Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 29

‘Nagħrfu l-imħabba ta’ Kristu’

‘Nagħrfu l-imħabba ta’ Kristu’

1-3. (a) X’qanqal lil Ġesù biex ikollu x-​xewqa li jkun bħal Missieru? (b) Liema aspetti taʼ l-​imħabba taʼ Ġesù se neżaminaw?

 ĠIELI rajt lil xi tifel żgħir jipprova jkun bħal missieru? It-​tifel forsi jipprova jimita l-​mod kif missieru jimxi, jitkellem, jew jaġixxi. Maż-​żmien, it-​tifel jistaʼ anki jdaħħal ġo fih il-​valuri morali u spiritwali taʼ missieru. Iva, l-​imħabba u l-​ammirazzjoni li iben iħoss għal missier mimli mħabba jqanqlu lit-​tifel biex ikollu x-​xewqa li jkun bħal missieru.

2 Xi ngħidu dwar ir-​relazzjoni bejn Ġesù u Missieru tas-​sema? “Jiena nħobb lill-​Missier,” Ġesù qal f’okkażjoni minnhom. (Ġwanni 14:31) Ħadd qatt ma jistaʼ jħobb lil Jehovah iktar milli jħobbu Ibnu, li kien mal-​Missier ħafna żmien qabel ma bdew jeżistu ħlejjaq oħra. Din l-​imħabba qanqlet lil dan l-​Iben devot biex ikollu x-​xewqa li jkun bħal Missieru.—Ġwanni 14:9.

3 F’kapitli taʼ qabel f’dan il-​ktieb, iddiskutejna kif Ġesù imita b’mod perfett il-​qawwa, il-​ġustizzja, u l-​għerf taʼ Jehovah. Iżda, Ġesù kif irrifletta l-​imħabba taʼ Missieru? Ejja neżaminaw tliet aspetti taʼ l-​imħabba taʼ Ġesù—l-​ispirtu taʼ sagrifiċċju, il-​mogħdrija tenera, u r-​rieda li jaħfer.

“Ħadd Ma Għandu Mħabba Akbar minn Din”

4. Ġesù kif ta l-​akbar eżempju uman taʼ l-​imħabba mhix egoista?

4 Ġesù ta eżempju mill-​aqwa taʼ mħabba mhix egoista. Din l-​imħabba tinvolvi li mingħajr egoiżmu npoġġu l-​bżonnijiet u l-​interessi t’oħrajn qabel tagħna. Ġesù kif wera mħabba bħal din? Hu stess spjega: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” (Ġwanni 15:13) Ġesù kien lest li jagħti l-​ħajja perfetta tiegħu għalina. Din kienet l-​akbar espressjoni taʼ mħabba li qatt wera xi bniedem. Imma Ġesù wera b’modi oħra wkoll l-​imħabba mhix egoista.

5. Il-​fatt li ħalla s-​smewwiet għala kien sagrifiċċju taʼ mħabba min-​naħa taʼ l-​Iben uniġenitu t’Alla?

5 Qabel ma beda jeżisti bħala bniedem, l-​Iben uniġenitu t’Alla kellu pożizzjoni privileġġata u għolja fis-​smewwiet. Hu kellu sħubija intima ma’ Jehovah u m’għadd kbir taʼ ħlejjaq spirti. Minkejja dawn il-​vantaġġi persunali, dan l-​Iben għażiż “xejjen lilu nnifsu billi ħa n-​natura taʼ lsir; sar jixbah lill-​bnedmin.” (Filippin 2:7) Hu kien lest li jiġi jgħix fost bnedmin midinba f’dinja li “qiegħda taħt idejn il-​Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) Ma kienx dan sagrifiċċju taʼ mħabba min-​naħa taʼ Bin Alla?

6, 7. (a) Ġesù b’liema modi wera mħabba mhix egoista matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art? (b) X’eżempju kommoventi taʼ mħabba mhix egoista jinsab imniżżel fi Ġwanni 19:25-​27?

