Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 26

Alla li hu ‘lest biex jaħfer’

Alla li hu ‘lest biex jaħfer’

1-3. (a) Is-​salmista David liema toqol ikrah ħass, u kif sab faraġ għal qalbu mnikkta? (b) Meta nidinbu, liema toqol nistgħu nħossu bħala riżultat, imma Jehovah dwar xiex jiżgurana?

 “DNUBIETI telgħu ’l fuq minn rasi,” kiteb is-​salmista David. “Bħal toqol kbir għalija jagħfsu fuqi. Mifni nħossni u mfarrak għalkollox.” (Salm 38:5, 9 [38:4, 8, NW]) David kien jaf kemm jistaʼ jkun ikrah it-​toqol taʼ kuxjenza ħatja. Imma hu sab faraġ għal qalbu mnikkta. Fehem li filwaqt li Jehovah jobgħod id-​dnub, Hu ma jobgħodx lill-​midneb jekk dan jindem tassew u jiċħad l-​aġir midneb tiegħu. B’fiduċja sħiħa li Jehovah hu lest li juri ħniena ma’ wħud niedma, David qal: “Int, Sidi, . . . lest biex taħfer.”—Salm 86:5, .

2 Meta nidinbu, aħna wkoll nistgħu nġorru t-​toqol ikrah taʼ kuxjenza mifnija. Dan is-​sentiment taʼ ħtija jagħmlilna tajjeb. Jistaʼ jqanqalna nieħdu passi pożittivi biex nikkoreġu l-​iżbalji li nkunu għamilna. Madankollu, hemm il-​periklu li nħossuna mifnijin wisq bil-​ħtija. Qalbna tistaʼ tikkundannana u tinsisti li Jehovah mhux se jaħfrilna, nindmu kemm nindmu. Jekk ‘ninbelgħu’ minħabba l-​ħtija li nħossu, Satana jistaʼ jipprova jġagħalna naqtgħu qalbna, u nħossu li Jehovah iqisna li ma niswew xejn u li m’aħniex kapaċi naqduh.—2 Korintin 2:5-​11, NW.

3 Veru li Jehovah iqishom hekk l-​affarijiet? Lanqas xejn! Il-​maħfra hija aspett taʼ l-​imħabba kbira li għandu Jehovah. Fil-​Kelma tiegħu, hu jiżgurana li meta aħna nuru ndiema ġenwina u mill-​qalb, hu lest li jaħfer. (Proverbji 28:13) Biex qatt ma jgħaddilna minn moħħna li l-​maħfra taʼ Jehovah hi xi ħaġa li ma nistgħux niksbuha, ejja neżaminaw għala u kif jaħfer.

Għala Jehovah Hu ‘Lest biex Jaħfer’

4. Jehovah x’jiftakar dwar in-​natura tagħna, u dan kif jeffettwa l-​mod li bih jimxi magħna?

4 Jehovah jaf x’inhuma l-​limitazzjonijiet tagħna. “Hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab,” jgħid Salm 103:14. Hu ma jinsiex li aħna magħmulin mit-​trab, u li b’riżultat taʼ l-​imperfezzjoni, għandna nuqqasijiet jew dgħjufijiet. L-​espressjoni li hu jaf “kif aħna magħġuna” tfakkarna li l-​Bibbja xxebbah lil Jehovah ma’ fuħħari u lilna mal-​ġarar tal-​fuħħar li jagħmel. * (Ġeremija 18:2-​6) Il-​Fuħħari l-​Kbir jaddatta l-​mod kif jimxi magħna skond in-​natura dgħajfa u midinba tagħna u skond il-​mod kif aħna nwieġbu jew nonqsu li nwieġbu għall-​gwida tiegħu.

