Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 22

Qiegħed “l-għerf li ġej minn fuq” jaħdem f’ħajtek?

Qiegħed “l-għerf li ġej minn fuq” jaħdem f’ħajtek?

1-3. (a) Salamun kif wera għerf taʼ l-​għaġeb fil-​mod kif ħa ħsieb it-​tilwima dwar min kienet omm it-​tarbija? (b) Jehovah xi jwiegħed li jagħtina, u liema mistoqsijiet iqumu?

 KIEN każ diffiċli—żewġ nisa kienu qed jiġġieldu fuq tarbija. In-​nisa kienu joqogħdu f’dar waħda, u t-​tnejn li huma kienu wildu iben, bi ftit jiem differenza minn xulxin. Tarbija minnhom kienet mietet, u issa kull waħda min-​nisa kienet qed tgħid li hija omm it-​tarbija l-​ħajja. * Ma kien hemm l-​ebda xhud ieħor li ra x’ġara. X’aktarx li l-​każ kien instemaʼ f’qorti iżgħar imma ma kienx ġie deċiż. Finalment, it-​tilwima ttieħdet quddiem Salamun, is-​sultan taʼ Iżrael. Kien hu se jirnexxilu jikxef il-​verità?

2 Wara li għamel ftit tal-​ħin jismaʼ waqt li n-​nisa bdew jitlewmu, Salamun talab li jnewlulu xabla. Imbagħad, donnu b’konvinzjoni qawwija, hu ordna li t-​tifel jinqasam fi tnejn, u kull mara tieħu nofs. Fil-​pront, l-​omm vera talbet bil-​ħrara lis-​sultan biex jagħti lit-​tarbija—l-​għażiż binha—lill-​mara l-​oħra. Imma l-​mara l-​oħra baqgħet tinsisti li t-​tifel jinqasam fi tnejn. Issa Salamun skopra x’kienet il-​verità. Kien jaf il-​mogħdrija tenera li għandha omm għal bin ġufha, u uża dak l-​għarfien biex isolvi din it-​tilwima. Immaġina kemm ħadet ir-​ruħ l-​omm meta Salamun taha t-​tarbija tagħha u qal: “Dik hi ommha.”—1 Slaten 3:16-​27.

3 Għerf taʼ l-​għaġeb, hux veru? Meta n-​nies semgħu kif Salamun kien solva l-​każ, huma baqgħu mistagħġbin, “għax raw li fih kellu l-​għerf taʼ Alla.” Iva, l-​għerf taʼ Salamun kien rigal divin. Jehovah kien tah “moħħ għaref u għaqli.” (1 Slaten 3:12, 28) Imma xi ngħidu għalina? Nistgħu aħna wkoll naqilgħu għerf mingħand Alla? Iva, għax Salamun ġie mnebbaħ jikteb: “Il-​Mulej jagħti l-​għerf.” (Proverbji 2:6) Jehovah iwiegħed li jagħti l-​għerf—l-​abbiltà li nużaw tajjeb l-​għarfien, il-​fehma, u d-​dixxerniment—lil dawk li jfittxuh bis-​sinċerità. Kif nistgħu niksbu għerf li ġej minn fuq? U kif nistgħu nħaddmuh f’ħajjitna?

‘Ikseb l-​Għerf’—Kif?

4-7. X’inhuma erba’ ħtiġijiet biex niksbu l-​għerf?

4 Irid ikollna intelliġenza jew skola kbira sabiex naqilgħu għerf mingħand Alla? Le. Jehovah lest li jaqsam l-​għerf tiegħu magħna, ġejjin minfejn ġejjin u għandna kemm għandna skola. (1 Korintin 1:26-​29) Imma rridu nieħdu l-​inizjattiva, għax il-​Bibbja tħeġġiġna biex ‘niksbu l-​għerf.’ (Proverbji 4:7) Dan kif nistgħu nagħmluh?