6 Matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù wera mħabba mhix egoista b’diversi modi. Hu ma kellu l-​ebda sinjal taʼ egoiżmu fih. Tant kien medhi bil-​ministeru tiegħu li ssagrifika kumditajiet li normalment il-​bnedmin ikunu mdorrijin bihom. “Il-​volpijiet għandhom l-​għerien tagħhom, u l-​għasafar tas-​sema l-​bejtiet,” hu qal, “iżda Bin il-​bniedem ma għandux fejn imidd rasu.” (Mattew 8:20) Peress li kien mastrudaxxa tas-​sengħa, Ġesù setaʼ ddedika ftit żmien biex jibni dar komda għalih jew biex jagħmel għamara sabiħa u jbigħha ħalli jkollu xi ħaġa tal-​flus żejda. Imma hu m’użax l-​abbiltajiet tiegħu biex jikseb affarijiet materjali.

7 Eżempju verament kommoventi taʼ mħabba mhix egoista li wera Ġesù jinsab imniżżel fi Ġwanni 19:25-​27. Aħseb ftit kemm Ġesù kellu affarijiet fuq moħħu u f’qalbu dakinhar tal-​mewt tiegħu. Waqt it-​tbatija tiegħu fuq iz-​zokk, kien qed jinkwieta dwar id-​dixxipli tiegħu, ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, u speċjalment dwar l-​integrità tiegħu u kif din kienet se tirrifletti fuq isem Missieru. Fil-​fatt, il-​futur kollu taʼ l-​umanità kien jiddependi minnu! Madankollu, ftit mumenti qabel ma miet, Ġesù ħaseb ukoll f’ommu, Marija, li mid-​dehra kienet diġà romlot. Ġesù talab lill-​appostlu Ġwanni biex jieħu ħsieb lil Marija daqslikieku kienet ommu, u minn dakinhar ’il quddiem l-​appostlu ħa lil Marija ġo daru. B’hekk, Ġesù ra li jkun hemm min jieħu ħsieb ommu b’mod fiżiku u spiritwali. X’espressjoni tenera taʼ mħabba mingħajr egoiżmu!

“Tħassarhom”

8. Xi tfisser il-​kelma Griega li tuża l-​Bibbja biex tiddeskrivi l-​mogħdrija taʼ Ġesù?

8 Bħal Missieru, Ġesù wera mogħdrija. L-​Iskrittura tiddeskrivi lil Ġesù bħala wieħed li kien jagħmel ħiltu biex jgħin lin-​nies li kellhom il-​problemi għax kien iħoss ferm għalihom. Biex tiddeskrivi l-​mogħdrija taʼ Ġesù, il-​Bibbja tuża kelma Griega li tiġi tradotta “tħassarhom.” Wieħed studjuż jgħid: “Din tiddeskrivi . . . emozzjoni li tqanqal lil bniedem mill-​ġewwieni. Hija l-​iktar kelma qawwija fil-​Grieg li tiddeskrivi s-​sentiment taʼ mogħdrija.” Ikkunsidra xi sitwazzjonijiet li fihom Ġesù tqanqal b’mogħdrija profonda li ġagħlitu jaġixxi.

9, 10. (a) Liema ċirkustanzi ġagħlu lil Ġesù u l-​appostli tiegħu jsibu post għall-​kwiet? (b) Meta folla nies ma ħallitux bi kwietu, Ġesù kif irreaġixxa, u għala?

9 Imqanqal biex iwieġeb għall-​bżonnijiet spiritwali. Ir-​rakkont f’​Mark 6:30-​34 juri x’qanqal primarjament lil Ġesù biex jesprimi ħasra. Ġib ix-​xena quddiem għajnejk. L-​appostli kienu eċċitati għax kienu għadhom kif ġew minn mawra estensiva taʼ ppridkar. Huma rritornaw għand Ġesù u qalulu bil-​ħerqa dak kollu li kienu raw u semgħu. Imma madwarhom inġabret folla kbira, u Ġesù u l-​appostli lanqas ċans jieklu ma kellhom. Peress li dejjem kien josserva x’qed jiġri, Ġesù nnota li l-​appostli kienu għajjenin. “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit,” qalilhom. Huma telgħu fuq dgħajsa u qasmu minn naħa s’oħra tat-​tramuntana tal-​Baħar tal-​Galilija biex isibu post għall-​kwiet. Imma l-​folla rathom sejrin. Oħrajn semgħu x’kienu għamlu. Dawn in-​nies kollha ġrew tul il-​kosta tat-​tramuntana u waslu n-​naħa l-​oħra qabel id-​dgħajsa!

