Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 14

Ġeħova jipprovdi “fidwa għall-kotra”

Ġeħova jipprovdi “fidwa għall-kotra”

1, 2. Il-​Bibbja kif tiddeskrivi l-​qagħda tal-​bnedmin, u x’inhi l-​unika soluzzjoni?

 “IL-​ĦOLQIEN kollu għadu . . . jitniehed bl-​uġigħ.” (Rumani 8:22) B’dan il-​kliem l-​appostlu Pawlu jiddeskrivi l-​qagħda msejkna li ninsabu fiha. Mill-​ħarsa tal-​bniedem, jidher li m’hemm l-​ebda soluzzjoni għat-​tbatija, id-​dnub, u l-​mewt. Imma Jehovah m’għandux limitazzjonijiet bħal taʼ bniedem. (Numri 23:19) L-​Alla tal-​ġustizzja pprovdielna soluzzjoni għall-​inkwiet tagħna. Din tissejjaħ il-​fidwa.

2 Il-​fidwa hija l-​akbar rigal li Jehovah ta lill-​bnedmin. Permezz tagħha nistgħu ninħelsu mid-​dnub u l-​mewt. (Efesin 1:7) Hija l-​pedament tat-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem, sew jekk fis-​sema u sew jekk fuq art magħmula ġenna. (Luqa 23:43; Ġwanni 3:16; 1 Pietru 1:4) Imma x’inhi l-​fidwa eżattament? Din kif tgħallimna dwar il-​ġustizzja suprema taʼ Jehovah?

Kif Inħoloq il-​Bżonn għal Fidwa

3. (a) Il-​fidwa għala saret neċessarja? (b) Alla għala ma setax sempliċement jibdel il-​piena tal-​mewt għan-​nisel taʼ Adam?

3 Il-​fidwa saret neċessarja minħabba d-​dnub taʼ Adam. Billi m’obdiex lil Alla, Adam ħalla lil nislu wirt taʼ mard, niket, uġigħ, u mewt. (Ġenesi 2:17; Rumani 8:20, 21a [8:20, NW]) Alla ma setax iċedi għas-​sentimenti u sempliċement jagħżel kastig inqas aħrax mill-​piena tal-​mewt. Li kieku għamel hekk kien se jkun qed jinjora l-​liġi tiegħu stess: “Il-​ħlas tad-​dnub hu l-​mewt.” (Rumani 6:23) U kieku Jehovah kellu jġib fix-​xejn il-​livelli tiegħu stess taʼ ġustizzja, imbagħad ma kienx ikun hawn ħlief taħwid u ksur taʼ liġi fl-​univers kollu!

4, 5. (a) Satana kif immalafama lil Alla, u Jehovah għala kien obbligat iwieġeb dawk l-​isfidi? (b) Liema akkuża għamel Satana rigward il-​qaddejja leali taʼ Jehovah?

4 Bħalma rajna f’Kapitlu 12, l-​irvell fl-​Għeden qajjem kwistjonijiet saħansitra akbar. Satana tefaʼ dell ikrah fuq l-​isem tajjeb t’Alla. Fil-​fatt, hu akkuża lil Jehovah li hu giddieb u dittatur kattiv li jċaħħad lill-​ħlejjaq tiegħu mil-​libertà. (Ġenesi 3:1-​5) Billi donnu fixkel l-​iskop t’Alla li l-​art timtela bi bnedmin ġusti, Satana akkuża wkoll lil Alla li kulma jagħmel ifallilu. (Ġenesi 1:28; Isaija 55:10, 11) Kieku Jehovah baqaʼ ma weġibx dawn l-​isfidi, ħafna mill-​ħlejjaq intelliġenti tiegħu kellhom mnejn jitilfu ħafna mill-​fiduċja tagħhom fil-​ħakma tiegħu.