5. Il-​ktieb taʼ Rumani kif jiddeskrivi l-​qabda qawwija li għandu d-​dnub?

5 Jehovah jifhem kemm huwa b’saħħtu d-​dnub. Il-​Kelma tiegħu tiddeskrivi d-​dnub bħala forza qawwija li żżomm lill-​bniedem fil-​qabda qattiela tagħha. Mela kemm hi b’saħħitha l-​qabda li għandu d-​dnub? Fil-​ktieb tar-​Rumani, l-​appostlu Pawlu jispjega: Aħna ninsabu “taħt il-​ħakma tad-​dnub,” bħalma s-​suldati jinsabu taħt il-​kmandant tagħhom (Rumani 3:9); id-​dnub “saltan” fuq l-​umanità bħal sultan (Rumani 5:21); hu “jgħammar” ġewwa fina (Rumani 7:17, 20); il-​“liġi” tiegħu l-​ħin kollu taħdem fina, u fil-​fatt tipprova tikkontrolla dak li nagħmlu. (Rumani 7:23, 25) X’kontroll qawwi għandu d-​dnub fuq il-​ġisem imperfett tagħna!—Rumani 7:21, 24.

6, 7. (a) Jehovah kif iħares lejn dawk li jitolbu għall-​ħniena tiegħu b’qalb niedma? (b) Għala m’għandniex nagħmluha fatta l-​ħniena t’Alla?

6 Għaldaqstant, Jehovah jaf li l-​ubbidjenza perfetta m’hijiex possibbli għalina, avolja jistaʼ jkollna ħerqa kbira li nobduh b’mod perfett. Hu jiżgurana bi mħabba li meta aħna nitolbu għall-​ħniena tiegħu b’qalb niedma, hu se jagħtina l-​maħfra. Salm 51:19 (51:17, NW ) jgħid: “Is-​sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-​qalb niedma; qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.” Jehovah qatt ma se jiċħad, jew iwarrab, qalb li hi “maqsuma u sogħbiena” bit-​toqol tal-​ħtija.

7 Ifisser dan, iżda, li l-​ħniena taʼ Jehovah nistgħu nagħmluha fatta, u ninqdew bin-​natura midinba tagħna bħala skuża biex nidinbu? Dażgur li le! Jehovah ma jinfluwenzax ruħu mis-​sentimenti biss. Il-​ħniena tiegħu għandha l-​limiti. Hu bl-​ebda mod ma jaħfer lil dawk li jwebbsu qalbhom u jipprattikaw id-​dnub għax iridu, mingħajr ma juru ebda ndiema. (Lhud 10:26) Mill-​banda l-​oħra, meta jara qalb niedma, hu lest li jaħfer. Ejja issa nikkunsidraw xi ftit mil-​lingwaġġ użat fil-​Bibbja li jiddeskrivi b’mod ħaj dan l-​aspett meraviljuż taʼ l-​imħabba taʼ Jehovah.

Jehovah Kif Jaħfer b’Mod Komplet?

8. X’jagħmel, fil-​fatt, Jehovah meta jaħfrilna dnubietna, u dan x’fiduċja jagħtina?

8 Meta nidem, David qal: “Id-​dnub tiegħi jien stqarrejtlek, u l-​ħażen tiegħi ma ħbejtulekx. . . . U int ħfirtli l-​ħażen tad-​dnub tiegħi.” (Salm 32:5, korsiv tagħna.) Il-​kelma ‘ħfirt’ hija traduzzjoni taʼ kelma Ebrajka li tfisser bażikament li “tgħolli” jew “iġġorr.” L-​użu tagħha hawnhekk ifisser li wieħed ineħħi “l-​ħtija, id-​dnub, in-​nuqqas.” Mela Jehovah, fil-​fatt, għolla d-​dnubiet taʼ David u ġarrhom ’l hemm. Dan żgur li taffa s-​sentimenti taʼ ħtija li David kien qiegħed iħoss. (Salm 32:3) Aħna wkoll jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa fl-​Alla li jġorr ’l hemm id-​dnubiet taʼ dawk li jfittxu l-​maħfra tiegħu fuq il-​bażi tal-​fidi tagħhom fis-​sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù.—Mattew 20:28.

9. Jehovah kemm ipoġġihom ’il bogħod minna d-​dnubiet tagħna?

9 David uża espressjoni ċara oħra biex jiddeskrivi l-​maħfra taʼ Jehovah: “Daqs kemm hu mbiegħed il-​lvant mill-​punent, hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.” (Salm 103:12, korsiv tagħna.) Il-​lvant kemm hu ’l bogħod mill-​punent? F’ċertu sens, il-​lvant hu dejjem fit-​tarf l-​iktar imbiegħed mill-​punent; dawn iż-​żewġ trufijiet qatt ma jistgħu jiltaqgħu. Wieħed studjuż jinnota li din l-​espressjoni tfisser “l-​iktar bogħod possibbli; l-​iktar bogħod li wieħed jistaʼ jimmaġina.” Il-​kliem imnebbaħ taʼ David jgħidilna li meta Jehovah jaħfer, hu jpoġġi d-​dnubiet tagħna ’l bogħod minna kemm nistgħu nimmaġinaw.

