Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 27

“O kemm hija kbira t-tjubija tiegħu!”

“O kemm hija kbira t-tjubija tiegħu!”

1, 2. Kemm teffettwa affarijiet it-​tjubija t’Alla, u l-​Bibbja x’enfasi tagħmel fuq din il-​kwalità?

 IMDAWRIN bid-​dawl dehbi taʼ nżul ix-​xemx, xi ħbieb antiki qed igawdu ikla flimkien għall-​beraħ, jidħqu u jpaċpċu filwaqt li jammiraw il-​veduta. Xi mkien ’il bogħod, bidwi jħares lejn l-​għelieqi tiegħu u jitbissem b’sodisfazzjon għax jara s-​sħab iswed jinġemaʼ u l-​ewwel taqtir tax-​xita nieżel fuq il-​ħxejjex bl-​għatx. Band’oħra, raġel u mara se jtiru bil-​ferħ għax qed jaraw lit-​tarbija tagħhom tagħmel l-​ewwel passi.

2 Jafu jew ma jafux, nies bħal dawn qed jibbenefikaw ilkoll mill-​istess ħaġa—it-​tjubija t’Alla Jehovah. Nies reliġjużi spiss jirrepetu l-​frażi “Alla huwa tajjeb.” Il-​Bibbja titkellem b’iktar enfasi. Din tgħid: “O kemm hija kbira t-​tjubija tiegħu!” (Żakkarija 9:17, NW ) Imma milli jidher, illum ftit huma dawk li jafu tassew xi jfisser dan il-​kliem. X’tinvolvi verament it-​tjubija t’Alla Jehovah, u din il-​kwalità t’Alla kif teffettwa lil kull wieħed u waħda minna?

Aspett Meraviljuż taʼ l-​Imħabba Divina

3, 4. X’inhi t-​tjubija, u t-​tjubija taʼ Jehovah għala tistaʼ tiġi deskritta l-​aħjar bħala turija taʼ l-​imħabba divina?

3 F’ħafna lingwi moderni, “tjubija” hija kelma kemxejn ġenerali. Madankollu, kif muri fil-​Bibbja, it-​tjubija hija ’l bogħod minn hekk. Primarjament, din tirreferi għal virtù u kwalità morali eċċellenti. F’ċertu sens, allura, nistgħu ngħidu li t-​tjubija hija parti integrali minn Jehovah. L-​attributi kollha tiegħu—inkluż il-​qawwa, il-​ġustizzja, u l-​għerf tiegħu—huma tajbin mill-​bidu sa l-​aħħar. Xorta waħda, it-​tjubija tistaʼ tiġi deskritta l-​aħjar bħala turija taʼ l-​imħabba taʼ Jehovah. Għala?

4 It-​tjubija hija kwalità attiva, murija b’azzjonijiet lejn ħaddieħor. L-​appostlu Pawlu indika li fil-​bnedmin din tiġbdek saħansitra iktar mill-​ġustizzja. (Rumani 5:7) Hija ħaġa ċerta li bniedem ġust jobdi fedelment il-​ħtiġijiet tal-​liġi, imma raġel tajjeb jagħmel iktar minn hekk. Hu jieħu l-​inizjattiva, u jara b’mod attiv kif se jkun taʼ benefiċċju għal oħrajn. Bħalma se naraw, Jehovah ċertament li hu tajjeb f’dan is-​sens. B’mod ċar, tjubija bħal din ġejja mill-​imħabba bla qjies li għandu Jehovah.

5-7. Ġesù għala rrifjuta li jissejjaħ “Mgħallem tajjeb,” u b’hekk liema verità profonda kkonferma?

5 Jehovah hu wkoll uniku fit-​tjubija tiegħu. Mhux wisq qabel ma miet Ġesù, wieħed raġel ġie fuqu biex jistaqsih mistoqsija, u indirizzah bil-​kliem “Mgħallem tajjeb.” Ġesù wieġbu: “Għaliex qiegħed issejjaħli ‘tajjeb?’. . . Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss.” (Mark 10:17, 18) Issa, din it-​tweġiba għandha mnejn tħawdek ftit. Ġesù għala kellu għalfejn jikkoreġih lir-​raġel? Ma kienx Ġesù, fil-​fatt, “Mgħallem tajjeb”?

