Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 17

‘Kemm huwa profond l-għerf t’Alla!’

‘Kemm huwa profond l-għerf t’Alla!’

1, 2. X’kien l-​iskop taʼ Jehovah għas-​seba’ jum, u l-​għerf divin kif kellu jgħaddi minn prova fil-​bidu taʼ dan il-​jum?

 X’ĦERBA! L-​umanità, l-​isbaħ ħaġa tas-​sitt jum kreattiv, f’daqqa waħda ħadet tisbita kbira ’l isfel għal kundizzjoni mill-​iktar baxxa. Jehovah kien iddikjara li “kull ma kien għamel,” inkluż il-​bnedmin, kien “tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31) Imma malli beda s-​seba’ jum, Adam u Eva għażlu li jirribellaw ma’ Satana. Huma għodsu fid-​dnub, l-​imperfezzjoni, u l-​mewt.

2 Għandu mnejn deher li l-​iskop taʼ Jehovah għas-​seba’ jum kien ġie mfixkel għalkollox. Dak il-​jum, bħas-​sitta l-​oħra li ġew qablu, kien se jkun twil eluf taʼ snin. Jehovah kien iddikjarah sagru, u matulu l-​art kollha kienet fl-​aħħar mill-​aħħar se ssir ġenna mimlija b’familja taʼ bnedmin perfetti. (Ġenesi 1:28; 2:3) Imma wara l-​irvell katastrofiku, kif setgħet tiġri ħaġa bħal din? X’kien se jagħmel Alla? Hawnhekk kienet ġejja prova impressjonanti taʼ l-​għerf taʼ Jehovah—forsi l-​akbar prova.

3, 4. (a) Il-​mod kif irreaġixxa Jehovah għall-​irvell fl-​Għeden għala huwa eżempju taʼ l-​għerf tiegħu li jqanqal riverenza profonda? (b) L-​umiltà liema verità għandha tqanqalna nżommu f’moħħna aħna u nistudjaw dwar l-​għerf taʼ Jehovah?

3 Jehovah irreaġixxa minnufih. Hu qataʼ s-​sentenza fuq ir-​ribelli fl-​Għeden, u fl-​istess ħin ipprovda dehra ħafifa taʼ xi ħaġa meraviljuża: l-​iskop tiegħu li jirranġa l-​inkwiet li kienu għadhom kemm qalgħu. (Ġenesi 3:15) L-​iskop taʼ Jehovah, li kien iwassal ’il bogħod fiż-​żmien, jibda mill-​Għeden u jibqaʼ sejjer tul l-​eluf taʼ snin taʼ storja umana u iktar ’il quddiem, fil-​futur imbiegħed. Huwa verament sempliċi imma fl-​istess ħin tant profond li qarrej tal-​Bibbja jistaʼ jitpaxxa għomru kollu jistudja u jaħseb dwaru. Iktar minn hekk, l-​iskop taʼ Jehovah żgur se jirnexxi. Se jtemm kull ħażen, dnub, u mewt. Se jwassal lill-​bnedmin leali għall-​perfezzjoni. Dan kollu se jseħħ qabel jispiċċa s-​seba’ jum, sabiex, minkejja kollox, Jehovah ikun wettaq l-​iskop tiegħu għall-​art u għall-​umanità eżatt fil-​ħin!

4 Għerf bħal dan inissel riverenza profonda, hux veru? L-​appostlu Pawlu tqanqal jikteb: ‘Kemm huwa profond l-​għerf t’Alla!’ (Rumani 11:33, NW ) Hekk kif nistudjaw diversi aspetti taʼ din il-​kwalità divina, l-​umiltà għandha tqanqalna nżommu f’moħħna verità vitali—li, l-​iktar l-​iktar, aħna nistgħu nsiru nafu biss nitfa mill-​għerf vast taʼ Jehovah. (Ġob 26:14) L-​ewwel, ejja naraw xi tfisser din il-​kwalità taʼ l-​għaġeb.

X’Inhu l-​Għerf Divin?

5, 6. L-​għarfien u l-​għerf x’għandhom x’jaqsmu flimkien, u kemm huwa kbir l-​għarfien li għandu Jehovah?

