Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 19

“L-għerf t’Alla f’sigriet sagru”

“L-għerf t’Alla f’sigriet sagru”

1, 2. Liema “sigriet sagru” għandu jinteressana, u għala?

 IS-​SIGRIETI! Peress li huma interessanti, iqajmu l-​kurżità, kif ukoll isaħħru bil-​misteru li fihom, spiss il-​bnedmin isibuha diffiċli li jżommuhom għalihom. Madankollu, il-​Bibbja tgħid: “Hu ġieħ għal Alla li ħaġa jaħbiha.” (Proverbji 25:2) Iva, bħala l-​Ħakkiem u l-​Ħallieq Sovran, Jehovah bi dritt iżomm xi affarijiet sigrieti mill-​bnedmin sakemm ikun il-​waqt li jikxifhom.

2 Madankollu, hemm sigriet interessanti ferm li Jehovah urieh fil-​Kelma tiegħu. Dan jissejjaħ “is-​sigriet sagru tar-​rieda [t’Alla].” (Efesin 1:9, NW ) Jekk issir taf dwaru se tagħmel iktar milli taqtaʼ l-​kurżità. L-​għarfien dwar dan is-​sigriet jistaʼ jwasslek għas-​salvazzjoni u jistaʼ jagħtik idea taʼ l-​għerf bla tarf taʼ Jehovah.

Mikxuf Ftit Ftit

3, 4. Il-​profezija f’​Ġenesi 3:15 kif ipprovdiet tama, u liema misteru, jew “sigriet sagru,” kienet tinvolvi?

3 Meta Adam u Eva dinbu, forsi setaʼ deher li l-​iskop taʼ Jehovah li jkollu ġenna taʼ l-​art mimlija bnedmin perfetti kien falla. Imma Alla mill-​ewwel tefaʼ l-​attenzjoni tiegħu fuq il-​problema. Hu qal: “Jien inqajjem mibegħda bejnek [is-​serp] u bejn il-​mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.”—Ġenesi 3:15.

4 Dan kien kliem li jħawwad u misterjuż. Min kienet din il-​mara? Min kien is-​serp? Min kien ‘in-​nisel’ li kien se jisħaq ras is-​serp? Adam u Eva setgħu biss jipprovaw jaqtgħu. Imma xorta waħda l-​kliem t’Alla pprovda tama għal kwalunkwe wild leali li setaʼ jkollha dik il-​koppja li ma wrietx fedeltà. Il-​ġustizzja kienet se toħroġ rebbieħa. L-​iskop taʼ Jehovah kellu jitwettaq. Imma kif? Dak kien il-​misteru! Il-​Bibbja ssejjaħlu “l-​għerf t’Alla f’sigriet sagru, l-​għerf moħbi.”—1 Korintin 2:7, NW.

5. Spjega għala Jehovah kixef is-​sigriet tiegħu ftit ftit.

5 Bħala Dak “li jikxef il-​misteri,” Jehovah maż-​żmien kien se jikxef dettalji li kellhom x’jaqsmu ma’ kif kellu jiżvolġi dan is-​sigriet. (Danjel 2:28) Imma dan kien se jagħmlu ftit ftit, pass pass. Biex nagħtu eżempju, nistgħu naħsbu dwar kif missier iwieġeb lil ibnu ż-​żgħir meta dan jistaqsih, “Pa, jien minfejn ġejt?” Missier għaref jagħti biss l-​informazzjoni li tifel żgħir bħal dan jistaʼ jifhem. Hekk kif it-​tifel ikompli jikber, il-​missier jgħidlu iktar. B’mod simili, Jehovah jiddeċiedi meta n-​nies tiegħu jkunu lesti biex jikxfilhom iktar affarijiet dwar ir-​rieda u l-​iskop tiegħu.—Proverbji 4:18; Danjel 12:4.

6. (a) Xi skop għandu patt, jew kuntratt? (b) Għala hija xi ħaġa taʼ l-​għaġeb li Jehovah ħaseb li jagħmel pattijiet mal-​bnedmin?