6 Evidentement, ir-​raġel kien qed juża l-​kliem “Mgħallem tajjeb” bħala titlu taʼ tifħir. Bil-​modestja Ġesù ta glorja bħal din lil Missieru tas-​sema, li hu tajjeb fis-​sens suprem. (Proverbji 11:2) Imma Ġesù kien qiegħed ukoll jikkonferma verità profonda. Jehovah biss huwa l-​livell taʼ dak li hu tajjeb. Hu biss għandu d-​dritt sovran li jiddetermina x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Adam u Eva, billi rribellaw u kielu mis-​siġra taʼ tagħrif it-​tajjeb u l-​ħażin, riedu jiksbu dan id-​dritt għalihom infushom. Kuntrarju għalihom, Ġesù b’umiltà jħalli lil Missieru jistabbilixxi l-​livelli.

7 Iktar minn hekk, Ġesù kien jaf li Jehovah hu s-​sors taʼ dak kollu li hu verament tajjeb. Hu d-​Donatur taʼ “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett.” (Ġakbu 1:17) Ejja neżaminaw kif it-​tjubija taʼ Jehovah tidher fil-​ġenerożità tiegħu.

Evidenza tat-​Tjubija Abbundanti taʼ Jehovah

8. Jehovah kif wera tjubija mal-​bnedmin kollha?

8 Kulmin qatt għex ibbenefika mit-​tjubija taʼ Jehovah. Salm 145:9 jgħid: “Twajjeb ma’ kulħadd il-​Mulej.” (Korsiv tagħna.) X’inhuma xi eżempji tat-​tjubija tiegħu li tolqot kollox? Il-​Bibbja tgħid: “Ma naqasx li jagħti xhieda fuqu nnifsu bil-​ġid li jagħmlilkom, meta jagħtikom ix-​xita mis-​sema u l-​frott fi żmienu, u hekk ixebbagħkom bl-​ikel u jimlielkom qalbkom bl-​hena.” (Atti 14:17) Ġieli ħassejtek f’burdata aħjar wara li tkun kilt xi ikla tajba? Li kieku ma kinitx għat-​tjubija taʼ Jehovah li ddisinja din l-​art b’ħażna taʼ ilma ġieri li dejjem jirriċikla ruħu u staġuni biex jipproduċu abbundanza taʼ “frott fi żmienu,” l-​ikel ma kienx jeżisti. Jehovah ma weriex tjubija bħal din ma’ dawk biss li jħobbuh imma ma’ kulħadd. Ġesù qal: “Hu jtalla’ x-​xemx tiegħu sew fuq il-​ħżiena u sew fuq it-​tajbin, u jniżżel ix-​xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex.”—Mattew 5:45.

Jehovah qed ‘jagħtikom ix-xita mis-sema u l-frott fi żmienu’

9. It-​tuffieħa kif turi t-​tjubija taʼ Jehovah?

9 Ħafna nies ftit jagħtu importanza jew jirrealizzaw kemm il-​bnedmin igawdu ġenerożità kbira minħabba l-​effetti kontinwi tax-​xemx, ix-​xita, u l-​istaġuni tal-​frott. Per eżempju, ejja nieħdu t-​tuffieħa. Fl-​inħawi taʼ l-​art bi klima moderata, din hija frotta komuni. Madankollu, hija frotta sabiħa, għandha togħma bnina, u mimlija ilma rifreskanti u nutriment importanti għall-​ħajja. Kont taf li madwar id-​dinja hemm mas-​7,500 varjetà differenti taʼ tuffieħ, b’diversi kuluri bħal aħmar, kulur id-​deheb, isfar, u aħdar, u li hemm tuffieħ żgħir daqs għenba u ieħor li jikber daqs larinġa kbira? Jekk iżżomm żerriegħa taʼ tuffieħa fil-​pala taʼ idek, din tidher daqs naqra. Imma minnha tikber waħda mill-​isbaħ siġar. (Għanja taʼ l-​Għanjiet 2:3) Fir-​rebbiegħa s-​siġra tat-​tuffieħ tinkesa b’għadd kbir u sabiħ taʼ żahar; fil-​ħarifa tagħmel il-​frott. Kull sena—sa 75 sena—siġra normali tat-​tuffieħ tipproduċi biżżejjed frott kemm jesgħu 20 kannestru taʼ 19-​il kilo kull wieħed!