“Dnubietkom . . . isiru bojod bħas-silġ”

10. Meta Jehovah jaħfrilna dnubietna, għala m’għandniex inħossu li se nibqgħu nġorru t-​tebgħa taʼ dawn id-​dnubiet għall-​bqija taʼ ħajjitna?

10 Qatt ipprovajt tneħħi tebgħa minn fuq xi libsa ċara? Forsi minkejja l-​isforzi kollha li għamilt, it-​tebgħa xorta baqgħet tidher. Innota kif Jehovah jiddeskrivi l-​kapaċità tiegħu li jaħfer: “Mqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-​iskarlatt, isiru bojod bħas-​silġ; mqar jekk ikunu ħomor bħall-​kremżi, isiru bojod bħas-​suf.” (Isaija 1:18, korsiv tagħna.) Il-​kelma “skarlatt” tfisser kulur aħmar jgħajjat. * Il-​“kremżi” kien wieħed mill-​kuluri skuri taʼ drapp miżbugħ. (Naħum 2:3, ) Qatt ma nistgħu nneħħu t-​tebgħa tad-​dnub bis-​saħħa tagħna stess. Imma Jehovah jistaʼ jaqbad id-​dnubiet li huma bħall-​iskarlatt u l-​kremżi u jagħmilhom bojod bħas-​silġ jew bħas-​suf mhux miżbugħ. Meta Jehovah jaħfrilna dnubietna, m’għandniex għalfejn inħossu li se nibqgħu nġorru t-​tebgħa taʼ dawn id-​dnubiet għall-​bqija taʼ ħajjitna.

11. Jehovah f’liema sens jixħet dnubietna wara spallejh?

11 Ħeżekija kkompona għanja kommoventi taʼ gratitudni wara li nħeles minn marda qattiela. Fiha qal lil Jehovah: “Int xħett wara spallejk ħtijieti kollha.” (Isaija 38:17, korsiv tagħna.) Hawnhekk, Jehovah jidher bħal wieħed li jaqbad id-​dnubiet taʼ persuna midinba li tindem u jixħethom wara spallejh, biex la jarahom u lanqas jagħti kashom iktar. Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid li l-​idea li jesprimi dan il-​vers tistaʼ tiġi espressa b’dan il-​mod: “[Dnubieti] ġibthom bħallikieku qatt ma saru.” M’huwiex dan taʼ faraġ?

12. Il-​profeta Mikea kif jindika li meta Jehovah jaħfer, Hu jneħħi dnubietna darba għal dejjem?

12 F’wegħda taʼ restawr, il-​profeta Mikea esprima l-​konvinzjoni tiegħu li Jehovah kien se jaħfer lill-​poplu niedem tiegħu: “Min hu Alla bħalek li . . . jaħfer id-​dnub lil fdal wirtu? . . . Jarmi ħtijietna kollha f’qiegħ il-​baħar.” (Mikea 7:18, 19, korsiv tagħna.) Immaġina x’kien ifisser dan il-​kliem għan-​nies li kienu jgħixu fi żminijiet Bibliċi. Kien hemm xi ċans li xi ħadd iġib xi ħaġa li tkun intefgħet f’“qiegħ il-​baħar”? Il-​kliem taʼ Mikea b’hekk jindika li meta Jehovah jaħfer, hu jneħħi dnubietna darba għal dejjem.