6 Jehovah kif kixifhom dawn l-​affarijiet? Ħafna minnhom billi uża serje taʼ pattijiet, jew kuntratti. X’aktarx, xi darba jew oħra int għamilt xi tip taʼ kuntratt—forsi biex tixtri dar jew biex tissellef jew issellef il-​flus. Dan il-​kuntratt ipprovda garanzija legali li l-​kundizzjonijiet li qbilt fuqhom kienu se jseħħu. Imma Jehovah għala kellu bżonn jagħmel pattijiet, jew kuntratti, formali mal-​bnedmin? Żgur li kelmtu kienet se tkun biżżejjed bħala garanzija tal-​wegħdi tiegħu. Dan huwa minnu, però xorta waħda, f’diversi drabi Alla b’qalb tajba saħħaħ kelmtu b’kuntratti legali. Dawn l-​arranġamenti sodi jagħtu lilna l-​bnedmin imperfetti bażi iżjed solida biex nafdaw fil-​wegħdi taʼ Jehovah.—Lhud 6:16-​18.

Il-​Patt m’Abraham

7, 8. (a) Jehovah liema patt għamel m’Abraham, u b’hekk x’ġie ċċarat dwar is-​sigriet sagru? (b) Jehovah kif iċċara ftit ftit minn liema linja taʼ dixxendenza kien ġej in-​Nisel imwiegħed?

7 Iktar minn elfejn sena wara li l-​bniedem tkeċċa mill-​Ġenna, Jehovah qal lill-​qaddej leali tiegħu Abraham: “Inkattarlek sewwa lil nislek bħall-​kwiekeb tas-​sema . . . U jitbierku b’nislek il-​ġnus kollha taʼ l-​art talli smajt minn kelmti.” (Ġenesi 22:17, 18) Din ma kinitx biss wegħda; Jehovah għamilha f’forma taʼ patt legali u saħħaħha permezz tal-​ħalfa tiegħu li ma tinkisirx. (Ġenesi 17:1, 2; Lhud 6:13-​15) Kemm hija ħaġa straordinarja li l-​Mulej Sovran fil-​fatt intrabat b’kuntratt biex ibierek lill-​bnedmin!

“Jien . . . inkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema”

8 Il-​patt Abrahamiku kixef li n-​Nisel imwiegħed kellu jiġi bħala bniedem, għax kellu jkun dixxendent t’Abraham. Imma min kellu jkun? Maż-​żmien, Jehovah wera li minn ulied Abraham, Iżakk kellu jkun l-​antenat tan-​Nisel. Miż-​żewġ subien taʼ Iżakk intgħażel Ġakobb. (Ġenesi 21:12; 28:13, 14) Iktar tard, Ġakobb lissen dan il-​kliem profetiku lil wieħed mit-​tnax-​il tifel tiegħu: “Ix-​xettru minn id Ġuda ma jitneħħiex; u l-​ħatar minn bejn riġlejh, sakemm [“jiġi taʼ min hu,” Saydon], u minnu l-​ġnus jisimgħu.” (Ġenesi 49:10) Issa sar magħruf li n-​Nisel kien se jkun sultan, wieħed li kellu jiġi minn Ġuda!

Il-​Patt ma’ Iżrael

9, 10. (a) Jehovah liema patt għamel mal-​ġens taʼ Iżrael, u liema protezzjoni pprovda dak il-​patt? (b) Il-​Liġi kif uriet li l-​bnedmin kellhom bżonn fidwa?

9 Fl-​1513 Q.E.K., Jehovah għamel provvediment li ħejja t-​triq biex ikomplu jinkixfu iktar affarijiet dwar is-​sigriet sagru. Hu għamel patt mad-​dixxendenti t’Abraham, il-​ġens taʼ Iżrael. Għalkemm issa m’għadux jgħodd, il-​patt tal-​Liġi Mosajka kien parti essenzjali mill-​iskop taʼ Jehovah biex iġib in-​Nisel imwiegħed. Dan kif? Ikkunsidra tliet modi. L-​ewwel, il-​Liġi kienet bħal ħajt protettiv. (Efesin 2:14) Ir-​regoli ġusti li kien fiha servew taʼ lqugħ bejn il-​Lhud u l-​Ġentili. B’hekk, il-​Liġi għenet biex tħares il-​linja tan-​Nisel tal-​wegħda. Kien primarjament minħabba din il-​protezzjoni li l-​ġens kien għadu jeżisti meta wasal il-​waqt t’Alla biex jitwieled il-​Messija fit-​tribù taʼ Ġuda.