5 Satana mmalafama wkoll lill-​qaddejja leali taʼ Jehovah, u akkużahom li huma jaqdu lil Alla biss minħabba motivi egoistiċi u li jekk isibu ruħhom taħt pressjoni, ħadd minnhom ma jibqaʼ leali Lejh. (Ġob 1:9-​11) Dawn il-​kwistjonijiet kienu ħafna iktar importanti mis-​sitwazzjoni diffiċli li kienu se jsibu ruħhom fiha l-​bnedmin. Jehovah bix-​xieraq ħassu obbligat iwieġeb l-​akkużi taʼ malafama li għamel Satana. Imma Alla kif setaʼ jsolvi dawn il-​kwistjonijiet kif ukoll isalva lill-​bnedmin?

Il-​Fidwa—Valur Indaqs

6. Liema huma xi espressjonijiet fil-​Bibbja li jiddeskrivu l-​mezz li uża Alla biex isalva lill-​bnedmin?

6 Is-​soluzzjoni taʼ Jehovah kienet kemm ħanina b’mod suprem kif ukoll ġusta ferm—soluzzjoni li l-​ebda bniedem ma setaʼ qatt jasal għaliha. Madankollu, kienet verament sempliċi. Tissejjaħ b’diversi modi, bħal per eżempju xiri, tħabbib mill-​ġdid, tpattija, u ħlas. (Danjel 9:24; Galatin 3:13, NW; Kolossin 1:20; Lhud 2:17) Imma l-​espressjoni li forsi tiddeskrivi l-​affarijiet bl-​aħjar mod hija dik li uża Ġesù nnifsu. Hu qal: ‘Bin il-​bniedem . . . ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa [Grieg, lyʹtron] għall-​kotra.’—Mattew 20:28.

7, 8. (a) Il-​kelma “fidwa” xi tfisser fl-​Iskrittura? (b) Il-​fidwa b’liema mod tinvolvi valur indaqs?

7 Fidwa x’inhi? Il-​kelma Griega użata hawn ġejja minn verb li jfisser “li tħoll, li teħles.” Din il-​kelma kienet tintuża biex tiddeskrivi l-​flus li kienu jitħallsu ħalli jpattu għall-​ħelsien tal-​priġunieri tal-​gwerra. Mela, bażikament fidwa tistaʼ titfisser bħala xi ħaġa mħallsa biex tinxtara xi ħaġa lura. Fl-​Iskrittura Ebrajka, il-​kelma għal “fidwa” (koʹpher) ġejja minn verb li jfisser “li tgħatti.” Per eżempju, Alla qal lil Noè li kellu ‘jidlek’ [Ebrajk, ‘jgħatti’] l-​arka bil-​qatran. (Ġenesi 6:14) Dan jgħinna nifhmu illi li tifdi jfisser ukoll ‘li taħfer’ [Ebrajk, ‘tgħatti’] id-​dnubiet.—Salm 65:4 (65:3, NW).

8 B’mod sinifikanti, it-​Theological Dictionary of the New Testament josserva li din il-​kelma (koʹpher) “dejjem timplika valur indaqs,” jew ammont ekwivalenti. B’hekk, l-​għata taʼ l-​arka tal-​patt kien daqs l-​arka nfisha. Bl-​istess mod, sabiex jinfeda, jew jitgħatta, id-​dnub, irid jitħallas prezz ekwivalenti b’mod preċiż, jew li jgħatti għalkollox, għall-​ħsara li għamel id-​dnub. B’hekk, il-​Liġi t’Alla lil Iżrael kienet tgħid: “Ħajja b’ħajja, għajn b’għajn, sinna b’sinna, id b’id, riġel b’riġel.”—Dewteronomju 19:21.

9. Nies taʼ fidi għala offrew sagrifiċċji taʼ l-​annimali, u Jehovah kif kien iqishom sagrifiċċji bħal dawn?

9 Nies taʼ fidi minn Abel ’il quddiem offrew sagrifiċċji taʼ l-​annimali lil Alla. Billi għamlu dan, huma wrew li kienu konxji tad-​dnub u tal-​bżonn li jinfdew, u wrew il-​fidi tagħhom fil-​ħelsien imwiegħed minn Alla permezz tan-​“nisel” tiegħu. (Ġenesi 3:15; 4:1-​4; Levitiku 17:11; Lhud 11:4) Jehovah kien jieħu pjaċir b’dawn is-​sagrifiċċji u approva lil dawn l-​aduraturi. Madankollu, l-​offerti taʼ l-​annimali, anki fl-​aqwa każi, kienu biss simbolu. L-​annimali ma setgħux verament jgħattu d-​dnub tal-​bniedem, għax huma inferjuri għall-​bnedmin. (Salm 8:5-​9 [8:4-​8, NW]) Għaldaqstant, il-​Bibbja tgħid: “Ma jistax ikun li d-​demm tal-​gniedes u tal-​mogħoż ineħħi d-​dnubiet.” (Lhud 10:1-​4) Sagrifiċċji bħal dawn kienu biss jagħtu stampa, jew jissimbolizzaw, is-​sagrifiċċju veru tal-​fidwa li kien għadu ġej.

