Per eżempju, il-​profeta Ħabakkuk talab lil Alla: “Għala tħallini nara inġustizzja daqshekk terribbli? Għala tippermetti li l-​vjolenza, il-​ksur tal-​liġi, il-​kriminalità, u l-​krudeltà jinfirxu ma’ kullimkien?” (Ħabakkuk 1:3, Contemporary English Version) Jehovah ma kkritikahx lil Ħabakkuk talli għamel din il-​mistoqsija diretta, għax Hu kien li poġġa l-​istess idea taʼ ġustizzja fil-​bnedmin. Iva, Jehovah berikna b’naqra mis-​sens profond tiegħu taʼ ġustizzja.

Jehovah Jobgħod l-​Inġustizzja

3. Għala jistaʼ jingħad li Jehovah huwa konxju taʼ l-​inġustizzja iktar minna?

3 Jehovah m’huwiex wieħed li ma jafx bl-​inġustizzji li jsiru. Hu jara xi jkun għaddej. Dwar żmien Noè, il-​Bibbja tgħidilna: “Il-​Mulej ra li l-​ħażen tal-​bnedmin kien kiber fuq l-​art; u f’qalbu ma kienx għajr li jfassal il-​ħażen il-​jum kollu.” (Ġenesi 6:5) Ikkunsidra xi jfisser dan il-​kliem. Taʼ spiss, il-​mod kif nifhmu l-​inġustizzja aħna jkun ibbażat fuq xi ftit ġrajjiet li nkunu smajna dwarhom jew ġarrabna personalment. B’kuntrast ma’ dan, Jehovah huwa konxju taʼ l-​inġustizzja li ssir madwar id-​dinja. Hu jaraha kollha! Iktar minn hekk, hu jistaʼ jifhem dak li jkun hemm fil-​qalb—il-​ħsibijiet baxxi li jqanqlu l-​atti taʼ inġustizzja.—Ġeremija 17:10.

4, 5. (a) Il-​Bibbja kif turi li Jehovah jimpurtah minn dawk li ġew trattati b’mod inġust? (b) Jehovah innifsu kif intlaqat mill-​inġustizzja?

4 Imma Jehovah ma jinnotax l-​inġustizzja u daqshekk. Hu jimpurtah ukoll minn dawk li jkunu waqgħu vittma tagħha. Meta l-​poplu tiegħu ġie trattat b’kattiverija mill-​ġnus għedewwa, Jehovah tnikket bil-​“krib tagħhom minħabba dawk li kienu jaħqruhom u jgħakksuhom.” (Mħallfin 2:18) Forsi nnotajt li iktar ma n-​nies jaraw inġustizzji, iktar qishom irabbu l-​kallu. Jehovah mhux hekk! Hu ilu mas-​6,000 sena jara l-​inġustizzja f’kull tip u għamla, u xorta waħda għadu jobgħodha bl-​istess mod. Fil-​fatt, il-​Bibbja tiżgurana li affarijiet bħalma huma “lsien giddieb,” “idejn li jxerrdu demm bla ħtija,” u “fomm li jixhed bil-​qerq il-​gideb” huma affarijiet li hu jistmerrhom.—Proverbji 6:16-​19.

5 Ikkunsidra wkoll kif Jehovah ikkritika bl-​aħrax lill-​mexxejja inġusti taʼ Iżrael. Hu nebbaħ lill-​profeta tiegħu biex jistaqsihom: “M’hux lilkom imiss li tagħrfu l-​ġustizzja?” Wara li ddeskriva fid-​dettall l-​abbuż tagħhom tal-​poter, Jehovah bassar ir-​riżultat għal dawn l-​irġiel korrotti: “Jgħajjtu lill-​Mulej. Iżda hu ma jweġibhomx; hu jaħbi wiċċu minnhom f’dak iż-​żmien, talli kull ma għamlu għamluh ħażin.” (Mikea 3:1-​4) Kemm ma jistax għaliha Jehovah l-​inġustizzja! U bir-​raġun, għax hu nnifsu ġarrabha personalment! Satana ilu eluf taʼ snin jgħajru b’mod inġust. (Proverbji 27:11) Iktar minn hekk, Jehovah intlaqat mill-​iktar att orribbli taʼ inġustizzja meta Ibnu, li “ma kien għamel ebda dnub,” inqatel bħala kriminal. (1 Pietru 2:22; Isaija 53:9) Jidher ċar li Jehovah m’huwiex wieħed li ma jafx bis-​sitwazzjoni kerha taʼ dawk li jsofru l-​inġustizzja u li ma jimpurtahx minnhom.