10 It-​tieni, il-​Liġi wriet b’mod ċar kemm il-​bnedmin kellhom bżonn fidwa. Bħala Liġi perfetta, din kixfet li l-​bnedmin midinbin ma setgħux iżommu magħha kompletament. B’hekk, din setgħet “tagħmel in-​nuqqasijiet jidhru, sakemm jasal in-​nisel li lilu saret il-​wegħda.” (Galatin 3:19, NW ) Permezz tas-​sagrifiċċji taʼ l-​annimali, il-​Liġi pprovdiet tpattija temporanja għad-​dnubiet. Imma peress li, bħalma kiteb Pawlu, “ma jistax ikun li d-​demm tal-​gniedes u tal-​mogħoż ineħħi d-​dnubiet,” dawn is-​sagrifiċċji kienu qed jagħtu biss ħjiel tas-​sagrifiċċju taʼ fidwa li kien se jagħmel Ġesù. (Lhud 10:1-​4) Mela, għal-​Lhud li wrew fedeltà dak il-​patt sar bħal xi ħadd ‘li jmexxihom qishom tfal lejn Kristu.’—Galatin 3:24.

11. Il-​patt tal-​Liġi liema prospett glorjuż offra lil Iżrael, imma l-​ġens b’mod ġenerali għala tilfuh?

11 It-​tielet, il-​patt offra lill-​ġens taʼ Iżrael prospett glorjuż. Jehovah qalilhom li jekk kienu se jibqgħu jżommu l-​lealtà lejn il-​patt, kienu se jsiru “saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.” (Eżodu 19:5, 6) Huwa veru li eventwalment, minn Iżrael tal-​laħam ħarġu l-​ewwel membri taʼ saltna taʼ qassisin fis-​sema. Madankollu, b’mod ġenerali, Iżrael irribella kontra l-​patt tal-​Liġi, ċaħad in-​Nisel Messjaniku, u tilef dak il-​prospett. Allura, min kellu jkompli jifforma s-​saltna taʼ qassisin? U x’relazzjoni kellu jkun hemm bejn dak il-​ġens imbierek u n-​Nisel imwiegħed? Dawk l-​aspetti tas-​sigriet sagru kellhom jinkixfu meta Alla jara li kien il-​waqt.

Il-​Patt ma’ David għal Saltna

12. Jehovah liema patt għamel ma’ David, u dan il-​patt x’kompla jiċċara dwar is-​sigriet sagru t’Alla?

12 Fis-​seklu 11 Q.E.K., Jehovah kompla jiċċara iżjed affarijiet dwar is-​sigriet sagru meta għamel patt ieħor. Hu wiegħed lis-​Sultan leali David: “Jiena nqajjem nislek warajk, . . . u nsaħħaħ is-​saltna tiegħu. . . . Jiena nsaħħaħ it-​tron tas-​saltna tiegħu għal dejjem.” (2 Samwel 7:12, 13; Salm 89:4 [89:3, NW]) Issa l-​linja tan-​Nisel imwiegħed kienet ġiet limitata għad-​dar taʼ David. Imma setaʼ bniedem komuni jaħkem “għal dejjem”? (Salm 89:21, 30, 35-​37 [89:20, 29, 34-​36, NW]) U setaʼ sultan uman bħal dan jeħles lill-​bnedmin mid-​dnub u l-​mewt?

13, 14. (a) Skond Salm 110, Jehovah liema wegħda għamel lis-​Sultan midluk tiegħu? (b) Liema affarijiet oħra nkixfu rigward in-​Nisel permezz tal-​profeti taʼ Jehovah?