“Fidwa Ekwivalenti”

10. (a) Il-​feddej għal min kellu jkun ekwivalenti, u għala? (b) Għala kien hemm bżonn biss sagrifiċċju uman wieħed?

10 “Il-​bnedmin kollha jmutu f’Adam,” qal l-​appostlu Pawlu. (1 Korintin 15:22) B’hekk, il-​fidwa kellha tinvolvi l-​mewt taʼ xi ħadd eżatt bħal Adam—bniedem perfett. (Rumani 5:14) L-​ebda ħliqa oħra ma setgħet tibbilanċja l-​miżien tal-​ġustizzja. Bniedem perfett biss, xi ħadd li ma kienx taħt il-​piena tal-​mewt Adamika, setaʼ joffri “fidwa ekwivalenti”—ekwivalenti b’mod perfett għal Adam. (1 Timotju 2:6, NW) Ma kienx se jkun hemm għalfejn li bosta miljuni taʼ bnedmin individwali jiġu sagrifikati biex ikunu ekwivalenti għal kull dixxendent taʼ Adam. L-​appostlu Pawlu spjega: “Kien permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] li fid-​dinja daħal id-​dnub, u permezz tad-​dnub il-​mewt.” (Rumani 5:12) U billi “permezz taʼ bniedem feġġet il-​mewt,” Alla għamel arranġament biex il-​bnedmin jinfdew “bi bniedem.” (1 Korintin 15:21) Kif?

“Ta lilu nnifsu għal kulħadd bħala fidwa ekwivalenti”

11. (a) Il-​feddej kif kellu ‘jduq il-​mewt għal kulħadd’? (b) Adam u Eva għala ma setgħux ibbenefikaw mill-​fidwa? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

11 Jehovah għamel arranġament biex bniedem perfett wieħed jissagrifika ħajtu b’mod volontarju. Skond Rumani 6:23, “il-​ħlas tad-​dnub hu l-​mewt.” Billi jissagrifika ħajtu, il-​feddej kellu ‘jduq il-​mewt għal kulħadd.’ Fi kliem ieħor, kellu jħallas il-​ħlas tad-​dnub taʼ Adam. (Lhud 2:9; 2 Korintin 5:21; 1 Pietru 2:24) Dan kien se jkollu konsegwenzi legali importanti. Billi tħassar il-​piena tal-​mewt minn fuq in-​nisel ubbidjenti taʼ Adam, il-​fidwa kienet se tmur preċiż fuq ras il-​għajn u tneħħi l-​qawwa qerrieda tad-​dnub. *Rumani 5:16.

12. Uri kif ħafna nies jistgħu jibbenefikaw minn ħlas taʼ dejn wieħed.

12 Biex nagħtu eżempju: Immaġina li tgħix f’belt fejn il-​biċċa l-​kbira mir-​residenti jaħdmu f’fabbrika kbira. Int u l-​ġirien tiegħek għandkom paga tajba u tgħixu ħajja komda. Dan sakemm il-​fabbrika tagħlaq. Għala tagħlaq? Id-​direttur tal-​fabbrika sar korrott u falla n-​negozju. F’daqqa waħda, int u l-​ġirien tiegħek tinsabu bla xogħol u ma tistgħux tħallsu l-​kontijiet. Żewġek jew martek, uliedek, u l-​kredituri li jridu jiġbru flushom, kollha jbatu minħabba l-​korruzzjoni taʼ dak ir-​raġel wieħed. Teżisti soluzzjoni? Iva! Benefattur sinjur jiddeċiedi li jindaħal. Hu jaf kemm tiswa l-​kumpanija. Hu jħoss ukoll għal dawk l-​impjegati kollha u għall-​familji tagħhom. Għalhekk, hu jagħmel arranġament biex iħallas lura d-​dejn tal-​kumpanija u jerġaʼ jiftaħ il-​fabbrika. Il-​fatt li jitħassar dak id-​dejn wieħed iġib serħan lill-​ħafna impjegati u l-​familji tagħhom u lill-​kredituri. B’mod simili, miljuni bla għadd jibbenefikaw mill-​fatt li tħassar id-​dejn taʼ Adam.