10 Iddejjaq Ġesù għax ma ħallewhx ftit fil-​kwiet? Lanqas xejn! Qalbu tqanqlet malli ra din il-​folla t’eluf taʼ nies tistennieh. Mark kiteb: “Ra kotra kbira taʼ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.” Ġesù ra lil dawn in-​nies bħala individwi li kellhom bżonnijiet spiritwali. Kienu bħal nagħaġ jiġġerrew mitlufin, mingħajr ragħaj biex jiggwidahom jew jipproteġihom. Ġesù kien jaf li n-​nies komuni kienu jiġu traskurati mill-​mexxejja reliġjużi bla qalb, mexxejja li suppost kellhom jieħdu ħsiebhom bħal rgħajja. (Ġwanni 7:47-​49) Hu ħass għan-​nies, u għalhekk beda jgħallimhom “fuq is-​Saltna taʼ Alla.” (Luqa 9:11) Innota li Ġesù tħassar lin-​nies saħansitra qabel ma ra kif se jirreaġixxu għal dak li kien se jgħallimhom. Fi kliem ieħor, il-​mogħdrija tenera ma kinitx ir-​riżultat talli għallem lill-​folla, imma l-​motiv talli għamel hekk.

‘Hu medd idu fuqu u messu’

11, 12. (a) In-​nies imġiddmin kif kienu jitqiesu fi żminijiet Bibliċi, imma Ġesù kif irreaġixxa meta resaq fuqu wieħed raġel “marid sewwa bil-​lebbra”? (b) Ir-​raġel imġiddem kif setaʼ ħassu malli messu Ġesù, u dan kif nistgħu nifhmuh mill-​esperjenza taʼ wieħed tabib?

11 Imqanqal biex itaffi s-​sofferenza. Nies b’mard differenti indunaw li Ġesù kellu l-​mogħdrija, u għalhekk ħassewhom miġbudin lejh. Din il-​ħaġa dehret b’mod speċjali meta Ġesù, b’folol taʼ nies jimxu warajh, ġie avviċinat minn raġel “marid sewwa bil-​lebbra.” (Luqa 5:12) Fi żminijiet Bibliċi, in-​nies bil-​lebbra, jew ġdiem, kienu jinżammu kwarantina biex ma jittiħdux nies oħra. (Numri 5:1-​4) Madankollu, maż-​żmien, il-​mexxejja rabbiniċi inkuraġġew ħarsa bla qalb lejn in-​nies bil-​ġdiem u imponew il-​liġijiet kefrin tagħhom stess. * Iżda innota kif Ġesù rreaġixxa għar-​raġel imġiddem: “Resaq fuqu wieħed lebbruż jitolbu bil-​ħerqa, nxteħet għarkubbtejh quddiemu u qallu: ‘Jekk trid, tistaʼ tnaddafni.’ Mqanqal mill-​ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: ‘Irrid, kun imnaddaf.’ U minnufih il-​lebbra marritlu.” (Mark 1:40-​42) Ġesù kien jaf li skond il-​liġi, ir-​raġel imġiddem lanqas biss suppost kellu jersaq ’l hemm. Madankollu, minflok ma keċċieh, Ġesù tant ħass għalih li għamel xi ħaġa li ħadd ma kien jobsorha. Ġesù messu!

12 Tistaʼ timmaġina kif ħassu dak ir-​raġel imġiddem malli messu xi ħadd? Biex nagħtu eżempju, ikkunsidra din l-​esperjenza. It-​Tabib Paul Brand, speċjalista tal-​mard tal-​ġdiem, jirrakkonta dwar raġel imġiddem li kien eżamina fl-​Indja. Matul il-​viżta, it-​tabib poġġa idu fuq spallet ir-​raġel imġiddem u, permezz taʼ interpretu, spjegalu x’kura kien se jkollu jieħu. F’ħin minnhom, ir-​raġel imġiddem beda jibki. “Għedt xi ħaġa ħażina?” staqsa t-​tabib. L-​interpretu staqsa lir-​raġel żagħżugħ bil-​lingwa tiegħu u wieġeb: “Le, tabib. Qal li qed jibki għax int poġġejt idek fuq spalltu. Sa ma ġie hawn kien ilu s-​snin ma jmissu xi ħadd.” Fil-​każ tar-​raġel imġiddem li resaq fuq Ġesù, il-​fatt li messu Ġesù kien ifisser xi ħaġa ħafna akbar għalih. Wara li messu darba, il-​marda li begħditu minn kulħadd telqet għalkollox!