13 David ġie mnebbaħ jikteb: “Il-​kelma tal-​Mulej lil Sidi: ‘Oqgħod fuq leminti, sa ma nqiegħed l-​għedewwa tiegħek mirfes taħt riġlejk.’ Ħalef il-​Mulej, u ma jisgħobx bih: ‘Int qassis għal dejjem bħal Melkisedek!’” (Salm 110:1, 4) Il-​kliem taʼ David kien japplika direttament għan-​Nisel imwiegħed, jew il-​Messija. (Atti 2:35, 36) Dan is-​Sultan kien se jaħkem, mhux minn Ġerusalemm, imma mis-​sema fuq il-​‘leminija’ taʼ Jehovah. Minħabba f’hekk hu kien se jkollu mhux biss l-​awtorità fuq l-​art taʼ Iżrael imma fuq l-​art kollha. (Salm 2:6-​8) Hawnhekk inkixfet xi ħaġa oħra. Innota li Jehovah għamel il-​wegħda solenni li l-​Messija kien se jkun “qassis . . . bħal Melkisedek.” Bħal Melkisedek, li fi żmien Abraham qeda bħala qassis kif ukoll sultan, in-​Nisel li kien ġej kellu jingħata l-​inkarigu dirett minn Alla biex jaqdi bħala Sultan u Qassis!—Ġenesi 14:17-​20.

14 Matul is-​snin, Jehovah uża lill-​profeti tiegħu biex jikxef affarijiet oħrajn dwar is-​sigriet sagru. Per eżempju, Isaija wera li n-​Nisel kellu jmut mewta taʼ sagrifiċċju. (Isaija 53:3-​12) Mikea bassar il-​post tat-​twelid tal-​Messija. (Mikea 5:1 [5:2, NW]) Danjel saħansitra pprofetizza ż-​żmien eżatt meta kellu jidher in-​Nisel u meta kellu jmut.—Danjel 9:24-​27.

Is-​Sigriet Sagru Mikxuf!

15, 16. (a) Bin Jehovah kif “twieled minn mara”? (b) Ġesù x’wiret mill-​ġenituri umani tiegħu, u meta wasal bħala n-​Nisel tal-​wegħda?

15 Il-​mod kif dawn il-​profeziji kellhom jitwettqu baqaʼ misteru sakemm fil-​fatt deher in-​Nisel. Galatin 4:4 jgħid: “Meta waslet il-​milja taż-​żmien, Alla bagħat lil Ibnu, mwieled minn mara.” Fit-​2 sena Q.E.K., anġlu qal lil verġni Lhudija jisimha Marija: “Ara, inti se tnissel fil-​ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-​Għoli. Il-​Mulej Alla jagħtih it-​tron taʼ David missieru . . . L-​Ispirtu s-​Santu jiġi fuqek, u l-​qawwa taʼ l-​Għoli tixħet id-​dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.”—Luqa 1:31, 32, 35.

16 Iktar tard, Jehovah ittrasferixxa l-​ħajja taʼ Ibnu mis-​sema għall-​ġuf taʼ Marija, u b’hekk twieled minn mara. Marija kienet mara imperfetta. Imma Ġesù ma wiritx l-​imperfezzjoni minnha, għax hu kien “Bin Alla.” Fl-​istess ħin, il-​ġenituri umani taʼ Ġesù, bħala dixxendenti taʼ David, tawh id-​drittijiet naturali u legali bħala werriet taʼ David. (Atti 13:22, 23) Fil-​magħmudija taʼ Ġesù fid-​29 E.K., Jehovah dilku bl-​ispirtu qaddis u qal: “Dan hu Ibni l-​għażiż.” (Mattew 3:16, 17) Sa fl-​aħħar kien wasal in-​Nisel! (Galatin 3:16) Kien il-​waqt li jinkixfu iktar affarijiet dwar is-​sigriet sagru.—2 Timotju 1:10.