Min Jipprovdi l-​Fidwa?

13, 14. (a) Jehovah kif ipprovda l-​fidwa għall-​bnedmin? (b) Il-​fidwa lil min titħallas, u ħlas bħal dan għala huwa meħtieġ?

13 Jehovah biss setaʼ jipprovdi “l-​Ħaruf . . . li jneħħi d-​dnub tad-​dinja.” (Ġwanni 1:29) Imma Alla ma qabadx u bagħat anġlu kwalunkwe biex isalva lill-​bnedmin. Minflok, hu bagħat lill-​Wieħed li setaʼ jagħti t-​tweġiba finali, darba għal dejjem, għall-​akkuża taʼ Satana kontra l-​qaddejja taʼ Jehovah. Iva, Jehovah għamel is-​sagrifiċċju suprem billi bagħat lil Ibnu l-​waħdieni, “l-​għaxqa tiegħu.” (Proverbji 8:30) L-​Iben t’Alla kien lest li ‘jxejjen lilu nnifsu’ min-​natura tiegħu tas-​sema. (Filippin 2:7) B’mod mirakoluż, Jehovah ittrasferixxa l-​ħajja u l-​personalità taʼ l-​ewwel Iben imwieled tiegħu fis-​sema għal ġol-​ġuf taʼ verġni Lhudija jisimha Marija. (Luqa 1:27, 35) Bħala bniedem kellu jissejjaħ Ġesù. Imma f’sens legali, setaʼ jissejjaħ it-​tieni Adam, għax kien ekwivalenti b’mod perfett għal Adam. (1 Korintin 15:45, 47) B’hekk, Ġesù setaʼ joffri lilu nnifsu b’sagrifiċċju taʼ fidwa għall-​bnedmin midinbin.

14 Lil min kellha titħallas il-​fidwa? Salm 49:8 (49:7, NW) jgħid b’mod speċifiku li l-​fidwa titħallas “lil Alla.” Imma mhux Jehovah kien il-​wieħed li għamel l-​arranġament tal-​fidwa? Iva, imma b’dan ma jfissirx li l-​fidwa hija sempliċement bdil bla sens u superfiċjali—bħallikieku qed toħroġ il-​flus minn but u ddaħħalhom f’ieħor. Irridu nifhmu li l-​fidwa m’hijiex bdil t’affarijiet materjali, imma hija att legali. Billi pprovda l-​ħlas tal-​fidwa, avolja swietlu ħafna lilu stess, Jehovah ikkonferma kemm iżomm sod mal-​ġustizzja perfetta tiegħu.—Ġenesi 22:7, 8, 11-​13; Lhud 11:17; Ġakbu 1:17.

15. Ġesù għala kellu jbati u jmut?

15 Fir-​rebbiegħa tas-​sena 33 E.K., Ġesù Kristu kien lest li joqgħod għal prova kbira li wasslet għall-​ħlas tal-​fidwa. Hu ħalla lilu nnifsu jiġi arrestat fuq akkużi foloz, ġudikat ħati, u msammar ma’ zokk taʼ l-​esekuzzjoni. Kien hemm għalfejn ibati daqshekk Ġesù? Iva, għax kellha tinqataʼ l-​kwistjoni taʼ l-​integrità tal-​qaddejja t’Alla. Xi ħaġa importanti hi li Alla ma ħalliex lil Ġesù tarbija jinqatel minn Erodi. (Mattew 2:13-​18) Imma meta Ġesù kien adult, kien kapaċi jiflaħ il-​qilla kollha taʼ l-​attakki taʼ Satana waqt li fehem eżattament il-​kwistjonijiet involuti. * Billi baqaʼ “qaddis [“leali,”NW], innoċenti, safi, maqtugħ mill-​midinbin” minkejja t-​trattament orribbli li rċieva, Ġesù wera b’mod definittiv għall-​aħħar li Jehovah għandu qaddejja li jibqgħu leali meta jgħaddu minn prova. (Lhud 7:26) Mela, mhux taʼ b’xejn li f’dak il-​mument qabel miet, Ġesù għajjat b’mod trijonfanti: “Kollox hu mitmum!”—Ġwanni 19:30.

