Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 25

“Il-mogħdrija tenera t’Alla tagħna”

“Il-mogħdrija tenera t’Alla tagħna”

1, 2. (a) L-​omm kif tirreaġixxi naturalment meta tibki t-​tarbija tagħha? (b) Liema emozzjoni hija saħansitra iktar qawwija mill-​mogħdrija taʼ l-​omm?

 F’NOFS taʼ lejl, tarbija tibda tibki. Minnufih, l-​omm tistenbaħ. Din m’għadhiex torqod fil-​fond bħal qabel—mhux mindu twieldet it-​tarbija tagħha. Hi tgħallmet tagħraf il-​biki differenti tat-​tarbija. B’hekk, ġeneralment tkun tistaʼ tgħid jekk għandhiex bżonn titmagħha, tgħannaqha u tfissidha ftit, jew tagħmlilha xi ħaġa oħra. Imma tibki għalxiex tibki t-​tarbija, l-​omm tirreaġixxi. Qalbha ma tħallihiex tinjora l-​bżonnijiet tat-​tarbija tagħha.

2 Il-​mogħdrija li omm tħoss għal bin ġufha hija fost l-​iktar emozzjonijiet teneri magħrufin mill-​bnedmin. Madankollu, teżisti emozzjoni bil-​wisq iktar qawwija—il-​mogħdrija tenera t’Alla tagħna, Jehovah. Ħarsa lejn din il-​kwalità ħelwa se tressaqna eqreb lejn Jehovah. Ejja, mela, niddiskutu x’inhi l-​mogħdrija u kif juriha Alla tagħna.

X’Inhi l-​Mogħdrija?

3. X’inhi t-​tifsira tal-​verb Ebrajk tradott li ‘titħassar’ jew ‘tħenn’?

3 Fil-​Bibbja, il-​mogħdrija u l-​ħniena huma marbutin ħafna ma’ xulxin. Għadd taʼ kliem Ebrajk u Grieg iġorr is-​sens taʼ mogħdrija tenera. Ikkunsidra, per eżempju, il-​verb Ebrajk ra·chamʹ, li taʼ spiss jiġi tradott bħala li ‘titħassar’ jew ‘tħenn.’ Xogħol wieħed taʼ referenza jispjega li l-​verb ra·chamʹ “jesprimi emozzjoni profonda u tenera taʼ mogħdrija, bħal dik li nħossu malli naraw dgħjufija jew tbatija f’xi ħadd għażiż għalina jew li jeħtieġ l-​għajnuna tagħna.” Dan it-​terminu Ebrajk, li Jehovah japplika għalih innifsu, hu marbut mal-​kelma “ġuf” u jistaʼ jiġi deskritt bħala “mogħdrija taʼ l-​omm.” *Eżodu 33:19; Ġeremija 33:26.

“Tista’ mara tinsa . . . bin ġufha?”

4, 5. Il-​Bibbja kif tuża l-​emozzjonijiet li omm tħoss għat-​tarbija tagħha biex tgħallimna dwar il-​mogħdrija taʼ Jehovah?

4 Il-​Bibbja tuża l-​emozzjonijiet li l-​omm tħoss għat-​tarbija tagħha biex tgħallimna xi tfisser il-​mogħdrija taʼ Jehovah. F’​Isaija 49:15 naqraw: “Tistaʼ mara tinsa lit-​tarbija li tradda’, u ma turix mogħdrija [ra·chamʹ] għal bin ġufha? Iva, huma jistgħu jinsew, iżda jien mhux se ninsiek.” (The Amplified Bible) Din id-​deskrizzjoni kommoventi tenfasizza l-​kobor tal-​mogħdrija li Jehovah għandu għall-​poplu tiegħu. Kif?