Minn din in-naqra ta’ żerriegħa tikber siġra li tista’ titma’ u tpaxxi lin-nies għal ħafna snin

10, 11. Is-​sensi kif juru t-​tjubija t’Alla?

10 Fit-​tjubija infinita tiegħu, Jehovah tana ġisem li hu ‘magħmul b’mod taʼ l-​għaġeb,’ b’sensi disinjati biex jgħinuna napprezzaw xogħlijietu u nitgħaxxqu bihom. (Salm 139:14) Erġaʼ aħseb ftit fuq ix-​xeni deskritti fil-​bidu taʼ dan il-​kapitlu. X’naraw f’mumenti bħal dawn li jġibilna l-​ferħ? Par wardiet ħomor fuq wiċċ tarbija kuntenta. Ix-​xita nieżla bil-​qliel fuq l-​għelieqi. Il-​kuluri ħomor, dehbin, u vjola taʼ nżul ix-​xemx. L-​għajn umana hi disinjata biex tara iktar minn 300,000 kulur differenti! U bis-​sens tagħna tas-​smigħ nistgħu nisimgħu l-​varjazzjonijiet fit-​ton taʼ xi leħen għal qalbna, it-​tisfira tar-​riħ qalb is-​siġar, id-​daħqa mill-​qalb taʼ tarbija. Għala nistgħu naraw u nisimgħu affarijiet bħal dawn u nitgħaxxqu bihom? Il-​Bibbja tgħid: “Il-​widna li tismaʼ u l-​għajn li tara, it-​tnejn il-​Mulej għamilhom.” (Proverbji 20:12) Imma dawn huma biss tnejn mis-​sensi li għandna.

11 Is-​sens tax-​xamm huwa evidenza oħra tat-​tjubija taʼ Jehovah. L-​imnieħer uman jistaʼ jagħraf ma’ l-​10,000 riħa differenti. Aħseb dwar ftit minnhom: l-​ikel favorit tiegħek fuq in-​nar, il-​fjuri, il-​weraq li jaqaʼ mis-​siġar, ftit duħħan ħiereġ minn barbikju. U bis-​sens tal-​mess tistaʼ tħoss iż-​żiffa ħelwa ma’ wiċċek, it-​tgħanniqa inkuraġġanti taʼ xi ħadd li tħobb, frotta lixxa f’idek. Meta tieħu gidma jibda jaħdem is-​sens tat-​togħma. F’ħalqek ittiegħem taħlita taʼ togħmiet hekk kif partijiet differenti taʼ lsienek jagħrfu t-​togħmiet delikati li jiġu minħabba l-​mod komplikat li bih hija magħmula l-​frotta. Iva, għandna kull raġuni għalxiex nesklamaw dwar Jehovah: “Kemm hi kbira tjubitek, Mulej, li għandek merfugħa għal min jibżaʼ minnek.” (Salm 31:20, Saydon [31:19, NW]) Iżda, Jehovah kif ‘refaʼ’ t-​tjubija għal dawk li għandhom il-​biżaʼ t’Alla?

Tjubija b’Benefiċċji Dejjiema

12. Liema affarijiet li jipprovdilna Jehovah huma l-​iktar importanti, u għala?

12 Ġesù qal: “Hemm miktub, ‘Il-​bniedem mhux bil-​ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’” (Mattew 4:4) Tabilħaqq, dak li Jehovah jipprovdilna spiritwalment jistaʼ jagħmlilna saħansitra iktar tajjeb minn dak li jipprovdilna fiżikament, għax l-​affarijiet spiritwali jwassluna għall-​ħajja taʼ dejjem. F’Kapitlu 8 taʼ dan il-​ktieb, rajna li Jehovah uża l-​qawwa tiegħu li jġedded matul dawn l-​aħħar jiem sabiex iġib ġenna spiritwali. Fattur importanti f’din il-​ġenna hija l-​abbundanza taʼ ikel spiritwali.