5 L-​ewwel, irridu nibżgħu minn Alla. “Il-​biżaʼ tal-​Mulej hu l-​bidu taʼ l-​għerf [“l-​ewwel pass lejn l-​għerf,” The New English Bible],” jgħid Proverbji 9:10. Il-​biżaʼ minn Alla huwa l-​pedament taʼ l-​għerf veru. Għala? Tinsiex li l-​għerf jinvolvi l-​abbiltà li nużaw l-​għarfien b’suċċess. Il-​biżaʼ minn Alla ma jfissirx li ninżlu gods quddiemu bit-​twerwir, imma li mmilu quddiemu b’riverenza, rispett, u fiduċja. Dan il-​biżaʼ huwa bnin u għandu qawwa kbira li jimmotivana. Iqanqalna biex inġibu ħajjitna fi qbil ma’ l-​għarfien tagħna dwar ir-​rieda t’Alla u l-​mod kif jagħmel l-​affarijiet. Ma nistgħux naqbdu triq oħra iktar għaqlija, għax il-​livelli taʼ Jehovah dejjem jipproduċu l-​aqwa benefiċċji għal dawk li jsegwuhom.

6 It-​tieni, għandna nkunu umlin u modesti. Ma jistax ikollna l-​għerf mingħand Alla mingħajr l-​umiltà u l-​modestja. (Proverbji 11:2) Għala? Jekk inkunu umlin u modesti, se nkunu lesti li nammettu li ma nafux kollox, li l-​opinjonijiet tagħna m’humiex dejjem tajbin, u li għandna bżonn inkunu nafu kif jaħsibha Jehovah dwar l-​affarijiet. Jehovah “jieqaf lill-​kburi,” imma jogħġbu jagħti l-​għerf lil dawk li huma umlin f’qalbhom.—Ġakbu 4:6.

Biex niksbu għerf mingħand Alla, irridu nagħmlu l-isforz biex inħaffru għalih

7 It-​tielet ħaġa essenzjali hi l-​istudju tal-​Kelma miktuba t’Alla. L-​għerf taʼ Jehovah jintwera fil-​Kelma tiegħu. Biex niksbu dan l-​għerf, irridu nagħmlu l-​isforz biex inħaffru għalih. (Proverbji 2:1-​5) Ir-​raba ħtieġa hi t-​talb. Jekk nitolbu bis-​sinċerità lil Alla għall-​għerf, hu se jkun ġeneruż u jagħtihulna. (Ġakbu 1:5) Hu mhux sejjer ma jweġibx it-​talb tagħna biex jgħinna bl-​ispirtu tiegħu. U bl-​ispirtu tiegħu nistgħu nsibu t-​teżori fil-​Kelma tiegħu li jistgħu jgħinuna nsolvu l-​problemi, niskansaw il-​perikli, u nieħdu deċiżjonijiet għaqlin.—Luqa 11:13.

8. Jekk verament ksibna l-​għerf mingħand Alla, dan kif se jidher?

8 Bħalma rajna f’Kapitlu 17, l-​għerf taʼ Jehovah huwa prattiku. Għaldaqstant, jekk verament ksibna l-​għerf mingħand Alla, dan se jidher bil-​mod kif inġibu ruħna. Id-​dixxiplu Ġakbu ddeskriva l-​frott taʼ l-​għerf divin meta kiteb: “L-​għerf li ġej minn fuq hu l-​ewwelnett safi, imbagħad iġib il-​paċi, hu raġunevoli, lest li jobdi, mimli ħniena u frott tajjeb, ma jagħmilx distinzjonijiet parzjali, mhux ipokrita.” (Ġakbu 3:17, NW ) Hekk kif niddiskutu kull wieħed minn dawn l-​aspetti taʼ l-​għerf divin, nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Qiegħed l-​għerf li ġej minn fuq jaħdem f’ħajti?’