5 Huwa diffiċli timmaġina li omm tistaʼ qatt tinsa titmaʼ u tieħu ħsieb it-​tarbija tagħha. Wara kollox, tarbija ma tistax tieħu ħsieb tagħha nfisha; lejl u nhar ikollha bżonn lil ommha biex tieħu ħsiebha u turiha affezzjoni. Madankollu, b’dispjaċir jeżistu ommijiet li jittraskuraw lil uliedhom, speċjalment f’dan iż-​“żmien iebes” mimli b’nies “bla qalb.” (2 Timotju 3:1, 3) “Iżda,” Jehovah jiddikjara, “jien mhux se ninsiek.” Il-​mogħdrija tenera li Jehovah għandu għall-​qaddejja tiegħu ma tonqos qatt. Hija bil-​wisq iżjed qawwija mill-​iktar emozzjoni tenera u naturali li nistgħu nimmaġinaw—il-​mogħdrija li omm normalment tħoss għat-​tarbija tagħha. Mhux taʼ b’xejn li kummentatur wieħed qal hekk dwar Isaija 49:15: “Din hija waħda mill-​iktar, jekk mhux l-​iktar, espressjonijiet qawwija dwar l-​imħabba t’Alla fit-​Testment il-​Qadim.”

6. Ħafna bnedmin imperfetti kif jaħsbuha dwar il-​mogħdrija tenera, imma Jehovah dwar xiex jiżgurana?

6 Hija l-​mogħdrija tenera sinjal taʼ dgħjufija? Ħafna bnedmin imperfetti ħasbuha b’dan il-​mod. Per eżempju, il-​filosfu Ruman Seneka, li għex fi żmien Ġesù u kien bniedem importanti u intelletwali f’Ruma, għallem li “l-​ħasra hija dgħjufija tal-​moħħ.” Seneka kien favur l-​Istojċiżmu, filosofija li tenfasizza l-​istat taʼ kalmezza nieqes minn kull sentiment. Bniedem għaref jistaʼ jgħin lil dawk li jinsabu fl-​inkwiet, qal Seneka, imma ma jridx iħalli lilu nnifsu jitħassarhom, għax sentiment bħal dan ineħħilu s-​serenità. Din il-​ħarsa egoistika lejn il-​ħajja ma kinitx tħalli lok għall-​mogħdrija mill-​qalb. Madankollu, dan m’għandu x’jaqsam xejn ma’ kif inhu Jehovah! Fil-​Kelma tiegħu, Jehovah jiżgurana li hu “jaf jagħder, u hu ħanin bil-​bosta.” (Ġakbu 5:11) Bħalma se naraw, il-​mogħdrija m’hijiex dgħjufija imma kwalità b’saħħitha u vitali. Ejja neżaminaw kif Jehovah, bħal ġenitur li jħobb, juri din il-​kwalità.

Meta Jehovah Wera Mogħdrija għal Ġens

7, 8. L-​Iżraelin b’liema mod batew fl-​Eġittu tal-​qedem, u Jehovah kif irreaġixxa għat-​tbatija tagħhom?

7 Il-​mogħdrija taʼ Jehovah tidher ċar fil-​mod kif hu mexa mal-​ġens taʼ Iżrael. Sa tmiem is-​seklu 16 Q.E.K., miljuni taʼ Iżraelin kienu lsiera fl-​Eġittu tal-​qedem, fejn kienu maħqurin ferm. L-​Eġizzjani “mlewlhom ħajjithom bl-​imrar u bix-​xogħol iebes fit-​tafal u l-​madum.” (Eżodu 1:11, 14) Fin-​niket tagħhom, l-​Iżraelin talbu bil-​ħniena lil Jehovah għall-​għajnuna. Kif wieġeb l-​Alla tal-​mogħdrija tenera?