17. Kif kompla jiċċara t-​tifsir taʼ Ġenesi 3:15?

17 Matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù identifika s-​serp taʼ Ġenesi 3:15 bħala Satana u n-​nisel tas-​serp bħala s-​segwaċi taʼ Satana. (Mattew 23:33; Ġwanni 8:44) Iktar tard, inkixef kif dawn kollha kellhom jinsaħqu għal dejjem. (Apokalissi 20:1-​3, 10, 15) U l-​mara ntweriet li kienet “Ġerusalemm taʼ fuq,” l-​organizzazzjoni taʼ ħlejjaq spirti fis-​sema li għal Jehovah hi bħal martu. *Galatin 4:26; Apokalissi 12:1-​6.

Il-​Patt il-​Ġdid

18. X’inhu l-​iskop tal-​“Patt il-​Ġdid”?

18 Forsi l-​iktar kxif drammatiku minnhom kollha seħħ fil-​lejl qabel il-​mewt taʼ Ġesù meta hu qal lid-​dixxipli leali tiegħu dwar il-​“Patt il-​Ġdid.” (Luqa 22:20) Bħall-​patt taʼ qablu, il-​patt tal-​Liġi Mosajka, dan il-​patt il-​ġdid kellu jipproduċi “saltna taʼ qassisin.” (Eżodu 19:6; 1 Pietru 2:9) Madankollu, dan il-​patt kellu jistabbilixxi, mhux ġens tal-​laħam, imma wieħed spiritwali, “Iżrael taʼ Alla,” magħmul biss mis-​segwaċi midlukin taʼ Kristu li juru fedeltà. (Galatin 6:16) Dawn l-​uħud li magħhom sar il-​patt il-​ġdid kellhom jieħdu sehem ma’ Ġesù biex ibierku r-​razza umana!

19. (a) Il-​patt il-​ġdid għala jirnexxilu jipproduċi “saltna taʼ qassisin”? (b) Il-​Kristjani midlukin għala jissejħu “ħolqien ġdid,” u kemm hemm uħud li se jaqdu fis-​sema ma’ Kristu?

19 Imma l-​patt il-​ġdid għala jirnexxilu jipproduċi “saltna taʼ qassisin” biex tbierek lill-​bnedmin? Għax minflok ma jikkundanna lid-​dixxipli taʼ Kristu bħala midinbin, dan jagħmel possibbli l-​maħfra taʼ dnubiethom permezz tas-​sagrifiċċju tiegħu. (Ġeremija 31:31-​34) Meta Jehovah iqishom nodfa, hu jadottahom fil-​familja ċelestjali tiegħu u jidlikhom bl-​ispirtu qaddis. (Rumani 8:15-​17; 2 Korintin 1:21) B’hekk, huma jesperjenzaw ‘twelid mill-​ġdid għal tama ħajja merfugħ għalihom fis-​sema.’ (1 Pietru 1:3, 4) Peress li hija xi ħaġa totalment ġdida li bnedmin ikunu f’pożizzjoni għolja bħal din, il-​Kristjani midlukin imnisslin mill-​ispirtu jissejħu “ħolqien ġdid.” (2 Korintin 5:17) Il-​Bibbja turi li maż-​żmien, 144,000 se jieħdu sehem f’li jaħkmu mis-​sema fuq l-​umanità mifdija.—Apokalissi 5:9, 10; 14:1-​4.

20. (a) Fis-​sena 36 E.K. xi nkixef iktar dwar is-​sigriet sagru? (b) Min se jgawdi mill-​barkiet imwegħdin lil Abraham?

20 Flimkien ma’ Ġesù, dawn il-​midlukin isiru “nisel Abraham.” * (Galatin 3:29) L-​ewwel uħud magħżulin kienu Lhud naturali. Imma fis-​sena 36 E.K. inkixef aspett ieħor tas-​sigriet sagru: il-​Ġentili, jew uħud mhux Lhud, ukoll kellhom jieħdu sehem fit-​tama għas-​sema. (Rumani 9:6-​8; 11:25, 26; Efesin 3:5, 6) Kellhom il-​Kristjani midlukin ikunu l-​uniċi wħud li jgawdu l-​barkiet imwegħdin lil Abraham? Le, għax mis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù tibbenefika d-​dinja kollha. (1 Ġwanni 2:2) Maż-​żmien, Jehovah kixef li folla kbira li ma tingħaddx kellha ssalva fit-​tmiem tas-​sistema dinjija taʼ Satana. (Apokalissi 7:9, 14) Għadd kbir taʼ nies oħra se jiġu rxoxtati bil-​prospett li jgħixu għal dejjem fil-​Ġenna taʼ l-​art!—Luqa 23:43; Ġwanni 5:28, 29; Apokalissi 20:11-​15; 21:3, 4.