“Safi, Imbagħad Iġib il-​Paċi”

9. X’jiġifieri li nkunu safjin, u għala huwa xieraq li s-​safa hi l-​ewwel kwalità taʼ l-​għerf li tissemma fil-​lista?

9 “L-​ewwelnett safi.” Li nkunu safjin ifisser li nkunu puri u mhux imniġġsin, mhux biss minn barra imma wkoll minn ġewwa. Il-​Bibbja torbot l-​għerf mal-​qalb, imma l-​għerf mis-​sema ma jistax jidħol f’qalb li hija mniġġsa bi ħsibijiet, xewqat, u motivi ħżiena. (Qwiel 2:10, Saydon; Mattew 15: 19, 20) Madankollu, jekk qalbna hija safja—jiġifieri, kemm jistaʼ jkun għal bnedmin imperfetti—se ‘nitbiegħdu mill-​ħażen u nagħmlu t-​tajjeb.’ (Salm 37:27; Proverbji 3:7) M’huwiex xieraq li s-​safa hija l-​ewwel kwalità taʼ l-​għerf li tissemma fil-​lista? Wara kollox, jekk ma nkunux nodfa moralment u spiritwalment, kif nistgħu tassew nirriflettu l-​kwalitajiet l-​oħra taʼ l-​għerf li ġej minn fuq?

10, 11. (a) Għala huwa importanti li nkunu wħud li nġibu l-​paċi? (b) Jekk tinduna li tkun offendejt lil xi ħadd minn sħabek fit-​twemmin, kif tistaʼ turi li int persuna li trid tagħmel paċi? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

10 “Imbagħad iġib il-​paċi.” L-​għerf mis-​sema jqanqalna biex infittxu l-​paċi, li hija frotta taʼ l-​ispirtu t’Alla. (Galatin 5:22) Aħna nistinkaw biex nevitaw li nfixklu r-​“rabta tas-​sliem” li tgħaqqad lin-​nies taʼ Jehovah. (Efesin 4:3) Aħna wkoll nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex nerġgħu nġibu l-​paċi meta din tiġi mfixkla. Dan għala hu importanti? Il-​Bibbja tgħid: “Żommu s-​sliem, u Alla taʼ l-​imħabba u s-​sliem ikun magħkom.” (2 Korintin 13:11) Għalhekk, sakemm inkomplu nżommu l-​paċi, l-​Alla tal-​paċi se jkun magħna. Il-​mod kif nittrattaw lill-​aduraturi sħabna jeffettwa direttament ir-​relazzjoni tagħna ma’ Jehovah. Kif nistgħu nuru li aħna persuni li rridu nagħmlu paċi? Ikkunsidra eżempju wieħed.

11 X’għandek tagħmel jekk tinduna li tkun offendejt lil xi ħadd minn sħabek fit-​twemmin? Ġesù qal: “Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-​offerta tiegħek fuq l-​artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-​offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-​artal u mur l-​ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-​offerta tiegħek.” (Mattew 5:23, 24) Tistaʼ tapplika dan il-​parir billi tieħu l-​inizjattiva li tmur għand ħuk. B’liema skop? Li ‘tirranġa’ jew tagħmel paċi miegħu. * Biex tagħmel dan, forsi jkollok bżonn tirrikonoxxi, mhux tiċħad, li hu jħossu mweġġa’. Jekk tmur għandu bil-​mira li terġaʼ tikseb il-​paċi u żżomm dik l-​attitudni, x’aktarx jistaʼ jiġi ċċarat kwalunkwe nuqqas taʼ ftehim, tintalab skuża xierqa, u tingħata maħfra. Meta toħroġ barra minn triqtek biex tagħmel paċi turi li int gwidat minn għerf mingħand Alla.

“Raġunevoli, Lest li Jobdi”

12, 13. (a) Xi tfisser il-​kelma tradotta “raġunevoli” f’​Ġakbu 3:17? (b) Kif nistgħu nuru li aħna raġunevoli?

12 “Raġunevoli.” X’jiġifieri li tkun raġunevoli? Skond listudjużi, il-​kelma Griega oriġinali mogħtija bħala “raġunevoli” f’​Ġakbu 3:17 hija diffiċli biex tittraduċiha. Xi tradutturi użaw kliem bħal “ġentili,” “paċenzjuż,” u “juri konsiderazzjoni.” It-​tifsira letterali tal-​kelma Griega hi “li jċedi.” Kif nistgħu nuru li dan l-​aspett taʼ l-​għerf li ġej minn fuq qed jaħdem fina?