5 L-​għerf m’huwiex l-​istess bħall-​għarfien. Il-​kompjuters jistgħu jerfgħu ammont kbir t’għarfien, imma ma nistgħux nimmaġinaw lil xi ħadd isejjaħ lil dawn il-​magni għorrief. Però, l-​għarfien u l-​għerf għandhom x’jaqsmu flimkien. (Proverbji 10:14) Per eżempju, jekk tkun tixtieq parir għaqli dwar x’għandek tagħmel f’każ taʼ problema serja tas-​saħħa, se tfittex lil xi ħadd li għandu ftit għarfien jew xejn dwar il-​mediċina? Żgur li le! Mela għarfien eżatt huwa essenzjali biex wieħed ikollu l-​għerf veru.

6 Jehovah għandu ħażna bla tarf t’għarfien. Bħala “Sultan taʼ l-​eternità,” hu biss ilu jgħix minn dejjem. (Rivelazzjoni 15:3, NW ) U tul iż-​żmien kollu bla għadd li ilu jeżisti, hu ra kulma kien qed jiġri. Il-​Bibbja tgħid: “Xejn ma hemm fil-​ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.” (Lhud 4:13; Proverbji 15:3) Bħala l-​Ħallieq, Jehovah għandu fehma sħiħa dwar dak li ħalaq, u ilu josserva l-​attività kollha tal-​bnedmin mill-​bidunett. Hu jeżamina kull qalb umana, u xejn ma jaħrablu. (1 Kronaki 28:9) Ladarba ħalaqna bil-​libertà taʼ l-​għażla, hu jieħu gost meta jarana nieħdu deċiżjonijiet għaqlin fil-​ħajja. Bħala Semmiegħ it-​talb, hu jismaʼ t-​talb taʼ ħafna wħud fl-​istess ħin! (Salm 65:3 [65:2, NW]) U m’għandniex xi ngħidu, Jehovah għandu memorja perfetta.

7, 8. Jehovah kif juri l-​fehma, id-​dixxerniment, u l-​għerf?

7 Jehovah m’għandux biss għarfien. Hu jara wkoll il-​konnessjoni li jkun hemm bejn fatt u ieħor u jara l-​istampa ġenerali magħmula minn għadd kbir taʼ dettalji. Hu jqis l-​affarijiet u jiġġudika, waqt li jagħraf bejn it-​tajjeb u l-​ħażin, dak li hu importanti u dak li m’huwiex. Iktar minn hekk, hu ma jħarisx biss lejn dak li jidher imma jeżamina l-​qalb mill-​qrib. (1 Samwel 16:7) B’hekk, Jehovah għandu l-​fehma u d-​dixxerniment, kwalitajiet li huma superjuri għall-​għarfien. Imma l-​għerf jerġaʼ huwa taʼ kalibru ogħla.

8 L-​għerf jgħaqqad l-​għarfien, id-​dixxerniment, u l-​fehma biex jipproduċi r-​riżultat mixtieq. Fil-​fatt, ftit mill-​kliem oriġinali tal-​Bibbja li jiġi tradott “għerf” letteralment ifisser “ħidma effettiva” jew “għaqal.” Mela l-​għerf taʼ Jehovah ma jinkludix biss teorija. Huwa prattiku, u jirnexxi. Billi juża l-​għarfien kbir u l-​fehma profonda li għandu, Jehovah dejjem jieħu l-​aħjar deċiżjonijiet possibbli, u jwettaqhom billi jaġixxi bl-​aqwa mod li wieħed jistaʼ jimmaġina. Dak għerf veru! Jehovah juri kemm hu minnu dak li qal Ġesù: “L-​Għerf . . . tawh raġun l-​opri tiegħu stess.” (Mattew 11:19) L-​affarijiet li għamel Jehovah fl-​univers kollu jixhdu bil-​qawwa x’għerf għandu.

Evidenzi taʼ l-​Għerf Divin

9, 10. (a) Liema tip t’għerf juri Jehovah, u kif urieh? (b) Iċ-​ċellula kif tagħti evidenza dwar l-​għerf taʼ Jehovah?