13. Xi jfisser il-​kliem taʼ Ġesù “Aħfrilna d-​djun tagħna”?

13 Ġesù uża r-​relazzjoni li hemm bejn il-​kreditur, dak li għandu jirċievi, u d-​debitur, dak li għandu jagħti, sabiex jispjega l-​maħfra taʼ Jehovah. Ġesù ħeġġiġna biex nitolbu: “Aħfrilna d-​djun tagħna.” (Mattew 6:12, NW ) B’hekk Ġesù xebbah id-​dnubiet mad-​djun. (Luqa 11:4, NW ) Meta nidinbu, aħna nidħlu f’“dejn” ma’ Jehovah. Rigward it-​tifsira tal-​verb Grieg tradott “aħfrilna,” xogħol wieħed taʼ referenza jgħid: “Li terħi, iċċedi, dejn billi ma titlobx ħlas għalih.” F’ċertu sens, meta Jehovah jaħfer, hu jħassar id-​dejn illi kieku kien jingħadd mal-​kont tagħna biex inħallsuh. B’hekk midinbin li jindmu jistgħu jsibu faraġ. Jehovah qatt ma se jitlob ħlas taʼ dejn li hu jkun ħassar!—Salm 32:2 (32:1, 2, NW ).

14. Il-​frażi “dnubietkom jitħassrulkom” f’liema ħaġa tfakkarna?

14 Il-​maħfra taʼ Jehovah hija deskritta wkoll f’​Atti 3:19 (NW): “Għalhekk, indmu u duru lura sabiex dnubietkom jitħassrulkom.” Din l-​aħħar kelma hija traduzzjoni taʼ verb Grieg li jistaʼ jfisser “li timsaħ għalkollox, . . . tingassa jew teqred.” Skond xi studjużi, dan il-​kliem jagħti stampa taʼ xi ħadd li jħassar xi kitba. Dan kif kien possibbli? Il-​linka li kienet tintuża ħafna fiż-​żmien tal-​qedem kienet magħmula minn taħlita li kien fiha karbonju, gomma, u ilma. Meta individwu kien jikteb b’din il-​linka, ftit wara setaʼ jaqbad sponża mxarrba u jimsaħ il-​kitba biex iħassarha. Hawnhekk insibu stampa sabiħa tal-​ħniena taʼ Jehovah. Meta hu jaħfrilna dnubietna, ikun bħallikieku qed jaqbad sponża u jħassarhom.

Jehovah iridna nkunu nafu li hu ‘lest biex jaħfer’

15. Jehovah xi jridna nkunu nafu dwaru?

15 Meta nirriflettu fuq dawn it-​tixbihat differenti, m’hix ħaġa ċara li Jehovah iridna nkunu nafu li hu verament jinsab lest li jaħfrilna dnubietna sakemm isibna li sinċerament indimna? M’hemmx għalfejn nibżgħu li hu se jerfgħalna dawn id-​dnubiet biex jikkundannana għalihom fil-​futur. Dan jintwera minn xi ħaġa oħra li l-​Bibbja tirrivela dwar il-​ħniena kbira taʼ Jehovah: Meta jaħfer, jinsa.

“Ħtijiethom Aktar Ma Niftakarhomx”

16, 17. Meta l-​Bibbja tgħid li Jehovah jinsa dnubietna, dan xi jfisser, u għala twieġeb hekk?

16 Jehovah wiegħed dwar dawk fil-​patt il-​ġdid: “Jien naħfrilhom ħżunithom, u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx.” (Ġeremija 31:34) Ifisser dan li meta Jehovah jaħfer ma jkunx jistaʼ jiftakarhom iktar id-​dnubiet? Dan żgur li m’huwiex il-​każ. Il-​Bibbja tgħidilna dwar id-​dnubiet taʼ ħafna individwi li Jehovah ħafrilhom, inkluż David. (2 Samwel 11:1-​17; 12:13) Huwa ovvju li Jehovah għadu jaf bl-​iżbalji li huma għamlu. Id-​dnubiet tagħhom, kif ukoll l-​indiema tagħhom u l-​maħfra mingħand Alla, ġew preservati bil-​miktub għall-​benefiċċju tagħna. (Rumani 15:4) Allura, il-​Bibbja xi trid tfisser meta tgħid li Jehovah ma ‘jiftakarx’ id-​dnubiet taʼ dawk li jaħfrilhom?