13 “Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli,” jgħid Filippin 4:5 (NW ). Traduzzjoni oħra tgħid: “Ħa jkollok fama li int raġunevoli.” (The New Testament in Modern English, minn J.B. Phillips) Innota li m’hijiex wisq kwistjoni taʼ kif aħna naraw lilna nfusna; hija kwistjoni taʼ kif jarawna oħrajn, kif aħna magħrufin. Individwu raġunevoli ma jinsistix dejjem li l-​liġi trid tiġi applikata kelma b’kelma jew li tgħaddi tiegħu. Minflok, dan ikun lest li jismaʼ lil oħrajn u, meta jkun xieraq, iċedi għax-​xewqat tagħhom. Huwa wkoll ġentili, mhux goff jew aħrax, fil-​mod kif jittratta lil oħrajn. Filwaqt li dan hu essenzjali għall-​Kristjani kollha, huwa importanti b’mod speċjali għal dawk li jaqdu bħala anzjani. Il-​ġentilezza tiġbdek, u jekk l-​anzjani jkollhom lilha ħadd ma jibżaʼ jmur għandhom. (1 Tessalonikin 2:7, 8) Ilkoll nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘Għandi l-​fama li nuri konsiderazzjoni, ġentilezza, u li nħobb inċedi?’

14. Kif nistgħu nuru li aħna ‘lesti li nobdu’?

14 “Lest li jobdi.” Il-​kelma Griega tradotta “lest li jobdi” ma tinsab imkien ieħor fl-​Iskrittura Griega Kristjana. Skond studjuż wieħed, din il-​kelma “ta’ spiss tintuża għad-​dixxiplina militari.” Twassal il-​ħsieb taʼ li “faċli li tiġi perswadut” u li tkun “sottomess.” Xi ħadd li hu gwidat mill-​għerf li ġej minn fuq jissottometti ruħu malajr lejn dak li tgħid l-​Iskrittura. M’huwiex magħruf bħala wieħed li jwaħħal xi ħaġa f’moħħu u mbagħad ma jkunx irid jiġi influwenzat mill-​fatti li jikkontraduh. Anzi, hu jirranġa malajr meta jingħata evidenza ċara mill-​Iskrittura li hu kellu opinjoni ħażina jew wasal għal konklużjonijiet żbaljati. Int hekk magħruf m’oħrajn?

“Mimli Ħniena u Frott Tajjeb”

15. X’inhi l-​ħniena, u għala jixraq li l-​“ħniena” u l-​“frott tajjeb” jissemmew flimkien f’​Ġakbu 3:17?

15 “Mimli ħniena u frott tajjeb.” * Il-​ħniena hija parti importanti mill-​għerf li ġej minn fuq, għax dan l-​għerf jintqal li hu “mimli ħniena.” Innota li l-​“ħniena” u l-​“frott tajjeb” jissemmew flimkien. Dan jixraq, għax fil-​Bibbja, il-​ħniena taʼ spiss tirreferi għal interess attiv f’oħrajn, mogħdrija li tipproduċi ħafna għemejjel taʼ qalb tajba. Xogħol wieħed taʼ referenza jispjega l-​ħniena bħala “li tħoss dwejjaq minħabba l-​qagħda ħażina taʼ xi ħadd u tipprova tagħmel xi ħaġa dwar dan.” Għaldaqstant, l-​għerf mingħand Alla m’huwiex aħrax, bla qalb, jew sempliċement intelletwali. Minflok, huwa mimli affezzjoni, sinċier, u sensittiv. Kif nistgħu nuru li aħna mimlijin ħniena?

16, 17. (a) Flimkien ma’ l-​imħabba għal Alla, xi jqanqalna biex nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, u għala? (b) B’liema modi nistgħu nuru li aħna mimlijin ħniena?