9 Qatt bqajt mistagħġeb bil-​bravura taʼ bniedem tas-​sengħa li jagħmel affarijiet sbieħ u li fl-​istess ħin jaħdmu tajjeb? Dan it-​tip taʼ għerf huwa għerf li jimpressjona. (Eżodu 31:1-​3) Jehovah innifsu huwa s-​sors taʼ għerf bħal dan u l-​iktar wieħed li għandu minnu. Is-​Sultan David qal dwar Jehovah: “Nroddlok ħajr, għax b’mod taʼ l-​għaġeb għamiltni: taʼ l-​għaġeb huma l-​għemejjel tiegħek. U ’l ruħi inti tafha tajjeb.” (Salm 139:14) Tabilħaqq, iktar ma nitgħallmu dwar il-​ġisem uman, iktar nibqgħu mistagħġbin bl-​għerf taʼ Jehovah.

10 Biex nagħtu eżempju: Int bdejt bħala ċellula waħda—ċellula ovulu minn ommok, fertilizzata minn sperma taʼ missierek. Dik iċ-​ċellula malajr bdiet tinqasam. Int, ir-​riżultat finali, magħmul minn xi 100 triljun ċellula. Dawn fihom daqs naqra. Madwar 10,000 ċellula normali joqogħdu fuq ras taʼ labra. Madankollu, kull waħda minnhom hija ħolqien tant komplikat li ġġiblek għajnejk wara widnejk. Iċ-​ċellula hija bil-​wisq iktar kumplessa minn kwalunkwe magna jew fabbrika magħmula mill-​bniedem. Ix-​xjenzati jgħidu li ċellula hija bħal belt imdawra bis-​swar—belt b’postijiet kontrollati taʼ dħul u ħruġ, sistema taʼ trasportazzjoni, sistema taʼ komunikazzjoni, impjanti taʼ l-​elettriku, fabbriki, faċilitajiet għar-​riċiklaġġ u r-​rimi taʼ l-​iskart, sistemi taʼ difiża, u anki tip taʼ gvern ċentrali fin-​nukleu tagħha. Iktar minn hekk, iċ-​ċellula tistaʼ tagħmel kopja eżatta tagħha nfisha fi ftit sigħat biss!

11, 12. (a) Xi jġiegħel liċ-​ċelluli li jiżviluppaw fl-​embriju jibdew iwettqu affarijiet differenti minn xulxin, u dan kif jaqbel ma’ Salm 139:16? (b) Il-​moħħ tal-​bniedem b’liema modi juri li aħna ‘magħmulin b’mod taʼ l-​għaġeb’?

11 Ovvjament, mhux iċ-​ċelluli kollha huma l-​istess. Hekk kif iċ-​ċelluli t’embriju jkomplu jinqasmu, huma jibdew iwettqu xogħlijiet differenti ħafna minn xulxin. Xi wħud minnhom se jkunu ċelluli tan-​nervituri; oħrajn ċelluli taʼ l-​għadam, tal-​muskoli, tad-​demm, jew taʼ l-​għajnejn. Din id-​differenza kollha hija programmata fil-​“librerija” tad-​disinn ġenetiku taċ-​ċellula, id-​DNA. Ħaġa taʼ interess hi li David kien imnebbaħ jgħid lil Jehovah: “Għajnejk raw saħansitra l-​embriju tiegħi, u fil-​ktieb tiegħek il-​partijiet kollha tiegħu kienu miktubin.”—Salm 139:16, NW.

12 Ċerti partijiet tal-​ġisem huma verament komplikati. Per eżempju, ħu l-​moħħ tal-​bniedem. Xi wħud sejħulu l-​iktar oġġett komplikat li għadu ġie skopert s’issa fl-​univers. Fih xi 100 biljun ċellula tan-​nervituri—bejn wieħed u ieħor daqs kemm hemm stilel fil-​galassja tagħna. Kull waħda minn dawk iċ-​ċelluli għandha eluf taʼ friegħi mqabbdin ma’ ċelluli oħrajn. Ix-​xjenzati jgħidu li moħħ il-​bniedem jistaʼ jesa’ l-​informazzjoni kollha li hemm f’kull librerija tad-​dinja u li fil-​fatt lanqas jistaʼ jitkejjel kemm jesa’. Minkejja l-​ħafna snin li qattgħu jistudjaw dan l-​organu ‘magħmul b’mod taʼ l-​għaġeb,’ ix-​xjenzati jammettu li forsi qatt m’huma se jifhmu eżatt kif jaħdem.