Itemm ix-​Xogħol Tiegħu taʼ Fidwa

16, 17. (a) Ġesù kif kompla x-​xogħol tiegħu taʼ fidwa? (b) Ġesù għala kien meħtieġ li jidher “għalina quddiem Alla”?

16 Ġesù kien għad irid itemm ix-​xogħol tiegħu taʼ fidwa. Fit-​tielet jum wara l-​mewt taʼ Ġesù, Jehovah qajmu mill-​imwiet. (Atti 3:15; 10:40) Permezz taʼ dan l-​att importanti, Jehovah mhux biss ippremja lil Ibnu għas-​servizz leali tiegħu imma tah l-​opportunità li jtemm ix-​xogħol tiegħu taʼ fidwa bħala l-​Qassis il-​Kbir t’Alla. (Rumani 1:4; 1 Korintin 15:3-​8) L-​appostlu Pawlu jispjega: “Kristu ġie bħala l-​qassis il-​kbir . . . [u] daħal darba għal dejjem fis-​Santwarju, mhux bis-​saħħa tad-​demm tal-​mogħoż u taʼ l-​għoġiela, imma bis-​saħħa taʼ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem. Għax Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-​bnedmin li hu biss xbieha tas-​santwarju veru, imma daħal fis-​sema stess, biex issa jidher għalina quddiem Alla.”—Lhud 9:11, 12, 24.

17 Kristu ma setax jieħu d-​demm letterali tiegħu fis-​sema. (1 Korintin 15:50) Minflok, hu ħa dak li d-​demm kien jissimbolizza: il-​valur legali tal-​ħajja umana perfetta li kien issagrifika. Imbagħad, quddiem Alla, hu ppreżenta formalment il-​valur taʼ dik il-​ħajja bħala fidwa għall-​bnedmin midinbin. Jehovah aċċettah dak is-​sagrifiċċju? Iva, u dan deher ċar f’Pentekoste tat-​33 E.K., meta l-​ispirtu qaddis tferra’ fuq madwar 120 dixxiplu f’Ġerusalemm. (Atti 2:1-​4) Għalkemm din il-​ġrajja kienet eċċitanti, il-​fidwa dakinhar kienet għadha kemm bdiet tipprovdi l-​benefiċċji meraviljużi.

Benefiċċji tal-​Fidwa

18, 19. (a) Liema żewġ gruppi taʼ individwi jibbenefikaw mit-​tħabbib mill-​ġdid li huwa possibbli permezz tad-​demm taʼ Kristu? (b) Għal dawk tal-​folla kbira, liema huma xi benefiċċji preżenti u futuri tal-​fidwa?

18 Fl-​ittra tiegħu lill-​Kolossin, Pawlu jispjega li Alla għoġbu li permezz taʼ Kristu jerġaʼ jħabbeb kollox miegħu billi jġib is-​sliem bid-​demm li Ġesù xerred fuq l-​għuda tat-​tortura. Pawlu jispjega wkoll li dan it-​tħabbib mill-​ġdid jinvolvi żewġ gruppi distinti taʼ individwi, jiġifieri, “kull ma hu fis-​sema” u “kull ma hu fl-​art.” (Kolossin 1:19, 20; Efesin 1:10) Dak l-​ewwel grupp huwa magħmul mill-​144,000 Kristjan li jingħataw it-​tama li jaqdu bħala qassisin fis-​sema u jaħkmu bħala slaten għal fuq l-​art ma’ Kristu Ġesù. (Apokalissi 5:9, 10; 7:4; 14:1-​3) Permezz tagħhom, il-​benefiċċji tal-​fidwa se jiġu applikati ftit ftit fuq il-​bnedmin ubbidjenti matul perijodu t’elf sena.—1 Korintin 15:24-​26; Apokalissi 20:6; 21:3, 4.