16 Żgur li mod importanti huwa billi naqsmu l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla m’oħrajn. Xi jqanqalna nagħmlu dan ix-​xogħol? Primarjament, hija l-​imħabba għal Alla. Imma aħna nitqanqlu wkoll mill-​ħniena, jew il-​mogħdrija għal oħrajn. (Mattew 22:37-​39) Ħafna llum huma “mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.” (Mattew 9:36) Ir-​rgħajja reliġjużi foloz ittraskurawhom u għamewhom spiritwalment. Bħala riżultat, dawn in-​nies ma jafux bil-​gwida mimlija għerf li tinsab fil-​Kelma t’Alla jew bil-​barkiet li s-​Saltna dalwaqt se ġġib fuq l-​art. Għalhekk, meta nirriflettu dwar il-​bżonnijiet spiritwali taʼ dawk madwarna, il-​mogħdrija tagħna mill-​qalb tqanqalna biex nagħmlu kulma nistgħu ħalli ngħidulhom dwar l-​iskop taʼ mħabba li għandu Jehovah.

Meta nuru l-ħniena, jew il-mogħdrija, m’oħrajn, inkunu qed nirriflettu “l-għerf li ġej minn fuq”

17 B’liema modi oħra nistgħu nuru li aħna mimlijin ħniena? Ftakar fit-​tixbiha taʼ Ġesù tas-​Samaritan li sab lil wieħed li kien qed jivvjaġġa mixħut mat-​triq, misruq u msawwat. Imqanqal mill-​mogħdrija, is-​Samaritan “aġixxa bil-​ħniena,” billi nfaxxa l-​ġrieħi tal-​vittma u ħa ħsiebu. (Luqa 10:29-​37, NW ) Ma jurix dan li l-​ħniena tinvolvi li noffru għajnuna prattika lil dawk fil-​bżonn? Il-​Bibbja tgħidilna biex “nagħmlu l-​ġid ma’ kulħadd, l-​iktar ma’ qrabatna fil-​fidi.” (Galatin 6:10) Ikkunsidra xi possibbiltajiet. Xi ħadd fost sħabna fit-​twemmin li jkun imdaħħal fiż-​żmien forsi jkollu bżonn it-​trasport biex imur u jiġi mil-​laqgħat Kristjani. Armla fil-​kongregazzjoni jistaʼ jkollha bżonn xi tiswijiet fid-​dar. (Ġakbu 1:27) Xi ħadd skuraġġit forsi jkollu bżonn “kelma tajba” biex tferrħu. (Proverbji 12:25) Meta nuru l-​ħniena b’modi bħal dawn, se nuru li l-​għerf li ġej minn fuq qed jaħdem fina.

“Ma Jagħmilx Distinzjonijiet Parzjali, Mhux Ipokrita”

18. Jekk aħna gwidati mill-​għerf li ġej minn fuq, x’għandna nistinkaw li nqaċċtu minn qlubna, u għala?

18 “Ma jagħmilx distinzjonijiet parzjali.” L-​għerf mingħand Alla jegħleb il-​preġudizzju razzjali u l-​kburija nazzjonali. Jekk inkunu gwidati minn dan l-​għerf, aħna nistinkaw biex inqaċċtu minn qalbna kull tendenza li nħarsu lejn l-​uċuħ. (Ġakbu 2:9) Aħna ma nurux preferenzi m’oħrajn minħabba l-​edukazzjoni li jkollhom, il-​qagħda finanzjarja tagħhom, jew ir-​responsabbiltajiet li jkollhom fil-​kongregazzjoni; u ma nħarsu bi stmerrija lejn ħadd minn sħabna fit-​twemmin, jidhru kemm jidhru taʼ klassi baxxa. Jekk Jehovah ra li wħud bħal dawn jixirqilhom l-​imħabba tiegħu, żgur li għandna nqisuhom denji taʼ l-​imħabba tagħna.

19, 20. (a) Minfejn ġejja l-​kelma Griega għal “ipokrita”? (b) Kif nuru “mħabba sinċiera taʼ l-​aħwa,” u dan għala huwa importanti?