13, 14. (a) In-​nemel u ħlejjaq oħra kif juru li huma “għorrief” bl-​istint, u dan x’jgħallimna dwar il-​Ħallieq tagħhom? (b) Għala nistgħu ngħidu li ħolqien bħall-​għanqbut huwa magħmul “bl-​għerf”?

13 Madankollu, il-​bnedmin huma biss eżempju wieħed taʼ l-​għerf kreattiv taʼ Jehovah. Salm 104:24 jgħid: “Kemm huma kotrana l-​għemejjel tiegħek, Mulej! Kollha bl-​għerf għamilthom; mimlija l-​art bil-​ħlejjaq tiegħek.” L-​għerf taʼ Jehovah jidher ċar f’kull ħaġa maħluqa madwarna. Per eżempju, in-​nemla hija ‘għarfa’ bl-​istint. (Proverbji 30:24) Iva, il-​gruppi tan-​nemel huma organizzati ferm. Xi gruppi taʼ nemel jirgħu, jipproteġu, u jieħdu n-​nutriment minn insetti li jgħidulhom afidi bħallikieku dawn kienu xi merħla. Nemel ieħor jagħmilha taʼ bdiewa, billi jkabbar u jikkultiva l-​fungu bħala “wiċċ tar-​raba.” Ħafna ħlejjaq oħra ġew programmati biex jagħmlu affarijiet taʼ l-​għaġeb bl-​istint. Dubbiena komuni tagħmel manuvri taʼ l-​għaġeb fl-​ajru li lanqas l-​iktar ajruplan modern li għandu l-​bniedem ma jistaʼ jagħmilhom. L-​għasafar li jpassu jinnavigaw jew permezz taʼ l-​istilel, jew billi jsibu l-​pożizzjoni tal-​kamp manjetiku taʼ l-​art, jew b’xi tip taʼ mappa interna. Il-​bijoloġi jqattgħu snin sħaħ jistudjaw l-​imġiba sofistikata li ġiet programmata f’dawn il-​ħlejjaq. Mela, min jaf kemm hu għaref il-​Programmatur divin!

14 Ix-​xjenzati tgħallmu ħafna mill-​għerf kreattiv taʼ Jehovah. Fil-​fatt hemm qasam taʼ inġinerija, imsejjaħ bijomimetika, li jipprova jimita l-​mod kif inhi magħmula n-​natura. Per eżempju, forsi xi drabi bqajt iċċassat tħares lejn is-​sbuħija taʼ għanqbuta. Imma inġinier jara l-​meravilja taʼ kif inhi magħmula. Dawk il-​ħjut li jidhru tant fraġli huma iktar b’saħħithom minn ħjut taʼ l-​azzar bl-​istess ħxuna, u jifilħu iktar mill-​ħjut f’ġakketta magħmula biex ma jinfduhiex il-​balal. Eżattament kemm hu b’saħħtu? Immaġina għanqbuta kbira daqs xibka li tintuża għas-​sajd. Għanqbuta bħal din tkun tistaʼ taqbad ajruplan tal-​passiġġieri f’nofs titjira! Iva, Jehovah għamel dawn l-​affarijiet kollha “bl-​għerf.”

Min ipprogramma l-ħlejjaq ta’ l-art biex ikunu “għorrief” bl-istint?

Għerf lil Hinn mill-​Art

15, 16. (a) Is-​smewwiet mimlijin kwiekeb kif juru l-​għerf taʼ Jehovah? (b) Il-​pożizzjoni taʼ Jehovah bħala l-​Kmandant Suprem fuq għadd vast t’anġli kif tixhed li dan l-​Amministratur huwa għaref?

15 L-​għerf taʼ Jehovah jidher f’dak li hu għamel fl-​univers kollu. Is-​smewwiet mimlijin kwiekeb, li ddiskutejna fit-​tul dwarhom f’Kapitlu 5, m’humiex imxerrdin kif ġie ġie fl-​ispazju. Grazzi għall-​għerf tal-​“liġijiet tas-​sema” taʼ Jehovah, is-​smewwiet huma organizzati b’mod sabiħ f’galassji kontrollati, li mbagħad huma mqassmin f’għenieqed taʼ galassji, li jerġaʼ mbagħad flimkien jifformaw għenieqed ġganti. (Ġob 38:33) Mhux taʼ b’xejn li Jehovah jirreferi għall-​pjaneti bħala “eżerċti”! (Isaija 40:26) Imma hemm eżerċtu ieħor li saħansitra juri b’mod iktar ħaj l-​għerf taʼ Jehovah.