13, 14. (a) Il-​profeta Eżekjel x’ra waqt viżjoni, u din xi tfisser għalina llum? (b) Jehovah liema provvedimenti spiritwali li jagħtu l-​ħajja jipprovdi għall-​qaddejja leali tiegħu?

13 F’waħda mill-​profeziji kbar taʼ tiġdid fil-​Bibbja, il-​profeta Eżekjel ra viżjoni taʼ tempju mġedded u glorifikat. Minn dan it-​tempju kienet ħierġa nixxiegħa ilma, li kompliet tikber u ssir iktar fonda sakemm saret “xmara.” Kulfejn kienet tgħaddi, din ix-​xmara kellha effett tajjeb. Max-​xtut tagħha kien hemm ħafna siġar li jipprovdu ikel u fejqan. U x-​xmara saħansitra ġabet il-​ħajja u l-​produttività fil-​Baħar il-​Mejjet, mielaħ u bla ħajja! (Eżekjel 47:1-​12) Imma dan kollu x’kien ifisser?

14 Il-​viżjoni kienet tfisser li Jehovah kien se jġedded l-​arranġament tiegħu għall-​qima pura, kif muri permezz tat-​tempju li ra Eżekjel. Bħal dik ix-​xmara fil-​viżjoni, il-​provvedimenti t’Alla għall-​ħajja kellhom joħorġu b’abbundanza li ma bħalha għal għand il-​poplu tiegħu. Minn mindu seħħ it-​tiġdid tal-​qima pura fl-​1919, Jehovah bierek lill-​poplu tiegħu bi provvedimenti li jagħtu l-​ħajja. Kif? Bibbji, letteratura Biblika, laqgħat, u konvenzjonijiet servew kollha biex iwasslu veritajiet vitali għand miljuni taʼ nies. B’mezzi bħal dawn Jehovah għallem lin-​nies dwar l-​iktar provvediment importanti li hu pprovda għall-​ħajja—is-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa. Dan jagħmel possibbli reputazzjoni tajba ma’ Jehovah u t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem għal dawk kollha li verament iħobbu lil Alla u jibżgħu minnu. * Għaldaqstant, matul dawn l-​aħħar jiem, filwaqt li d-​dinja batiet ġuħ spiritwali, il-​poplu taʼ Jehovah gawda festa spiritwali.—Isaija 65:13, 14a (65:13, NW ).

15. It-​tjubija taʼ Jehovah f’liema sens se tgelgel għal għand il-​bnedmin leali matul ir-​Renju Millennjali taʼ Kristu?

15 Imma x-​xmara li ra Eżekjel fil-​viżjoni mhix se tieqaf tgelgel meta din is-​sistema dinjija qadima tasal fi tmiemha. Għall-​kuntrarju, din se tgelgel b’iktar abbundanza matul ir-​Renju Millennjali taʼ Kristu. Imbagħad, permezz tas-​Saltna Messjanika, Jehovah se japplika l-​valur sħiħ tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, u bil-​mod il-​mod iwassal lill-​bnedmin leali għall-​perfezzjoni. Kemm se nifirħu mbagħad bit-​tjubija taʼ Jehovah!

Aspetti Oħra tat-​Tjubija taʼ Jehovah

16. Il-​Bibbja kif turi li t-​tjubija taʼ Jehovah tinvolvi kwalitajiet oħra, u x’inhuma xi ftit minnhom?

16 It-​tjubija taʼ Jehovah tinvolvi iktar minn ġenerożità. Alla qal lil Mosè: “Jien ngħaddi tjubiti kollha minn quddiemek, u ngħajjat l-​isem tiegħi ‘Jaħweh’ quddiemek.” Iktar tard ir-​rakkont jgħid: “Il-​Mulej għadda minn quddiemu u għajjat: ‘Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u [“grazzjuż,” NW]; tqil biex jagħdab u kbir fit-​tjieba u [“fis-​sewwa,” Saydon].’” (Eżodu 33:19; 34:6) Mela t-​tjubija taʼ Jehovah tinvolvi għadd taʼ kwalitajiet mill-​aħjar. Ejja nikkunsidraw tnejn biss minnhom.