13, 14. (a) X’ra Ġesù x’ħin qorob lejn il-​belt taʼ Najn, u dan il-​każ għala kien tassew traġiku? (b) Il-​mogħdrija taʼ Ġesù qanqlitu biex jieħu liema azzjoni għan-​nom taʼ l-​armla taʼ Najn?

13 Imqanqal biex ineħħi n-​niket. Ġesù kien iħoss ħafna għall-​oħrajn meta kien jarahom imnikktin minħabba l-​mewt taʼ xi ħadd. Ikkunsidra, per eżempju, ir-​rakkont f’​Luqa 7:11-​15. Din il-​ġrajja ġrat meta Ġesù kien wasal f’nofs il-​ministeru tiegħu, u kien jinsab barra l-​belt Galilija taʼ Najn. Hekk kif Ġesù qorob bieb il-​belt, ra funeral għaddej. Dan kien każ tassew traġiku. Kien miet wieħed żagħżugħ, tifel uniku, u ommu kienet armla. Fil-​passat, din il-​mara x’aktarx li kienet imxiet wara funeral bħal dan—dak taʼ żewġha. Din id-​darba kien imiss lil binha, x’aktarx l-​uniku bniedem li setaʼ jmantniha. Għandu mnejn li fil-​folla tan-​nies kien hemm bekkejja oħra li kienu jgħannu għanjiet taʼ tinwiħ u mużiċisti jdoqqu mużika taʼ swied il-​qalb. (Ġeremija 9:16, 17 [9:17, 18, NW]; Mattew 9:23) Madankollu, il-​ħarsa taʼ Ġesù kienet mitfugħa fuq l-​omm mifnija bin-​niket, li bla dubju kienet qed timxi biswit il-​katalett bil-​ġisem taʼ binha.

14 Ġesù “tħassarha” lill-​omm imnikkta. B’ton taʼ faraġ, hu qalilha: “Tibkix.” Mingħajr ħadd ma qallu, hu resaq qrib il-​katalett u messu. Ir-​reffiegħa—u forsi l-​bqija tal-​folla—waqfu jimxu. B’leħen t’awtorità, Ġesù kellem lill-​ġisem bla ħajja: “Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!” Imbagħad x’ġara? “Il-​mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem” qisu kien għadu jqum minn xi raqda fil-​fond! Imbagħad insibu stqarrija li tmisslek qalbek: “U Ġesù tah lil ommu.”

15. (a) Ir-​rakkonti Bibliċi dwar kif Ġesù kien jitħassar lin-​nies juru liema rabta bejn il-​mogħdrija u l-​azzjoni? (b) Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù f’din il-​ħaġa?

15 X’nitgħallmu minn dawn ir-​rakkonti? Innota li f’kull każ, hemm rabta bejn il-​mogħdrija u l-​azzjoni. Ġesù ma setax jara lil xi ħadd ibati mingħajr ma jitħassru, u ma setax iħoss mogħdrija bħal din mingħajr ma jaġixxi b’xi mod. Kif nistgħu nimitaw l-​eżempju tiegħu? Bħala Kristjani, aħna obbligati li nippridkaw l-​aħbar tajba u li nagħmlu dixxipli. Primarjament, il-​motivazzjoni tagħna hija l-​imħabba għal Alla. Ejja niftakru, iżda, li dan huwa wkoll xogħol li jeħtieġ mogħdrija. Meta nħossu għan-​nies bħalma għamel Ġesù, qalbna se tqanqalna biex nagħmlu dak kollu li nistgħu ħalli naqsmu l-​aħbar tajba magħhom. (Mattew 22:37-​39) U xi ngħidu dwar li nuru mogħdrija ma’ sħabna fit-​twemmin li qed ibatu jew jinsabu għaddejjin minn niket kbir minħabba xi mewt taʼ xi ħadd? Ma nistgħux nagħmlu l-​mirakli u nfejqu l-​mard jew inqajmu lill-​mejtin. Madankollu, nistgħu nuru din il-​mogħdrija bl-​azzjonijiet billi nieħdu l-​inizjattiva u nuruhom li qed naħsbu fihom jew noffrulhom għajnuna prattika xierqa.—Efesin 4:32.