19 “Kull ma hu fl-​art” hu dawk l-​individwi li qed jistennew li jgawdu ħajja perfetta f’Ġenna fuq l-​art. Apokalissi 7:9-​17 jiddeskrivihom bħala folla kbira li se tibqaʼ ħajja fit-​tribulazzjoni l-​kbira li ġejja. Imma m’għandhomx għalfejn jistennew sa dakinhar biex igawdu l-​benefiċċji tal-​fidwa. Huma diġà ‘ħaslu l-​ilbiesi tagħhom u għamluhom bojod fid-​demm tal-​Ħaruf.’ Peress li jeżerċitaw il-​fidi fil-​fidwa, issa stess qed jirċievu benefiċċji spiritwali minn dak il-​provvediment kollu mħabba. Saħansitra ġew ġustifikati bħala ħbieb t’Alla! (Ġakbu 2:23) Bħala riżultat tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, huma jistgħu ‘jersqu bil-​libertà tal-​kelma lejn it-​tron tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa.’ (Ebrej 4:14-​16, NW) Meta jonqsu, huma jirċievu maħfra vera. (Efesin 1:7) Minkejja li huma imperfetti, jistgħu jgawdu kuxjenza mnaddfa. (Lhud 9:9; 10:22; 1 Pietru 3:21) B’hekk, it-​tħabbib mill-​ġdid m’Alla m’huwiex xi ħaġa li jittamaw għaliha imma realtà preżenti! (2 Korintin 5:19, 20) Matul il-​Millennju, bil-​mod il-​mod huma se “jkunu meħlusa mill-​jasar tat-​taħsir” u finalment se “jiksbu l-​ħelsien tal-​glorja taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:21.

20. Il-​fatt li timmedita fuq il-​fidwa kif jeffettwak personalment?

20 “Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu” għall-​fidwa! (Rumani 7:25) Il-​prinċipju tagħha huwa sempliċi, imma fl-​istess ħin tant hi profonda li timmeraviljana. (Rumani 11:33) U billi nimmeditaw b’apprezzament fuqha, il-​fidwa tmissilna qlubna, u tressaqna eqreb lejn l-​Alla tal-​ġustizzja. Bħas-​salmista, għandna kull raġuni biex infaħħru lil Jehovah li “jħobb id-​dritt u s-​sewwa [“il-​ġustizzja,” NW].”—Salm 33:5.

^ par. 11 Adam u Eva ma setgħux ibbenefikaw mill-​fidwa. Il-​Liġi Mosajka ddikjarat dan il-​prinċipju rigward qattiel intenzjonat: “La teħdux fidwa għal ħajjet qattiel, li ħaqqu l-​mewt.” (Numri 35:31, Saydon) B’mod ċar, Adam u Eva kien ħaqqhom imutu għax id-​diżubbidjenza tagħhom lejn Alla kienet intenzjonata u kienu jafu x’qed jagħmlu. Minħabba f’hekk huma ċedew il-​prospett tagħhom taʼ ħajja taʼ dejjem.

^ par. 15 Sabiex jagħmel tajjeb għad-​dnub taʼ Adam, Ġesù kellu jmut, mhux bħala tifel perfett, imma bħala raġel perfett. Ftakar, id-​dnub taʼ Adam kien intenzjonat, u meta għamlu kien jaf eżatt is-​serjetà taʼ l-​att u l-​konsegwenzi tiegħu. Allura sabiex isir ‘l-​aħħar Adam’ u jgħatti dak id-​dnub, Ġesù kellu jagħmel għażla matura u informata biex iżomm l-​integrità tiegħu lejn Jehovah. (1 Korintin 15:45, 47) B’hekk, l-​aġir leali taʼ Ġesù matul ħajtu kollha—inkluż il-​mewt tiegħu b’sagrifiċċju—serva bħala “opra tal-​ġustizzja.”—Rumani 5:18, 19.