17. Xi tfisser li tkun grazzjuż, u Jehovah kif wera din il-​kwalità ma’ sempliċi bnedmin imperfetti?

17 “Grazzjuż.” Din il-​kwalità tgħidilna ħafna dwar kif Jehovah jimxi mal-​ħlejjaq tiegħu. Minflok m’hu żorr, bla emozzjonijiet, jew tirann, bħalma jiġri spiss fil-​każ taʼ nies li għandhom il-​poter, Jehovah hu ġentili u qalbu tajba. Per eżempju, Jehovah qal lil Abram: “Arfa’ għajnejk [“jekk jogħġbok,” NW] u ħares mill-​post fejn int qiegħed, lejn it-​tramuntana u n-​nofsinhar, lejn il-​lvant u l-​punent.” (Ġenesi 13:14) Ħafna traduzzjonijiet iħalluha barra l-​kelma “jekk jogħġbok.” Imma studjużi tal-​Bibbja jinnotaw li l-​kliem fl-​Ebrajk oriġinali jinkludi partiċella tal-​kelma li tbiddel l-​istqarrija minn kmand għal talba bil-​pulit. Hemm eżempji oħra simili. (Ġenesi 31:12, NW; Eżekjel 8:5, NW ) Immaġina ftit, is-​Sovran taʼ l-​univers jgħid “jekk jogħġbok” lil sempliċi bnedmin! F’dinja fejn il-​ħruxija, l-​imġiba aggressiva, u l-​guffaġni huma tant komuni, m’huwiex rifreskanti li nirriflettu fuq kemm Alla tagħna Jehovah hu grazzjuż?

18. Jehovah f’liema sens hu “kbir . . . fis-​sewwa,” u dan il-​kliem għala jqawwi l-​qalb?

18 “Kbir . . . fis-​sewwa.” Id-​diżonestà saret xi ħaġa taʼ kuljum fid-​dinja taʼ llum. Imma l-​Bibbja tfakkarna: “Alla m’hux bniedem biex jigdeb.” (Numri 23:19) Fil-​fatt, Titu 1:2 (NW ) jgħid li “Alla . . . ma jistax jigdeb.” Hu tajjeb wisq biex jagħmel dan. B’hekk, wieħed jistaʼ jafda għalkollox fil-​wegħdi taʼ Jehovah; il-​kliem tiegħu dejjem iseħħ b’ċertezza. Jehovah saħansitra jissejjaħ “Alla tas-​sewwa.” (Salm 31:6, [31:5, NW]) Hu mhux biss iżomm lura milli jgħid il-​gideb imma jferra’ abbundanza taʼ sewwa, jew verità. Hu m’huwiex wieħed li ma juri xejn, attent li ma tiżloqlux xi kelma, jew jieħu pjaċir iżomm kollox mistur; minflok, hu b’mod ġeneruż idawwal lill-​qaddejja leali tiegħu mill-​ħażna bla limitu t’għerf li għandu. * Hu saħansitra jgħallimhom kif jgħixu skond il-​veritajiet li jagħti sabiex dawn ikunu jistgħu jibqgħu ‘mexjin fil-​verità.’ (3 Ġwanni 3) B’mod ġenerali, it-​tjubija taʼ Jehovah kif għandha teffettwana individwalment?

Ħalli ‘Wiċċek Jiddi Minħabba t-​Tjieba tal-​Mulej’

19, 20. (a) Satana kif ipprova jdgħajjef il-​fiduċja li Eva kellha fit-​tjubija taʼ Jehovah, u b’liema riżultat? (b) It-​tjubija taʼ Jehovah x’effett suppost li jkollha fuqna, u għala?