“Missier, Aħfrilhom”

16. Kif jidher ċar li Ġesù kien lest li jaħfer anki meta kien fuq iz-​zokk tat-​tortura?

16 Ġesù rrifletta perfettament l-​imħabba taʼ Missieru b’mod importanti ieħor—hu kien lest li ‘jaħfer.’ (Salm 86:5) Din ir-​rieda kienet tidher ċar anki meta kien fuq iz-​zokk tat-​tortura. Meta kellu jgħaddi minn mewta taʼ mistħija, b’idejh u saqajh minfudin bl-​imsiemer, Ġesù dwar xiex tkellem? Sejjaħ hu lil Jehovah biex jikkastiga lil min kien se joqtlu? Għall-​kuntrarju, fost l-​aħħar kliem li qal Ġesù nsibu: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.”—Luqa 23:34. *

17-19. Ġesù b’liema modi wera li kien ħafer lill-​appostlu Pietru talli ċaħdu tliet darbiet?

17 Forsi eżempju iktar kommoventi tal-​maħfra taʼ Ġesù nistgħu narawh fil-​mod kif mexa ma’ l-​appostlu Pietru. M’hemm ebda dubju li Pietru kien iħobbu ħafna lil Ġesù. Fl-​14 taʼ Nisan, l-​aħħar lejl fil-​ħajja taʼ Ġesù, Pietru qallu: “Mulej, jiena lest li miegħek niġi saħansitra l-​ħabs, lest li nieħu l-​mewt ukoll.” Madankollu, ftit sigħat wara, Pietru tliet darbiet sostna li lil Ġesù lanqas biss kien jafu! Il-​Bibbja tgħidilna xi ġralu Pietru malli ċaħdu għat-​tielet darba: “Il-​Mulej dar u ħares lejn Pietru.” Mifni bit-​toqol tad-​dnub tiegħu, Pietru “ħareġ ’il barra jibki b’qalbu maqsuma.” Meta Ġesù miet iktar tard f’dak il-​jum, l-​appostlu setaʼ ħaseb bejnu u bejn ruħu, ‘Tgħid ħafirli l-​Mulej tiegħi?’—Luqa 22:33, 61, 62.

18 Pietru ma kellux jistenna ħafna għat-​tweġiba. Ġesù ġie rxoxtat sbieħ is-​16 taʼ Nisan, u mid-​dehra, dakinhar stess żar personalment lil Pietru. (Luqa 24:34; 1 Korintin 15:4-​8) Ġesù għala ta daqshekk attenzjoni speċjali lill-​appostlu li kien ċaħdu bil-​kbir? Forsi Ġesù ried jiżgura lil Pietru, li kien nidem, illi hu kien għadu maħbub u stmat mill-​Mulej tiegħu. Imma Ġesù għamel xi ħaġa oħra biex iqawwilu qalbu lil Pietru.

19 Xi żmien wara, Ġesù deher lid-​dixxipli tiegħu fil-​Baħar tal-​Galilija. F’din l-​okkażjoni, Ġesù tliet darbiet staqsa lil Pietru (li kien ċaħad lill-​Mulej tiegħu tliet darbiet) jekk kienx iħobbu. Wara t-​tielet darba, Pietru wieġbu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok.” Tabilħaqq, Ġesù, li setaʼ jaqra l-​qlub, kien jaf sew li Pietru jħobbu u kellu affezzjoni lejh. Madankollu, Ġesù ta opportunità lil Pietru biex jikkonferma mħabbtu. Iktar minn hekk, Ġesù inkariga lil Pietru biex jitmaʼ u jirgħa lin-​nagħaġ ċkejknin Tiegħu. (Ġwanni 21:15-​17) Iktar kmieni, Pietru kien irċieva inkarigu biex jippriedka. (Luqa 5:10) Imma issa, b’turija kbira taʼ fiduċja, Ġesù tah responsabbiltà importanti oħra—li jieħu ħsieb dawk li kienu se jsiru s-​segwaċi taʼ Kristu. Ftit żmien wara, Ġesù ta lil Pietru rwol prominenti fl-​attività tad-​dixxipli. (Atti 2:1-​41) Min jaf x’serħan ħass Pietru għax kien jaf li Ġesù kien ħafirlu u kien għadu jafdah!