8 Qalb Jehovah tqanqlet. Hu qal: “Jien ħarist u rajt ittbatija tal-​poplu tiegħi fl-​Eġittu. U jien smajt il-​karba tagħhom minħabba fl-​argużini tagħhom u għaraft luġigħ tagħhom.” (Eżodu 3:7) Jehovah ma setax jara t-​tbatijiet tal-​poplu tiegħu jew jismaʼ l-​krib tagħhom mingħajr ma jħoss għalihom. Bħalma rajna f’Kapitlu 24 taʼ dan il-​ktieb, Jehovah hu Alla mimli empatija. U l-​empatija—l-​abbiltà li tħoss l-​uġigħ li jħossu l-​oħrajn—hija marbuta ħafna mal-​mogħdrija. Imma Jehovah mhux sempliċement ħass għall-​poplu tiegħu; hu tqanqal biex jaġixxi għan-​nom tagħhom. Isaija 63:9 jgħid: “Hu stess salvahom għall-​imħabba u l-​ħniena [“mogħdrija,” NW] tiegħu.” “B’id qawwija,” Jehovah ħeles lill-​Iżraelin mill-​Eġittu. (Dewteronomju 4:34) Minn dakinhar ’il quddiem, hu pprovdielhom l-​ikel b’mod mirakoluż u wassalhom f’art għammiela li saret tagħhom.

9, 10. (a) Jehovah għala ħelishom kemm-​il darba lill-​Iżraelin wara li dawn issetiljaw fl-​Art Imwiegħda? (b) Fi żmien Ġefta, Jehovah minn liema moħqrija ħelishom lill-​Iżraelin, u x’qanqlu jagħmel dan?

9 Il-​mogħdrija taʼ Jehovah ma waqfitx hemm. Meta ssetiljaw fl-​Art Imwiegħda, l-​Iżraelin urew għal darba wara l-​oħra nuqqas taʼ fedeltà u batew minħabba f’hekk. Imma mbagħad in-​nies kienu jiġu f’sensihom u jsejħu lil Jehovah. Hu kien isalvahom darba wara l-​oħra. Għala? Għax “ġietu ħasra mill-​poplu tiegħu.”—2 Kronaki 36:15; Mħallfin 2:11-​16.

10 Ikkunsidra x’ġara fi żmien Ġefta. Ladarba l-​Iżraelin kienu rħewlha jaqdu lill-​allat foloz, Jehovah ippermetta li huma jinħaqru mill-​Għammonin għal 18-​il sena. Fl-​aħħar, l-​Iżraelin nidmu. Il-​Bibbja tgħidilna: “Huma warrbu l-​allat barranin minn ġo nofshom, u bdew jaduraw lill-​Mulej; u hu ma felaħx aktar għat-​tbatija taʼ Iżrael.” (Mħallfin 10:6-​16) Malli l-​poplu tiegħu wera ndiema ġenwina, Jehovah ma felaħx iktar jarahom ibatu. Allura l-​Alla tal-​mogħdrija tenera ta l-​qawwa lil Ġefta biex jeħles lill-​Iżraelin minn taħt idejn l-​għedewwa tagħhom.—Mħallfin 11:30-​33.

11. Mill-​mod kif Jehovah mexa ma’ l-​Iżraelin, x’nitgħallmu dwar il-​mogħdrija?

11 Il-​mod kif Jehovah mexa mal-​ġens taʼ Iżrael x’jgħallimna dwar il-​mogħdrija tenera? L-​ewwel ħaġa, nistgħu naraw kif din tfisser iktar milli sempliċement b’simpatija tkun konxju tal-​problemi li jġarrbu n-​nies. Ftakar fl-​eżempju taʼ l-​omm li l-​mogħdrija tqanqalha biex tirreaġixxi għall-​biki tat-​tarbija tagħha. Bl-​istess mod, Jehovah ma jagħlaqx widnejh għall-​krib tan-​nies tiegħu. Il-​mogħdrija tenera tiegħu tqanqlu biex itaffilhom it-​tbatija. Flimkien ma’ dan, il-​mod kif Jehovah mexa ma’ l-​Iżraelin jgħallimna li l-​mogħdrija bl-​ebda mod ma hi dgħjufija, għax din il-​kwalità tenera qanqlitu biex jieħu azzjoni qawwija u deċiżiva għan-​nom tal-​poplu tiegħu. Imma juri Jehovah mogħdrija biss mal-​qaddejja tiegħu bħala grupp?