6. Kif għandna mnejn nirreaġixxu meta niffaċċjaw xi inġustizzja, u għala?

6 Madankollu, meta naraw xi inġustizzja—jew meta aħna stess ma niġux trattati bil-​fier—huwa naturali li nirrabjaw. Aħna magħmulin fuq ix-​xbieha t’Alla, u l-​inġustizzja hija totalment il-​kuntrarju taʼ dak kollu li Jehovah jirrappreżenta. (Ġenesi 1:27) Allura, Alla għala jippermetti l-​inġustizzja?

Il-​Kwistjoni tas-​Sovranità t’Alla

7. Iddeskrivi kif is-​sovranità taʼ Jehovah ġiet sfidata.

7 It-​tweġiba għal din il-​mistoqsija għandha x’taqsam mal-​kwistjoni tas-​sovranità. Bħalma rajna, il-​Ħallieq għandu d-​dritt li jaħkem fuq l-​art u fuq dawk kollha li jgħixu fiha. (Salm 24:1; Apokalissi 4:11) Imma, fil-​bidu taʼ l-​istorja umana, is-​sovranità taʼ Jehovah ġiet sfidata. Dan kif ġara? Jehovah ikkmanda lill-​ewwel bniedem, Adam, biex ma jikolx minn siġra partikulari fil-​ġnien li kien id-​dar tiegħu f’għamla taʼ Ġenna taʼ l-​art. U jekk ma jobdix? “Żgur li tmut,” qallu Alla. (Ġenesi 2:17) Il-​kmand t’Alla ma kienx aħrax għal Adam jew martu, Eva. Madankollu, Satana kkonvinċa lil Eva li Alla kien restrittiv iżżejjed. X’kien se jiġri li kieku kellha tiekol mill-​frott tas-​siġra? Satana qal lil Eva bla tlaqliq: “Żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dak in-​nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-​tajjeb u l-​ħażin.”—Korsiv tagħna; Ġenesi 3:1-​5.

8. (a) Satana x’implika b’dak li qal lil Eva? (b) Satana xi sfida għamel fejn tidħol is-​sovranità t’Alla?

8 B’dak li qal, Satana mhux biss kien qed jimplika li Jehovah naqas li jagħti informazzjoni meħtieġa lil Eva imma wkoll li Hu kien gidbilha. Satana qagħad attent li ma jpoġġix f’dubju l-​fatt li Alla hu sovran. Imma hu sfida d-​dritt li Alla kellu biex ikun sovran, jekk kienx jixraqlu, u jekk kinitx ħaġa sewwa. Fi kliem ieħor, hu sostna li Jehovah ma kienx qed juża s-​sovranità Tiegħu b’mod ġust u fl-​aħjar interessi tas-​sudditi Tiegħu.

9. (a) Għal Adam u Eva, x’kienet il-​konsegwenza tad-​diżubbidjenza, u liema mistoqsijiet vitali qamu minħabba f’hekk? (b) Jehovah għala ma qabadx u qered lir-​ribelli?

9 Wara dan, kemm Adam kif ukoll Eva m’obdewx lil Jehovah u kielu mis-​siġra projbita. Minħabba d-​diżubbidjenza tagħhom, huma kellhom jieħdu l-​kastig tal-​mewt, eżatt bħalma kien qal Alla. Il-​gidba taʼ Satana qajmet xi mistoqsijiet vitali. Veru li Jehovah għandu d-​dritt li jaħkem fuq il-​bnedmin, jew għandu l-​bniedem jaħkem lilu nnifsu? Juża Jehovah is-​sovranità tiegħu bl-​aħjar mod possibbli? Jehovah setaʼ uża l-​qawwa assoluta tiegħu biex jeqred lir-​ribelli dak il-​ħin stess. Imma l-​mistoqsijiet li qamu kellhom x’jaqsmu ma’ l-​istat t’Alla bħala ħakkiem, mhux mal-​qawwa tiegħu. Allura billi jeqred lil Adam, lil Eva, u lil Satana ma kienx se jintwera ċar li kienet ħaġa sewwa li Alla jaħkem. Dan pjuttost setaʼ jkompli jqajjem dubji dwaru bħala ħakkiem. L-​uniku mod biex jintwera jekk il-​bnedmin setgħux jaħkmu lilhom infushom b’suċċess, indipendenti minn Alla, kien billi jħalli ż-​żmien jagħti parir.