L-​Għerf t’Alla u s-​Sigriet Sagru

21, 22. Is-​sigriet sagru taʼ Jehovah b’liema mod juri l-​għerf tiegħu?

21 Is-​sigriet sagru juri b’mod taʼ l-​għaġeb “l-​għerf taʼ Alla, għerf taʼ kull xorta taʼ mezzi.” (Efesin 3:8-​10) X’għerf wera Jehovah meta għamel dan is-​sigriet, u meta mbagħad kixfu ftit ftit! B’għerf hu kkunsidra l-​limitazzjonijiet tal-​bnedmin, u ħalliehom juru l-​kundizzjoni vera taʼ qalbhom.—Salm 103:14.

22 Jehovah wera wkoll għerf uniku fl-​għażla tiegħu taʼ Ġesù bħala s-​Sultan. Bin Jehovah huwa taʼ min jafdah iktar minn kwalunkwe ħliqa oħra fl-​univers. Billi għex bħala bniedem tad-​demm u l-​laħam, Ġesù ġarrab ħafna tbatijiet differenti. Hu jifhimhom għalkollox il-​problemi tal-​bniedem. (Lhud 5:7-​9) U xi ngħidu għal dawk li se jaħkmu ma’ Ġesù? Matul is-​sekli, ġew midlukin kemm irġiel u kemm nisa, magħżulin minn kull razza, lingwa, u sfond tal-​ħajja. M’hemm l-​ebda problema li individwi fosthom ma ffaċċjawhiex u għelbuha. (Efesin 4:22-​24) X’għaxqa se tkun il-​ħajja taħt il-​ħakma taʼ dawn is-​slaten u qassisin kollhom ħniena!

23. Liema privileġġ għandhom il-​Kristjani fejn jidħol is-​sigriet sagru taʼ Jehovah?

23 L-​appostlu Pawlu kiteb: “[“Is-​sigriet sagru,” NW] li kien moħbi sa miż-​żminijiet u l-​ġenerazzjonijiet kollha . . . issa hu mgħarraf lill-​qaddisin tiegħu.” (Kolossin 1:26) Iva, il-​qaddisin midlukin taʼ Jehovah saru jifhmu ħafna dwar is-​sigriet sagru, u qasmu dan l-​għarfien ma’ miljuni taʼ nies. Xi privileġġ għandna lkoll kemm aħna! Jehovah “għarrfilna s-​sigriet sagru tar-​rieda tiegħu.” (Efesin 1:9, NW ) Ejja naqsmu dan is-​sigriet meraviljuż m’oħrajn, u ngħinuhom ukoll jittawlu fl-​għerf bla tarf li għandu Alla Jehovah!

^ par. 17 ‘Is-​sigriet sagru tad-​devozzjoni lejn Alla’ inkixef ukoll b’Ġesù. (1 Timotju 3:16, NW ) Il-​kwistjoni jekk kienx hemm xi ħadd li setaʼ jżomm integrità perfetta lejn Jehovah kienet ilha sigriet, misteru. Ġesù wera x’kienet it-​tweġiba. Hu żamm l-​integrità f’kull prova li Satana għamillu.—Mattew 4:1-​11; 27:26-​50.

^ par. 20 Ġesù għamel ukoll “patt . . . għal saltna” ma’ l-​istess grupp. (Luqa 22:29, 30, NW ) Fil-​fatt, Ġesù għamel kuntratt ma’ din il-​“merħla ċkejkna” biex dawn jaħkmu miegħu fis-​sema bħala l-​parti sekondarja tan-​nisel t’Abraham.—Luqa 12:32.