19 “Mhux ipokrita.” Il-​kelma Griega għal “ipokrita” tistaʼ tirreferi għal “attur li kien jirreċta parti.” Fi żmien il-​qedem, l-​atturi Griegi u Rumani kienu jilbsu maskri kbar meta kienu jirreċtaw. Għalhekk, il-​kelma Griega għal “ipokrita” saret tapplika għal bniedem li jagħmel taʼ bir-​ruħu xi ħaġa, jew juri wiċċ b’ieħor. Dan l-​aspett taʼ l-​għerf mingħand Alla għandu jinfluwenza mhux biss kif nittrattaw lil sħabna fit-​twemmin imma wkoll kif inħossuna dwarhom.

20 L-​appostlu Pietru qal li jekk ‘noqogħdu għall-​kelma tal-​verità’ se jkollna “mħabba sinċiera taʼ l-​aħwa.” (1 Pietru 1:22) Iva, l-​imħabba tagħna għal ħutna m’għandhiex tkun għal għajn in-​nies biss. Aħna ma nilbsux maskli jew nirreċtaw sabiex inqarrqu b’oħrajn. L-​imħabba tagħna trid tkun ġenwina, mill-​qalb. Jekk tkun hekk, se niksbu l-​fiduċja taʼ sħabna fit-​twemmin, għax se jkunu jafu li aħna verament dak li nidhru li aħna. Sinċerità bħal din tiftaħ it-​triq għal relazzjonijiet sinċieri u onesti bejn il-​Kristjani u tgħin biex ikun hemm atmosfera taʼ fiduċja fil-​kongregazzjoni.

“Żomm l-​Għaqal”

21, 22. (a) Salamun kif naqas li jżomm l-​għaqal? (b) Kif nistgħu nżommu l-​għaqal, u kif nibbenefikaw jekk nagħmlu hekk?

21 L-​għerf divin huwa għotja mingħand Jehovah, waħda li rridu nżommuha u nieħdu ħsiebha. Salamun qal: “Ibni, żomm l-​għaqal u l-​qjies.” (Proverbji 3:21) B’sogħba, Salamun stess m’għamilx dan. Hu baqaʼ għaqli sakemm żamm qalb ubbidjenti. Imma fl-​aħħar, il-​ħafna nisa barranin li kellu dawrulu qalbu ’l bogħod mill-​qima pura taʼ Jehovah. (1 Slaten 11:1-​8) It-​tmiem taʼ Salamun juri li l-​għarfien ma tantx jiswa jekk ma jintużax tajjeb.

22 Kif nistgħu nżommu l-​għaqal, jew l-​għerf prattiku? Mhux biss irridu naqraw regolarment il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja provduti mill-​“ilsir leali u għaqli” imma rridu wkoll nistinkaw biex napplikaw dak li nitgħallmu. (Mattew 24:45, NW ) Għandna kull raġuni għalxiex napplikaw l-​għerf divin. Ifisser ħajja aħjar issa u jippermettilna li ‘niksbu l-​ħajja vera’—ħajja fid-​dinja ġdida t’Alla. (1 Timotju 6:19) U l-​iktar importanti, meta nikkultivaw l-​għerf li ġej minn fuq se nersqu eqreb lejn Alla Jehovah, is-​sors taʼ kull għerf.

^ par. 1 Iż-​żewġ nisa ssejħu prostituti. Insight on the Scriptures jgħid: “Dawn in-​nisa għandhom mnejn kienu prostituti, mhux f’sens kummerċjali, imma nisa li kienu żnew, nisa Lhud jew inkella, x’aktarx, nisa taʼ dixxendenza barranija.”—Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

^ par. 11 L-​espressjoni Griega tradotta “irranġa” ġejja minn verb li jfisser “‘li tbiddel xi ħaġa, li tibdel ħaġa m’oħra,’ u għaldaqstant, ‘li tħabbeb mill-​ġdid.’” Għalhekk il-​mira tiegħek hi li tbiddel xi ħaġa, li tneħħi, jekk jistaʼ jkun, l-​ostilità minn qalb dak li jħossu offiż.—Rumani 12:18.

^ par. 15 Traduzzjoni oħra tittraduċi dan il-​kliem bħala “mimli mogħdrija u għemejjel tajbin.”—A Translation in the Language of the People, minn Charles B. Williams.