Il-​Mogħdrija taʼ Jehovah għall-​Individwi

12. Il-​Liġi kif irriflettiet il-​mogħdrija li Jehovah għandu għall-​individwi?

12 Il-​Liġi li Alla ta lin-​nazzjon taʼ Iżrael uriet il-​mogħdrija li hu għandu għall-​individwi. Ħu, per eżempju, kemm kien jaħseb għall-​foqra. Jehovah kien jaf li setgħu jqumu ċirkustanzi mhux mistennija li minħabba fihom xi Iżraeli setaʼ jaqaʼ fil-​faqar. Kif kellhom jiġu trattati wħud foqra? Jehovah ta lill-​Iżraelin dan il-​kmand ċar: “La twebbisx qalbek u tagħlaqx idek għal ħuk fil-​bżonn. Int għandek tagħtih, u la ssewwidx qalbek meta tagħtih, għaliex minħabba f’dan ibierkek il-​Mulej, Alla tiegħek, f’kull ma tmidd idek għalih.” (Dewteronomju 15:7, 10) Jehovah ikkmanda wkoll li l-​Iżraelin ma kellhomx jibqgħu jaħsdu sa tarf l-​għelieqi tagħhom jew jiġbru l-​fdalijiet li jkunu waqgħu waqt il-​ħsad. Dan it-​tilqit kellu jitħalla għal uħud żvantaġġati. (Levitiku 23:22; Rut 2:2-​7) Meta l-​poplu osserva din il-​liġi ħanina mal-​foqra li kien hemm fosthom, individwi f’Iżrael li kienu fil-​bżonn ma kellhomx għalfejn jittallbu għall-​ikel. Ma kinitx din riflessjoni tal-​mogħdrija tenera taʼ Jehovah?

13, 14. (a) Il-​kliem taʼ David kif jiżgurana li Jehovah jimpurtah ħafna minna bħala individwi? (b) Kif tistaʼ tispjega li Jehovah hu qrib dawk li għandhom “qalbhom maqsuma” jew “ruħhom mifnija”?

13 Illum, ukoll, Alla tagħna kollu mħabba jimpurtah ħafna minna bħala individwi. Nistgħu nibqgħu ċerti li hu jaf sewwa kwalunkwe tbatija li nistgħu ngħaddu minnha. Is-​salmista David qal: “Għajnejn il-​Mulej lejn il-​ġusti, u widnejh miftuħa għall-​għajta tagħhom. Qrib il-​Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.” (Salm 34:16, 19 [34:15, 18, NW]) Rigward l-​individwi deskritti b’dan il-​kliem, wieħed kummentatur tal-​Bibbja jinnota li ‘dawn għandhom qalb maqsuma u spirtu niedem, jiġifieri, umiljati minħabba d-​dnub, u bla rispett lejhom infushom; huma għandhom stima baxxa tagħhom infushom, u m’għandhom l-​ebda fiduċja fihom infushom.’ Uħud bħal dawn jistgħu jħossu li Jehovah jinsab ’il bogħod u li huma wisq insinifikanti biex hu jimpurtah minnhom. Imma dan m’huwiex il-​każ. Il-​kliem taʼ David jiżgurana li Jehovah ma jabbandunax lil dawk li “għandhom stima baxxa tagħhom infushom.” Alla tagħna li jagħder jaf li fi żminijiet bħal dawn, aħna għandna bżonnu iktar minn qatt qabel, u hu jinsab qrib.