10. L-​istorja xi wriet rigward il-​ħakma mill-​bniedem?

10 Iż-​żmien x’wera? Matul l-​eluf taʼ snin li għaddew, in-​nies esperimentaw b’ħafna tipi taʼ gvernijiet, fosthom l-​awtokrazija, id-​demokrazija, is-​soċjaliżmu, u l-​komuniżmu. Ir-​riżultat tagħhom kollha jinġabar fil-​kumment ċar u tond tal-​Bibbja: “Bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-​ħsara.” (Koħèlet 8:9) Kellu raġun il-​profeta Ġeremija jgħid: “Jien naf, Mulej, triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-​passi tiegħu.”—Ġeremija 10:23.

11. Jehovah għala ħalla r-​razza umana tgħaddi mit-​tbatija?

11 Jehovah kien jaf mill-​bidunett li l-​indipendenza tal-​bniedem, jew il-​ħakma fuqu nnifsu, kienet se tirriżulta f’ħafna tbatija. Mela, kien hu inġust li ħalla din il-​ħaġa ssir ladarba żgur ma kinitx se tirnexxi? Lanqas xejn! Biex nagħtu eżempju: Nagħmlu mod għandek tifel li għandu bżonn operazzjoni biex ifiq minn marda li hija taʼ periklu għal ħajtu. Int taf li bl-​operazzjoni t-​tifel se jbati ftit, u dan inikktek ħafna. Fl-​istess ħin, taf li permezz taʼ din il-​proċedura t-​tifel se jgawdi saħħa aħjar iktar ’il quddiem f’ħajtu. B’mod simili, Alla kien jaf—saħansitra bassar—li r-​riżultat tal-​ħakma umana li ppermetta kien se jkun ħafna wġigħ u tbatija. (Ġenesi 3:16-​19) Imma kien jaf ukoll li s-​serħan dejjiemi u taʼ veru setaʼ jkun possibbli biss jekk kien se jippermetti lill-​bnedmin kollha jaraw il-​frott ħażin li tipproduċi r-​ribelljoni. B’dan il-​mod il-​kwistjoni setgħet tinqataʼ darba għal dejjem, għall-​eternità kollha.

Il-​Kwistjoni taʼ l-​Integrità tal-​Bniedem

12. Bħalma jidher mill-​każ taʼ Ġob, liema akkuża għamel Satana kontra l-​bnedmin?

12 Hemm aspett ieħor f’din il-​ħaġa. Meta sfida d-​dritt u s-​sewwa tal-​ħakma t’Alla, Satana mhux biss xela lil Jehovah inkwantu għas-​sovranità Tiegħu; hu xela wkoll lill-​qaddejja t’Alla fejn tidħol l-​integrità tagħhom. Innota, per eżempju, x’qal Satana lil Jehovah dwar ir-​raġel ġust Ġob: “Forsi int ma bnejtx ħajt madwaru u madwar daru, u madwar kull ma għandu kif iddur? Berikt kull ma għamlu jdejh, u ġidu kotor ma’ l-​art kollha kemm hi. Imma midd idek u olqot kull ma għandu, u tara jekk jisħtekx f’wiċċek.”—Ġob 1:10, 11.

13. Satana x’implika bl-​akkużi tiegħu dwar Ġob, u dan kif jinvolvi lill-​bnedmin kollha?

13 Satana sostna li Jehovah kien qed juża l-​qawwa protettiva Tiegħu biex jixtri d-​devozzjoni taʼ Ġob. Allura dan kien jimplika wkoll li l-​integrità taʼ Ġob kienet biss finta, li hu kien iqim lil Alla sempliċement għal dak li kien jistaʼ jikseb lura. Satana saħaq li jekk Ġob ma jirċivix il-​barka t’Alla, anki dan ir-​raġel kien se jisħet lill-​Ħallieq tiegħu. Satana kien jaf li Ġob kien jispikka bħala bniedem “perfett u tajjeb, jibżaʼ minn Alla u mbiegħed mill-​ħażen.” * Mela jekk Satana kien se jirnexxilu jikser l-​integrità taʼ Ġob, xi ngħidu għall-​bqija taʼ l-​umanità? B’hekk, Satana fil-​fatt kien qed ipoġġi f’dubju l-​lealtà taʼ dawk kollha li jridu jaqdu lil Alla. Tabilħaqq, billi kompla jkabbar il-​kwistjoni, Satana qal lil Jehovah: “Il-​bniedem [mhux Ġob biss] jagħti kull ma jkollu għal ħajtu!”—Korsiv tagħna; Ġob 1:8; 2:4.