17 Il-​verb Ebrajk tradott ‘niftakar’ jimplika iktar milli wieħed sempliċement jiftakar x’ġara fil-​passat. Il-​ktieb Theological Wordbook of the Old Testament jinnota li dan jinkludi wkoll “indikazzjoni taʼ li wieħed jieħu azzjoni xierqa.” Mela f’dan is-​sens, li wieħed ‘jiftakar’ id-​dnub jinvolvi li jieħu azzjoni kontra min jidneb. (Hosegħa 9:9) Imma meta Alla jgħid li “ħtijiethom aktar ma niftakarhomx,” hu qed jiżgurana li ladarba jaħfer lil midinbin li jindmu, hu mhux sejjer f’xi żmien fil-​futur jaġixxi kontrihom minħabba dawk id-​dnubiet. (Eżekjel 18:21, 22) B’hekk, Jehovah jinsa fis-​sens li hu ma joqgħodx kull darba jaqlaʼ d-​dnubiet tagħna sabiex jakkużana jew jikkastigana darba wara l-​oħra. M’huwiex taʼ faraġ li nafu li Alla tagħna jaħfer u jinsa?

Xi Ngħidu dwar il-​Konsegwenzi?

18. Il-​maħfra għala ma tfissirx li midneb li jindem jiġi meħlus mill-​konsegwenzi kollha taʼ l-​aġir ħażin tiegħu?

18 Ifisser li għax Jehovah lest li jaħfer, kull midneb li jindem jiġi meħlus mill-​konsegwenzi kollha taʼ l-​aġir ħażin tiegħu? Lanqas xejn. Ma nistgħux nidinbu u ngħadduha lixxa. Pawlu kiteb: “Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad.” (Galatin 6:7) Nistgħu niffaċċjaw ċerti konsegwenzi taʼ l-​azzjonijiet tagħna. Dan ma jfissirx li wara li jaħfrilna, Jehovah iġagħalna ngħaddu mill-​inkwiet. Meta jinqalgħu l-​problemi, Kristjan m’għandux iħoss, ‘Forsi Jehovah qed jikkastigani għal xi dnubiet li għamilt fil-​passat.’ (Ġakbu 1:13) Mill-​banda l-​oħra, Jehovah ma jipproteġiniex mill-​effetti kollha taʼ l-​azzjonijiet ħżiena tagħna. Divorzju, tqala mhix mixtieqa, mard trasmess sesswalment, telf taʼ fiduċja jew rispett—dawn kollha jistgħu jkunu l-​konsegwenzi koroh u inevitabbli tad-​dnub. Ftakar li anki wara li ħafer lil David għad-​dnubiet li kien għamel f’konnessjoni ma’ Batseba u Urija, Jehovah ma pproteġiehx mill-​konsegwenzi diżastrużi li ġew wara.—2 Samwel 12:9-​12.

19-21. (a) Il-​liġi mniżżla f’​Levitiku 5:20-​26 kif kienet taʼ benefiċċju kemm għall-​vittma u kemm għall-​ħati? (b) Jekk oħrajn iweġġgħu minħabba d-​dnubiet tagħna, Jehovah x’jieħu pjaċir jarana nagħmlu?

19 Id-​dnubiet tagħna jistaʼ jkollhom konsegwenzi oħra, speċjalment jekk hemm oħrajn li ġew imweġġgħin minħabba l-​azzjonijiet tagħna. Ikkunsidra, per eżempju, ir-​rakkont f’​Levitiku kapitlu 5 (kapitlu 6, NW ). Hawnhekk il-​Liġi Mosajka tiddiskuti s-​sitwazzjoni taʼ meta xi ħadd jikkommetti ħażen serju billi jaħtaf xi oġġetti taʼ sieħbu Iżraeli u jisraqhom, jiħodhomlu bil-​forza, jew iqarraq bih. Imbagħad il-​midneb jiċħad li hu ħati, u saħansitra jażżarda jaħlef falz. Dan ikun każ fejn il-​kelma taʼ wieħed tkun kontra taʼ l-​ieħor. Madankollu, iktar tard ir-​raġel ħati tniggżu l-​kuxjenza u jistqarr dnubu. Biex jikseb il-​maħfra t’Alla, hu jrid jagħmel tliet affarijiet oħra: irodd lura dak li jkun ħa, iħallas lill-​vittma multa t’20 fil-​mija mill-​valur taʼ l-​oġġetti misruqin, u jipprovdi muntun bħala offerta tar-​riparazzjoni. Imbagħad, il-​liġi tgħid: “Il-​qassis jagħmel l-​espjazzjoni għalih quddiem il-​Mulej, u jinħafirlu.”—Levitiku 5:20-​26 (6:1-​7, NW ).