14 Ikkunsidra din l-​esperjenza. Waħda omm fl-​Istati Uniti ħadet malajr lil binha taʼ sentejn l-​isptar għax kien qed ibati minn każ serju taʼ krupp. Wara li eżaminawh it-​tobba, dawn informaw lill-​omm li kien se jkollhom iżommuh l-​isptar. L-​omm fejn għaddietu l-​lejl? Fuq siġġu fil-​kamra taʼ l-​isptar, eżatt maġenb is-​sodda taʼ binha! It-​tifel ċkejken tagħha kien marid, u hi ma setgħetx ma toqgħodx ħdejh. Żgur li nistgħu nistennew saħansitra iktar mingħand Missierna tas-​sema li tant iħobbna! Wara kollox, aħna maħluqin fuq ix-​xbieha tiegħu. (Ġenesi 1:26) Il-​kliem li jqanqal il-​qalb f’​Salm 34:19 (34:18, NW) jgħidilna li meta aħna jkollna ‘qalbna maqsuma’ jew ‘ruħna mifnija,’ Jehovah, bħal ġenitur li jħobb, jinsab fil-​“qrib”—dejjem lest li jagħder u jgħin.

15. Jehovah b’liema modi jgħinna bħala individwi?

15 Allura, Jehovah kif jgħinna bħala individwi? Hu mhux neċessarjament ineħħilna l-​kaġun tat-​tbatija tagħna. Imma Jehovah għamel provvedimenti abbundanti għal dawk li jitolbu bil-​ħniena għall-​għajnuna tiegħu. Il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, toffri pariri prattiċi li jistgħu jagħmlu differenza kbira. Fil-​kongregazzjoni, Jehovah jipprovdi indokraturi kwalifikati spiritwalment, li jaħdmu iebes biex jirriflettu l-​mogħdrija tiegħu meta jgħinu lill-​aduraturi sħabhom. (Ġakbu 5:14, 15) Bħala Semmiegħ it-​talb, hu jagħti l-​“ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu.” (Salm 65:3 [65:2, NW]; Luqa 11:13) Dan l-​ispirtu jistaʼ jimliena b’“qawwa iktar min-​normal” sabiex nissaportu sakemm is-​Saltna t’Alla tneħħi l-​problemi stressanti kollha. (2 Korintin 4:7, NW) M’aħniex grati għal dawn il-​provvedimenti kollha? Ejja ma ninsewx li dawn huma espressjonijiet tal-​mogħdrija tenera taʼ Jehovah.

16. X’inhu l-​aqwa eżempju tal-​mogħdrija taʼ Jehovah, u kif jeffettwana bħala individwi?

16 M’għandniex xi ngħidu, l-​aqwa eżempju tal-​mogħdrija taʼ Jehovah hu li ta lill-​iktar Wieħed għażiż għalih bħala fidwa għalina. Dan kien sagrifiċċju taʼ mħabba min-​naħa taʼ Jehovah, u fetħilna t-​triq għas-​salvazzjoni. Ftakar, dan l-​arranġament tal-​fidwa japplika għalina personalment. Żakkarija, missier Ġwanni l-​Għammied, bir-​raġun bassar li dan il-​provvediment wera l-​kobor tal-​“mogħdrija tenera t’Alla tagħna.”—Luqa 1:78, NW.

Meta Jehovah Ma Jurix Mogħdrija

17-19. (a) Il-​Bibbja kif turi li l-​mogħdrija taʼ Jehovah għandha l-​limiti tagħha? (b) X’ġiegħel il-​mogħdrija taʼ Jehovah għall-​poplu tiegħu tasal sal-​limitu?

17 Nistgħu aħna nassumu li l-​mogħdrija tenera taʼ Jehovah m’għandhiex limiti? Għall-​kuntrarju, il-​Bibbja turi ċar li fil-​każ taʼ individwi li jmorru kontra t-​triqat ġusti tiegħu, Jehovah b’mod xieraq ma jurix mogħdrija. (Lhud 10:28) Biex naraw għala jagħmel hekk, ftakar fl-​eżempju tal-​ġens taʼ Iżrael.