14. L-​istorja xi wriet rigward l-​akkuża taʼ Satana kontra l-​bnedmin?

14 L-​istorja wriet li ħafna, bħal Ġob, baqgħu leali lejn Jehovah anki meta ffaċċjaw il-​provi—kuntrarju għal dak li saħaq Satana. Dawn ferrħu qalb Jehovah bil-​fedeltà li wrew f’ħajjithom, u b’hekk Jehovah setaʼ jagħti tweġiba lil Satana li bi kburija għajru li l-​bnedmin jieqfu jaqdu lil Alla meta jħabbtu wiċċhom mad-​diffikultajiet. (Lhud 11:4-​38) Iva, nies taʼ qalbhom retta rrifjutaw li jagħtu daharhom lil Alla. Anki meta ffaċċjaw sitwazzjonijiet mill-​agħar, huma iktar u iktar straħu fuq Jehovah biex jagħtihom is-​saħħa ħalli jissaportu.—2 Korintin 4:7-​10.

15. Liema mistoqsija tistaʼ tqum rigward il-​ġudizzji t’Alla fil-​passat u fil-​futur?

15 Imma Jehovah ma weriex il-​ġustizzja fil-​kwistjonijiet tas-​sovranità tiegħu u taʼ l-​integrità tal-​bniedem biss. Il-​Bibbja tipprovdilna tagħrif bil-​miktub dwar il-​ġudizzji taʼ Jehovah f’konnessjoni ma’ individwi u saħansitra ġnus sħaħ. Fiha wkoll profeziji taʼ ġudizzji li se jwettaq fil-​futur. Għala jistaʼ jkollna l-​fiduċja li Jehovah kien u se jkun ġust fil-​ġudizzji tiegħu?

Għala l-​Ġustizzja t’Alla Hija Superjuri

Jehovah qatt m’hu ‘se jeqred it-tajjeb mal-ħażin’

16, 17. Liema eżempji juru li l-​bnedmin għandhom ħarsa limitata fejn tidħol il-​ġustizzja vera?

16 Dwar Jehovah, jistaʼ bix-​xieraq jintqal: “Ilkoll ġusti t-​triqat tiegħu.” (Dewteronomju 32:4) Ħadd minna ma jistaʼ jgħid hekk dwaru nnifsu, għax taʼ spiss il-​ħarsa limitata tagħna ma tħalliniex naraw ċar x’inhu sewwa. Per eżempju, ħu lil Abraham. Hu talab bil-​ħniena lil Jehovah dwar il-​qerda taʼ Sodoma—minkejja l-​ħażen kbir li kien hemm fiha. Hu staqsa lil Jehovah: “Int se teqred it-​tajjeb mal-​ħażin?” (Ġenesi 18:23-​33) M’għandniex xi ngħidu, it-​tweġiba kienet le. Kien biss meta r-​raġel ġust Lot u wliedu bniet waslu qawwijin u sħaħ fil-​belt taʼ Sogħar li Jehovah “bagħat . . . xita taʼ kubrit u nar” fuq Sodoma. (Ġenesi 19:22-​24) B’kuntrast ma’ dan, Ġona “inkorla” meta Alla wera ħniena man-​nies taʼ Ninwè. Peress li Ġona kien laħaq ħabbar il-​qerda tagħhom, hu kien ikun kuntent li jarahom jinqerdu—minkejja l-​indiema tagħhom mill-​qalb.—Ġona 3:10–4:1.

17 Jehovah żgura lil Abraham li Hu ma jagħmilx ġustizzja biss billi jeqred lill-​ħżiena imma wkoll billi jsalva lill-​ġusti. Mill-​banda l-​oħra, Ġona kellu jitgħallem li Jehovah huwa ħanin. Jekk il-​ħżiena jibdlu triqathom, hu ‘lest biex jaħfer.’ (Salm 86:5, ) Jehovah, kuntrarju għal xi bnedmin li huma inċerti minnhom infushom, ma jaqtax ġudizzju aħrax sempliċement biex jagħti l-​impressjoni li għandu l-​poter, u lanqas ma jżomm lura milli juri l-​mogħdrija għax jibżaʼ li jitqies bħala dgħajjef. Il-​metodu tiegħu hu li juri l-​ħniena kulmeta jkun hemm bażi għaliha.—Isaija 55:7; Eżekjel 18:23.