Int ‘Tagħraf l-​Imħabba taʼ Kristu’?

20, 21. Kif nistgħu ‘nagħrfu l-​imħabba taʼ Kristu’ bis-​sħiħ?

20 Iva, il-​Kelma taʼ Jehovah tiddeskrivi b’mod sabiħ l-​imħabba taʼ Kristu. Kif, iżda, għandna nirreaġixxu għall-​imħabba taʼ Ġesù? Il-​Bibbja tħeġġiġna biex ‘nagħrfu l-​imħabba taʼ Kristu li tisboq kull għerf.’ (Efesin 3:19) Bħalma rajna, ir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju dwar il-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù jgħallmuna ħafna dwar l-​imħabba taʼ Kristu. Madankollu, biex ‘nagħrfu l-​imħabba taʼ Kristu’ bis-​sħiħ jinvolvi ħafna iktar milli nitgħallmu dak li l-​Bibbja tgħid dwaru.

21 Il-​kelma Griega tradotta “tagħrfu” tfisser li wieħed ikun jaf “b’mod prattiku, mill-​esperjenza.” Meta nuru mħabba kif urieha Ġesù—billi nagħtu minna nfusna bla egoiżmu għan-​nom t’oħrajn, inwieġbu b’mogħdrija għall-​bżonnijiet tagħhom, naħfrulhom minn qalbna—imbagħad inkunu nistgħu ġenwinament nifhmu kif ħassu Ġesù. B’dan il-​mod, mill-​esperjenza ‘nagħrfu l-​imħabba taʼ Kristu li tisboq kull għerf.’ U jalla qatt ma ninsew li iktar ma nsiru bħal Kristu, iktar se nersqu qrib lejn dak il-​wieħed li Ġesù imita b’mod perfett, Alla tagħna taʼ mħabba, Jehovah.

^ par. 11 Il-​liġijiet rabbiniċi kienu jgħidu li bniedem kellu jżomm ’il bogħod minn wieħed imġiddem mill-​inqas erba’ kubiti (kważi żewġ metri). Imma jekk kien ikun għaddej ir-​riħ, l-​imġiddem kellu jinżamm ’il bogħod mill-​inqas 100 kubitu (45 metru). Il-​Midrash Rabbah jitkellem dwar wieħed rabbi li kien imur jinħeba malli jara mġiddem u dwar ieħor li kien jitfgħalhom il-​ġebel biex ikeċċihom. B’hekk, l-​imġiddmin kienu jafu x’jiġifieri l-​uġigħ li tħoss meta kulħadd jitbiegħed minnek, u meta tħossok mibgħud u li ħadd ma jridek.

^ par. 16 L-​ewwel parti taʼ Luqa 23:34 tħalliet barra f’ċerti manuskritti antiki. Madankollu, peress li dan il-​kliem jinsab f’ħafna manuskritti oħra t’awtorità, ġie mniżżel fin-​New World Translation u f’għadd taʼ traduzzjonijiet oħra. B’mod evidenti Ġesù kien qiegħed jitkellem dwar is-​suldati Rumani li sammruh maz-​zokk. Dawn ma kinux jafu x’qegħdin jagħmlu, għax ma rrealizzawx min tassew kien Ġesù. M’għandniex xi ngħidu, il-​mexxejja reliġjużi li pprovokaw dan il-​qtil kienu ħatjin bil-​wisq iktar, għax huma kienu jafu x’qegħdin jagħmlu u aġixxew b’malizzja. Għal ħafna minnhom, il-​maħfra ma kinitx possibbli.—Ġwanni 11:45-​53.