19 Meta Satana ttanta lil Eva fil-​ġnien taʼ l-​Għeden, hu beda billi dgħajfilha fin fin il-​fiduċja tagħha fit-​tjubija taʼ Jehovah. Jehovah kien qal lil Adam: “Mis-​siġar kollha tal-​ġnien tistaʼ tiekol.” Mill-​eluf taʼ siġar li kienu jżejnu dak il-​ġnien, Jehovah ċaħħad lill-​bniedem minn waħda biss. Madankollu, innota kif Satana poġġa l-​ewwel mistoqsija li staqsa lil Eva: “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-​siġar kollha tal-​ġnien’?” (Ġenesi 2:9, 16; 3:1) Satana għawweġ kliem Jehovah biex Eva taħseb li Jehovah kien qed iżomm lura xi ħaġa tajba. B’dispjaċir, din it-​tattika ħadmet. Eva, bħal ħafna rġiel u nisa li ġew warajha, bdiet tiddubita mit-​tjubija t’Alla, li kien taha kulma kellha.

20 Aħna nafu x’għali u x’miżerja kbira ġabu dawn id-​dubji. Mela ejja nagħtu kas il-​kliem taʼ Ġeremija 31:12: ‘Wiċċhom għad jiddi minħabba t-​tjieba tal-​Mulej.’ Għandna tabilħaqq niddu bil-​ferħ minħabba t-​tjubija taʼ Jehovah. Qatt m’hemm għalfejn niddubitaw il-​motivi t’Alla tagħna, li hu tant mimli tjubija. Nistgħu nafdaw fih kompletament, għax hu ma jixtieq xejn ħlief it-​tajjeb għal dawk li jħobbuh.

21, 22. (a) X’inhuma xi modi kif int tixtieq twieġeb għat-​tjubija taʼ Jehovah? (b) Liema kwalità se niddiskutu fil-​kapitlu li jmiss, u din kif inhi differenti mit-​tjubija?

21 Iżjed minn hekk, aħna nifirħu meta jkollna l-​opportunità li nitkellmu m’oħrajn dwar it-​tjubija t’Alla. Salm 145:7 jgħid dwar in-​nies taʼ Jehovah: “It-​tjubija tiegħek bla qjies ifakkru.” Kull ġurnata li tgħaddi, aħna nibbenefikaw b’xi mod mit-​tjubija taʼ Jehovah. Għala ma tagħmilhiex drawwa li kuljum tirringrazzja lil Jehovah għat-​tjubija tiegħu, u tkun speċifiku kemm jistaʼ jkun? Jekk naħsbu dwar din il-​kwalità, nirringrazzjaw kuljum lil Jehovah għaliha, u ngħidu lil oħrajn dwarha, se nkunu nistgħu nimitaw iktar lill-​Alla tajjeb tagħna. U hekk kif infittxu modi biex nagħmlu t-​tajjeb, bħalma jagħmel Jehovah, se nersqu eqreb lejh. L-​appostlu xwejjaħ Ġwanni kiteb: “Għażiż, timxix fuq il-​ħażin, imma fuq it-​tajjeb. Min jagħmel it-​tajjeb ġej minn Alla.”—3 Ġwanni 11.

22 It-​tjubija taʼ Jehovah hija marbuta wkoll ma’ kwalitajiet oħra. Per eżempju, Alla hu “kbir fit-​tjieba [“qalb tajba bl-​imħabba,” NW], jew imħabba leali.” (Eżodu 34:6) Din il-​kwalità hija iktar speċifika mit-​tjubija, għax Jehovah jesprimiha b’mod partikulari lejn il-​qaddejja leali tiegħu. Fil-​kapitlu li jmiss, se nitgħallmu kif jagħmel dan.

^ par. 14 Ma jistax ikun hemm eżempju aqwa tat-​tjubija taʼ Jehovah mill-​fidwa. Mill-​miljuni taʼ ħlejjaq spirti minfejn jagħżel, Jehovah għażel lill-​Iben uniġenitu u maħbub tiegħu biex imut għalina.

^ par. 18 B’mod xieraq, il-​Bibbja tassoċja l-​verità mad-​dawl. “Ibgħat id-​dawl tiegħek u s-​sewwa tiegħek,” kanta s-​salmista. (Salm 43:3) Jehovah jitfaʼ abbundanza taʼ dawl spiritwali fuq dawk li huma lesti jitgħallmu, jew jiġu mdawlin, minnu.—2 Korintin 4:6; 1 Ġwanni 1:5.