16 Bħalma rajna f’Kapitlu 4, Alla għandu t-​titlu Jehovah “ta’ l-​eżerċti” minħabba l-​pożizzjoni tiegħu bħala l-​Kmandant Suprem t’armata vasta taʼ mijiet taʼ miljuni taʼ ħlejjaq spirti. Din hija prova tal-​qawwa taʼ Jehovah. Imma l-​għerf tiegħu fejn jidħol? Ikkunsidra ftit: Jehovah u Ġesù qatt ma jieqfu jaħdmu. (Ġwanni 5:17) Mela hija ħaġa loġika li l-​ministri anġeliċi taʼ l-​Iktar Għoli wkoll għandhom ħafna x’jagħmlu. U ftakar li huma ogħla mill-​bniedem, ħafna iktar intelliġenti u qawwijin minnu. (Lhud 1:7; 2:7) Madankollu, Jehovah żamm lil dawk l-​anġli kollha okkupati, ferħanin jagħmlu xogħol sodisfaċenti—‘jagħmlu l-​ordni tiegħu’ u ‘jagħmlu r-​rieda tiegħu’—għal biljuni taʼ snin. (Salm 103:20, 21) Kemm bilfors huwa kbir l-​għerf taʼ dan l-​Amministratur!

Jehovah “Waħdu fl-​Għerf”

17, 18. Il-​Bibbja għala tgħid li Jehovah huwa “waħdu fl-​għerf,” u l-​għerf tiegħu għala għandu jġagħalna nħossu sens taʼ riverenza lejh?

17 Meta nqisu evidenza bħal din, għandna għalfejn niskantaw li l-​Bibbja turi li l-​għerf taʼ Jehovah huwa suprem? Per eżempju, din tgħid li Jehovah “waħdu fl-​għerf.” (Rumani 16:27) Jehovah biss għandu l-​għerf fis-​sens assolut. Huwa s-​sors taʼ l-​għerf veru kollu. (Proverbji 2:6) Kien għalhekk li Ġesù, għalkemm l-​iktar wieħed għaref mill-​ħlejjaq taʼ Jehovah, ma straħx fuq l-​għerf tiegħu stess imma tkellem kif qallu Missieru.—Ġwanni 12:48-​50.

18 Innota kif l-​appostlu Pawlu esprima ruħu dwar l-​għerf uniku taʼ Jehovah: “O kemm huma profondi r-​rikkezzi u l-​għerf u l-​għarfien t’Alla! Kemm ma jistgħux jinkixfu l-​ġudizzji tiegħu, u kemm huma bla tarf triqatu!” (Rumani 11:33, NW ) Billi beda l-​vers bl-​esklamazzjoni “O,” Pawlu wera emozzjoni qawwija—f’dan il-​każ, stagħġib profond. Il-​kelma Griega li għażel għal “profondi” għandha x’taqsam ħafna mal-​kelma għal “abbiss.” Għaldaqstant, kliemu jgħinna nimmaġinaw stampa ċara. Meta naħsbu dwar l-​għerf taʼ Jehovah, ikun bħallikieku qed nittawlu f’abbiss bla qiegħ, bla limitu, qasam tant fond, tant vast li qatt ma nistgħu nifhmu kemm hu immens, aħseb u ara kemm se niddeskrivuh jew nagħmlu mappa tiegħu fid-​dettall. (Salm 92:6 [92:5, NW]) M’huwiex dan ħsieb li jġagħlek tkun umli?

19, 20. (a) L-​ajkla għala hija simbolu xieraq taʼ l-​għerf divin? (b) Jehovah kif wera l-​abbiltà tiegħu li jittawwal fil-​futur?