18 Għalkemm Jehovah għal darba wara l-​oħra ħeles lill-​Iżraelin minn taħt l-​għedewwa tagħhom, sa fl-​aħħar il-​mogħdrija tiegħu waslet sal-​limitu. Dan il-​poplu stinat ipprattika l-​idolatrija, u saħansitra daħħal l-​idoli moqżieża tiegħu fit-​tempju stess taʼ Jehovah! (Eżekjel 5:11; 8:17, 18) Barra minn hekk, jintqalilna: “Huma kienu jiddieħku bil-​mibgħutin tiegħu, imaqdru kliemu, u jkasbru l-​profeti tiegħu, sa ma saħnet il-​korla tal-​Mulej għall-​poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar.” (2 Kronaki 36:16) L-​Iżraelin waslu sal-​punt li ma kienx baqaʼ iktar raġuni xierqa għalxiex jintwerew mogħdrija, u huma ġagħlu lil Jehovah biex b’mod ġust jirrabja. B’liema riżultat?

19 Jehovah ma setax iħoss iktar mogħdrija għall-​poplu tiegħu. Hu pproklama: “Ma nitħassarhomx, ma nħossx għalihom, ma nħennx għalihom hekk li ma neqridhomx.” (Ġeremija 13:14) B’hekk, Ġerusalemm u t-​tempju tagħha nqerdu, u l-​Iżraelin ittieħdu lsiera f’Babilonja. Kemm huwa traġiku meta bnedmin midinbin tant isiru ribellużi li jaqbżu l-​limiti tal-​mogħdrija divina!—Lamentazzjonijiet 2:21.

20, 21. (a) X’se jiġri meta l-​mogħdrija divina tasal sal-​limitu fi żmienna? (b) Liema provvediment taʼ mogħdrija mingħand Jehovah se jiġi diskuss fil-​kapitlu li jmiss?

20 Xi ngħidu għal-​lum? Jehovah ma nbidilx. Minħabba l-​mogħdrija tiegħu, hu ħatar lix-​Xhieda tiegħu biex jippridkaw “l-​Evanġelju tas-​Saltna” fl-​art abitata kollha. (Mattew 24:14) Meta nies taʼ qalbhom retta jwieġbu, Jehovah jgħinhom biex jifhmu l-​messaġġ tas-​Saltna. (Atti 16:14) Imma dan ix-​xogħol mhux se jibqaʼ sejjer għal dejjem. Ma tantx tkun mogħdrija min-​naħa taʼ Jehovah jekk iħalli din id-​dinja mill-​agħar, bil-​miżerja u t-​tbatija kollha li fiha, tibqaʼ teżisti għal żmien indefinit. Meta l-​mogħdrija divina tkun waslet sal-​limitu tagħha, Jehovah se jiġi biex jagħmel ħaqq minn din is-​sistema. Saħansitra dakinhar, hu se jkun qed jaġixxi b’mogħdrija—mogħdrija għal ‘ismu l-​qaddis’ u għall-​qaddejja devoti tiegħu. (Eżekjel 36:20-​23) Jehovah se jneħħi kull ħażen u jġib dinja ġdida mimlija ġustizzja. Dwar il-​ħżiena, Jehovah jiddikjara: “Ma nagħdirx, ma nurix ħniena. Nitlob minn għandhom il-​ħlas taʼ għemilhom.”—Eżekjel 9:10.

21 Sa dakinhar, Jehovah iħoss mogħdrija għan-​nies, anki dawk li qed jiffaċċjaw il-​qerda. Bnedmin midinbin li b’mod sinċier jindmu jistgħu jibbenefikaw minn wieħed mill-​iktar provvedimenti taʼ mogħdrija taʼ Jehovah—il-​maħfra. Fil-​kapitlu li jmiss, se nikkunsidraw xi ftit mit-​tixbihat sbieħ fil-​Bibbja li juru kemm hija kbira u kompleta l-​maħfra taʼ Jehovah.

^ par. 3 Ta’ interess, iżda, f’​Salm 103:13, il-​verb Ebrajk ra·chamʹ jirreferi għall-​ħniena, jew mogħdrija, li l-​missier juri għal uliedu.