18. Uri mill-​Bibbja li Jehovah ma jaġixxix sempliċement skond is-​sentimenti.

18 Madankollu, Jehovah ma jħallix sempliċi sentimenti jagħmuh. Meta l-​poplu tiegħu involva ruħu sew fl-​idolatrija, Jehovah iddikjara b’mod sod: “Nagħmel ħaqq minnek skond imġibtek u nwaddab fuqek qżiżijietek kollha. Għajnejja ma jitħassrukx; jien ma nħennx għalik! Għax inwaddab imġibtek fuqek.” (Eżekjel 7:3, 4) Għalhekk, meta l-​bnedmin iwebbsu rashom fi mġibithom, Jehovah jiġġudikahom skond ma jkun ħaqqhom. Imma l-​ġudizzju tiegħu huwa bbażat fuq evidenza soda. B’hekk, meta semaʼ “l-​għajta qawwija” rigward Sodoma u Gomorra, Jehovah qal: “Se ninżel u nara jekk għamlux għalkollox skond l-​għajta tagħhom li waslet għandi.” (Ġenesi 18:20, 21) Kemm nistgħu nkunu grati li Jehovah m’huwiex bħal ħafna nies li jaqbdu u jiġġudikaw qabel ma jisimgħu l-​fatti kollha! Tassew li Jehovah huwa bħalma tiddeskrivih il-​Bibbja, “Alla taʼ kelmtu u [“li miegħu m’hemm ebda inġustizzja,” NW].”—Dewteronomju 32:4.

Afda fil-​Ġustizzja taʼ Jehovah

19. X’nistgħu nagħmlu jekk ikollna xi mistoqsijiet li jħawduna dwar il-​mod kif Jehovah juża l-​ġustizzja?

19 Il-​Bibbja ma twiġibx kull mistoqsija dwar l-​azzjonijiet taʼ Jehovah fil-​passat; lanqas ma tipprovdi kull dettall dwar kif Jehovah se jiġġudika lil individwi u gruppi fil-​futur. Meta jħawduna ċerti rakkonti jew profeziji fil-​Bibbja li ma jkunx fihom dawn id-​dettalji, nistgħu nuru l-​istess lealtà li wera l-​profeta Mikea, li kiteb: “Nistenna ’l Alla tas-​salvazzjoni tiegħi.”—Mikea 7:7.

20, 21. Għala jistaʼ jkollna l-​fiduċja li Jehovah dejjem se jagħmel dak li hu sewwa?

20 Jistaʼ jkollna l-​fiduċja li f’kull sitwazzjoni, Jehovah se jagħmel dak li hu sewwa. Anki meta l-​inġustizzji jkunu jidhru li qed jiġu injorati mill-​bniedem, Jehovah iwiegħed: “Għalija l-​vendetta, jiena nħallas.” (Rumani 12:19) Jekk nuru attitudni taʼ stennija, se jkollna l-​istess konvinzjoni soda li esprima l-​appostlu Pawlu: “Alla hu inġust? Jalla qatt ma jiġri dan.”—Rumani 9:14, NW.

21 Sadanittant, aħna qed ngħixu fi “żmien iebes.” (2 Timotju 3:1) L-​inġustizzja u “l-​moħqrijiet” wasslu għal ħafna abbużi krudili. (Koħèlet 4:1) Madankollu, Jehovah ma nbidilx. Hu għadu jobgħodha l-​inġustizzja, u jimpurtah ferm minn dawk li huma l-​vittmi tagħha. Jekk nibqgħu leali lejn Jehovah u s-​sovranità tiegħu, hu se jagħtina s-​saħħa biex nissaportu sakemm jasal il-​waqt li jirranġa l-​inġustizzji kollha taħt il-​ħakma tas-​Saltna tiegħu.—1 Pietru 5:6, 7.

^ par. 13 Jehovah qal dwar Ġob: “Ma hawnx ieħor bħalu fid-​dinja.” (Ġob 1:8) Mela, x’aktarx li Ġob għex wara li miet Ġużeppi u qabel ma Mosè nħatar mexxej taʼ Iżrael. B’hekk, dak iż-​żmien setaʼ jintqal li ħadd ma kellu integrità bħal dik taʼ Ġob.