19 Jehovah huwa “waħdu fl-​għerf” f’sens ieħor: Hu biss kapaċi jittawwal fil-​futur. Ftakar li Jehovah juża l-​ajkla li tara fil-​bogħod biex tissimbolizza l-​għerf divin. L-​ajkla rjali forsi veru tiżen biss ħames kilogrammi, imma għajnejha huma akbar minn dawk taʼ raġel adult. Il-​vista taʼ l-​ajkla hija tajba ħafna, u biha l-​għasfur kapaċi jilmaħ priża żgħira minn mijiet taʼ metri għoli, forsi saħansitra minn kilometri ’l bogħod! Jehovah stess darba qal dwar l-​ajkla: “[Jaraw] mill-​bogħod għajnejha.” (Ġob 39:29) F’sens simili, Jehovah jistaʼ ‘jara ’l bogħod’ fiż-​żmien—fil-​futur!

20 Il-​Bibbja mimlija evidenza li dan huwa minnu. Fiha mijiet taʼ profeziji, jiġifieri storja miktuba bil-​quddiem. Ir-​riżultat tal-​gwerer, il-​bidu u t-​tmiem taʼ qawwiet dinjin, u anki l-​istrateġiji speċifiċi li kienu se jużaw kmandanti militari fil-​battalji ġew imbassrin fil-​Bibbja—f’xi każi, mijiet taʼ snin minn qabel.—Isaija 44:25–45:4; Danjel 8:2-​8, 20-​22.

21, 22. (a) Għala m’hemm l-​ebda bażi biex nikkonkludu li Jehovah ra bil-​quddiem l-​għażliet kollha li se tagħmel f’ħajtek? Agħti eżempju. (b) Kif nafu li l-​għerf taʼ Jehovah ma jistax ikun bla sentiment jew bla empatija?

21 Iżda jfisser dan li Alla diġà ra x’għażliet se tagħmel int fil-​ħajja? Xi wħud favur id-​duttrina tad-​destin jinsistu li t-​tweġiba hija iva. Madankollu, din l-​idea fil-​fatt iddgħajjef l-​għerf taʼ Jehovah, għax timplika li hu ma jistax jikkontrolla l-​abbiltà tiegħu li jħares fil-​futur. Biex nagħtu eżempju: Kieku kellek l-​isbaħ leħen li jeżisti għall-​kant, kien se jkollok bilfors toqgħod tkanta l-​ħin kollu? L-​idea ma tagħmilx sens! Bl-​istess mod, Jehovah għandu l-​abbiltà li jkun jaf il-​futur, imma ma jużahiex il-​ħin kollu. Kieku kellu jagħmel hekk kien ikun qed jikser il-​libertà tagħna taʼ l-​għażla, rigal prezzjuż li Jehovah qatt m’hu se jiħodulna lura.—Dewteronomju 30:19, 20.

22 Jerġaʼ agħar minn hekk, l-​istess idea tal-​predestinazzjoni tissuġġerixxi li l-​għerf taʼ Jehovah huwa bla sentiment, bla qalb, bla empatija, jew bla mogħdrija. Imma dan żgur li huwa ’l bogħod mill-​verità! Il-​Bibbja tgħallem li Jehovah huwa “għaref f’qalbu. (Ġob 9:4, KŻ, korsiv tagħna.) Mhux għax għandu qalb letterali, imma l-​Bibbja taʼ spiss tuża dak it-​terminu f’konnessjoni mal-​persuna ġewwinija, li tinkludi l-​motivazzjonijiet u s-​sentimenti, bħall-​imħabba. Mela l-​għerf taʼ Jehovah, bħall-​kwalitajiet l-​oħra tiegħu, huwa mmexxi mill-​imħabba.—1 Ġwanni 4:8.

23. Is-​superjorità taʼ l-​għerf taʼ Jehovah x’għandha tqanqalna nagħmlu?

23 Naturalment, l-​għerf taʼ Jehovah huwa taʼ min jafda fih għalkollox. Huwa tant ogħla mill-​għerf tagħna li l-​Kelma t’Alla bi mħabba tħeġġiġna: “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” (Proverbji 3:5, 6) Ejja issa nħaffru fl-​għerf taʼ Jehovah sabiex inkunu nistgħu nersqu iktar qrib t’Alla tagħna li huwa għaref b’mod assolut.