20 Din il-​liġi kienet provvediment taʼ ħniena mingħand Alla. Kienet taʼ benefiċċju għall-​vittma, għax din kienet tikseb lura l-​proprjetà tagħha u żgur li kienet tieħu r-​ruħ x’ħin fl-​aħħar il-​ħati kien jammetti d-​dnub tiegħu. Fl-​istess ħin, il-​liġi kienet taʼ benefiċċju għall-​individwu li sa fl-​aħħar il-​kuxjenza tiegħu kienet tqanqlu biex jammetti ħtijietu u jirranġa l-​iżball. Tabilħaqq, jekk kien jirrifjuta li jagħmel dan, ma kienx ikun hemm maħfra għalih min-​naħa t’Alla.

21 Għalkemm m’aħniex taħt il-​Liġi Mosajka, din il-​Liġi tagħtina dehen dwar kif jaħsibha Jehovah, inkluż kif jaħsibha fuq il-​maħfra. (Kolossin 2:13, 14) Jekk oħrajn iweġġgħu minħabba d-​dnubiet tagħna, Alla jieħu pjaċir meta jarana nagħmlu dak li nistgħu biex nirranġaw l-​iżball. (Mattew 5:23, 24) Dan jistaʼ jinvolvi li nirrikonoxxu d-​dnub li nkunu għamilna, nammettu l-​ħtija, u anki nitolbu skuża lill-​vittma. Imbagħad inkunu nistgħu nduru lejn Jehovah fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù u nkunu fiduċjużi li Alla ħafrilna.—Lhud 10:21, 22.

22. Jehovah x’jistaʼ jagħti flimkien mal-​maħfra?

22 Bħal kull ġenitur li jħobb, Jehovah jistaʼ jagħti l-​maħfra flimkien ma’ ċerta dixxiplina. (Proverbji 3:11, 12) Kristjan li jindem għandu mnejn ikollu jitlef il-​privileġġ li jaqdi bħala anzjan, qaddej ministerjali, jew evanġelizzatur full-​time. Jistaʼ jkun taʼ wġigħ għalih li għal xi żmien jitlef privileġġi li kien jgħożż. Madankollu, dixxiplina bħal din ma tfissirx li Jehovah ma weriex maħfra. Irridu niftakru li d-​dixxiplina mingħand Jehovah hija turija taʼ l-​imħabba li għandu għalina. Ikun għall-​ġid tagħna li naċċettawha u napplikawha.—Lhud 12:5-​11.

23. Għala m’għandna qatt nikkonkludu li Jehovah ma jistax juri ħniena magħna, u għala għandna nimitaw il-​maħfra tiegħu?

23 Kemm hu taʼ faraġ li nafu li Alla tagħna ‘lest biex jaħfer’! Minkejja l-​iżbalji li forsi stajna għamilna, qatt m’għandna nikkonkludu li Jehovah ma jistax juri ħniena magħna. Jekk verament nindmu, nieħdu passi biex nirranġaw l-​iżball, u nitolbu bil-​ħrara għall-​maħfra fuq il-​bażi tad-​demm li xerred Ġesù, jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa li Jehovah se jaħfrilna. (1 Ġwanni 1:9) Ejja nimitaw il-​maħfra tiegħu fil-​mod kif nittrattaw lil xulxin. Wara kollox, jekk Jehovah, li ma jidnibx, jistaʼ jaħfrilna b’tant imħabba, m’għandniex aħna bħala bnedmin midinbin nagħmlu ħilitna biex naħfru lil xulxin?

^ par. 4 Il-​kelma Ebrajka tradotta “kif aħna magħġuna” tintuża wkoll għar-​reċipjenti tal-​fuħħar li jagħmel il-​fuħħari.—Isaija 29:16.

^ par. 10 Wieħed studjuż jgħid li l-​iskarlatt “kien kulur li ma jitfix, jew li ma jerħix. La n-​nida, la x-​xita, la l-​ħasil, u lanqas l-​użu, ma kien ineħħih.”